Indokraturi li Huma minn taʼ Quddiem—Dawk li Jikkonduċu l-Istudju tal-Ktieb tal-Kongregazzjoni
1 Huwa privileġġ taʼ l-għaġeb għal anzjan jew qaddej ministerjali kkwalifikat li jaqdi bħala dak li jikkonduċi l-Istudju tal-Ktieb tal-Kongregazzjoni. Peress li jrid jieħu ħsieb il-bżonnijiet spiritwali taʼ dawk fil-grupp tiegħu, għandu responsabbiltà serja. Id-dmirijiet tiegħu jinqasmu fi tliet kategoriji.
2 Tagħlim Kapaċi: Dak li jikkonduċi l-Istudju tal-Ktieb tal-Kongregazzjoni jeħtieġ li jipprepara bir-reqqa biex kull ġimgħa jkun ċert li dawk fil-grupp ikunu qed jifhmu. Hu jipprova jkabbar l-apprezzament għall-materjal li nkunu qed nistudjaw. Minflok ma jikkummenta żżejjed hu stess matul l-istudju, meta jkun hemm bżonn iqajjem iktar mistoqsijiet rilevanti biex joħroġ il-punti ewlenin tal-lezzjoni. L-isfida tiegħu hi li jagħmel l-istudju interessanti u istruttiv, u li jinvolvi lil kulħadd fid-diskussjoni. L-objettiv tiegħu hu li jibni spiritwalment, li jenfasizza l-valur prattiku taʼ l-istudju, u li jġiegħel il-materjal jilħaq kemm il-moħħ u kemm il-qalb.—1 Tess. 2:13.
3 Indokrar t’Għajnuna: Dak li jikkonduċi l-Istudju tal-Ktieb tal-Kongregazzjoni huwa “bħal ilqugħ għar-riħ, u kenn fit-tempesta.” (Is. 32:2) Hu tassew jimpurtah minn dawk kollha fil-grupp tiegħu u meta xi ħadd minnhom jiskuraġġixxi ruħu, dan jara li tingħatalu għajnuna spiritwali.—Eżek. 34:15, 16; 1 Tess. 2:7, 8.
4 Evanġelizzar Żeluż: Il-kuxjenza taʼ dak li jikkonduċi l-Istudju tal-Ktieb tal-Kongregazzjoni ġġagħlu jagħmel arranġamenti prattiċi għal dawk kollha fil-grupp tiegħu biex jipparteċipaw bis-sħiħ fil-ministeru taʼ l-għalqa. Huwa jkun minn taʼ quddiem fix-xogħol taʼ l-evanġelizzar, billi jaf li r-regolarità, iż-żelu, u l-entużjażmu li juri għas-servizz se jirriflettihom ukoll il-kumplament tal-grupp. (Kol. 4:17; 2 Tess. 3:9) Minn żmien għall-ieħor, hu jagħmel li jistaʼ biex jaħdem fis-servizz maʼ kull membru tal-grupp tiegħu. Jekk irridu nsinnu l-abbiltajiet tagħna taʼ l-ippridkar u tat-tagħlim fil-ministeru, dak li jikkonduċi l-Istudju tal-Ktieb tal-Kongregazzjoni jistaʼ jgħinna nilħqu l-mira tagħna.—1 Tim. 4:16; 2 Tim. 4:5.
5 Aħna tassew imberkin b’dawn id-doni fi bnedmin li huma lesti li joffrulna għajnuna spiritwali u appoġġ kollu mħabba. (1 Tess. 5:14) Jalla nuru l-apprezzament tagħna għal dan il-provvediment taʼ l-għaġeb minn Jehovah permezz tal-parteċipazzjoni regulari u l-appoġġ leali tagħna għax-xogħol taʼ l-evanġelizzar.—Lhud 10:25.