Irrispetta Profondament l-Isem Sabiħ taʼ Jehovah
1 Satana infama l-isem t’Alla meta bil-persważjoni wassal lill-ewwel ġenituri tagħna biex jidinbu. Ix-Xitan insinwa li Jehovah kien gidiblu lil Adam. (Ġen. 3:1-5) Ladarba l-isem divin huwa marbut maʼ l-abbiltà t’Alla li jwettaq kelmtu, l-allegazzjoni taʼ Satana kienet l-agħar kalunnja. Jehovah naddaf ismu mit-tkasbir u għamlu sabiħ billi progressivament wettaq l-iskop divin tiegħu.—Is. 63:12-14.
2 Aħna l-poplu li Jehovah ‘sejjaħlu b’ismu.’ (Atti 15:14, 17) Dan jagħtina l-opportunità li nuru kif inħossuna dwar it-tqaddis taʼ dan l-isem. Nafu li l-isem taʼ Jehovah huwa tassew sabiħ, peress li jirrappreżenta kulma hu tajjeb, ġentili, ħanin, ġust, u kollu mħabba. Il-kobor taʼ l-isem glorjuż t’Alla jimliena bi stagħġib. (Salm 8:2 [8:1, New World Translation]; 99:3; 148:13) X’għandna nitqanqlu biex nagħmlu?
3 Inqaddsu l-Isem t’Alla: L-isem t’Alla ma jistax isir qaddis iktar milli hu diġà. Imma bil-kondotta nadifa tagħna u bl-ippridkar tagħna dwar is-Saltna, nistgħu nuru li aħna nirrispettaw l-isem t’Alla bl-iktar mod profond possibbli. Ejja nesklamaw: “Roddu ħajr lill-Mulej, sejjħu ismu, għarrfu lill-ġnus bl-għemejjel tiegħu, xandru li ismu huwa fl-għoli.” (Is. 12:4) Dan kif nistgħu nagħmluh?
4 Nistgħu nieħdu vantaġġ minn kull opportunità biex niddikjaraw l-isem taʼ Jehovah u dak kollu li jirrappreżenta. Sew jekk b’mod formali jew informali, inkella minn dar għal dar jew minn ħanut għal ħanut, jew inkella fit-triq jew bit-telefon, l-attività tagħna taʼ l-ippridkar tonora lil Jehovah. Meta nsibu lil uħud li juru interess u jisimgħu, għandna nagħmlu appuntamenti definiti biex immorru lura u ngħallmuhom iktar dwar Jehovah. Dan ifisser li rridu nkunu ċerti li nżommuhom dawk l-appuntamenti, u nipperseveraw fl-isforzi tagħna biex nibdew studji tal-Bibbja fid-djar. B’ferħ, kull sena mijiet t’eluf qed jibdew isiru jafu, jirrispettaw, u jqaddsu l-isem sabiħ taʼ Jehovah.
5 Il-parteċipazzjoni b’qalbna kollha fix-xogħol tat-tqaddis taʼ l-isem t’Alla turi biċ-ċar il-pożizzjoni tagħna fil-kwistjoni li qajjem Satana f’Għeden. Dan huwa l-iktar xogħol nobbli u onorabbli li nistgħu nagħmlu. Ejja nirrispettaw profondament u nfaħħru biż-żelu l-isem glorjuż taʼ Jehovah!—1 Kron. 29:13.