“Ilbsu l-Bniedem il-Ġdid”
1 Il-Kristjani japprezzawh il-fatt li jafu l-verità! Tgħallimna kif ngħixu sabiex nevitaw il-korsa tan-nies tad-dinja. Dawn huma ‘maqtugħin mill-ħajja t’Alla,’ u b’hekk “il-fehma tagħhom hi mdallma.” (Efes. 4:18) Aħna tgħallimna kif inġeddu mħuħna mill-mod taʼ ħsieb dinji billi nżajna l-personalità l-qadima u lbisna l-ġdida.—Efes. 4:22-24.
2 Il-personalità l-qadima twassal għal korsa taʼ degradazzjoni morali li kontinwament tkompli nieżla ’l isfel u li tirriżulta f’tinġis u mewt. Għalhekk, aħna nitolbu bil-ħerqa lil dawk kollha li jridu jagħtu widen għall-messaġġ tas-Saltna biex iwarrbu kull korla, għadab, ħażen, diskors abbużiv, u kliem oxxen. Dawk li jixtiequ l-favur t’Alla għandhom iwarrbu l-personalità l-qadima darba għal dejjem u kompletament—bl-istess mod kif jinżgħu xi libsa maħmuġa.—Kol. 3:8, 9.
3 Forza Ġdida li Tħaddem lill-Moħħ: Biex nilbsu l-personalità l-ġdida rridu nġeddu l-forza li tħaddem lil imħuħna. (Efes. 4:23) Wieħed kif jistaʼ jġeddidha dik il-forza, jew id-dispożizzjoni mentali, sabiex jixxaqleb lejn id-direzzjoni t-tajba? Dan isir bi studju regulari u bir-reqqa tal-Kelma t’Alla u bil-meditazzjoni fuq dak li tfisser. Imbagħad, jiżviluppa mudell ġdid taʼ ħsieb, u l-individwu jara l-affarijiet mill-ħarsa t’Alla u taʼ Kristu. Il-ħajja taʼ dak li jkun tittrasforma hekk kif ixidd għadd taʼ kwalitajiet bħal taʼ Kristu, inkluż il-mogħdrija, il-qalb tajba, l-umiltà, il-ħlewwa, is-sabar fit-tul, u l-imħabba.—Kol. 3:10, 12-14.
4 Billi nilbsu l-personalità l-ġdida, aħna ma nkunux parti mid-dinja. Il-mod taʼ ħajja tagħna jagħmilna differenti. Nitkellmu l-verità u nużaw diskors edifikanti biex nibnu lil ħaddieħor. Nikkontrollaw l-għadab, l-imrar, it-twerżiq, it-tagħjir, u l-ħażen kollu u nibdluhom maʼ kwalitajiet taʼ tjieba u divini. Nagħmlu iżjed minn dak li normalment jintalab minna biex naħfru. Dan kollu nagħmluh minn qalbna għax irridu.—Efes. 4:25-32.
5 Qatt tinżaʼ l-personalità l-ġdida. Ma nistgħux naqdu lil Jehovah b’mod aċċettabbli mingħajrha. Ħalliha tgħinek tiġbed lin-nies lejn il-verità, u ħalliha tigglorifika lil Jehovah, il-Ħallieq tal-personalità l-ġdida tagħna taʼ l-għaġeb.—Efes. 4:24.