X’Jistaʼ Jgħinna biex Inżommu Sħaħ fil-Fidi?
1 Minn mindu bdejna nassoċjaw maʼ l-organizzazzjoni taʼ Jehovah, il-progress spiritwali tagħna kien sors taʼ ferħ għalina! Madankollu, biex nibqgħu ‘bl-għeruq, mibnijin, u msaħħin fil-fidi,’ huwa neċessarju li nibqgħu nikbru spiritwalment. (Kol. 2:6, 7) Filwaqt li l-biċċa l-kbira mxew ’il quddiem spiritwalment, xi wħud tbegħdu minħabba li naqsu li ‘jżommu sħaħ fil-fidi.’ (1 Kor. 16:13) Aħna nistgħu nevitaw li dan jiġri lilna. Kif?
2 Attività Spiritwali Kostanti: Stabbilixxi rutina spiritwali tajba ġewwa l-organizzazzjoni taʼ Jehovah. Din tieħu ħsieb ħafna tal-bżonnijiet spiritwali tagħna. Il-laqgħat tal-kongregazzjoni, l-assembleat, u l-konvenzjonijiet jagħtuna spinta lejn tkabbir u stabbilità spiritwali akbar, dejjem jekk aħna nattendu b’mod kostanti biex naħsdu l-benefiċċji. (Lhud 10:24, 25) Rutina regulari taʼ qari tal-Bibbja, kif ukoll tar-rivisti Torri taʼ l-Għassa u Stenbaħ!, u taʼ kotba oħra li jiddiskutu l-ikel solidu tal-Kelma t’Alla, se tniżżel l-għeruq spiritwali tagħna fil-fond u tagħmilhom b’saħħithom. (Lhud 5:14) Li tpoġġi miri spiritwali persunali u taħdem b’mod diliġenti fuqhom ukoll se jġib benefiċċji dejjiema.—Flp. 3:16.
3 Għajnuna Mingħand Uħud Maturi: Ipprova twessaʼ fis-sħubija tiegħek maʼ wħud maturi spiritwalment fil-kongregazzjoni. Sir af lill-anzjani, peress li huma l-uħud minn taʼ quddiemnett li jistgħu jsaħħuna. (1 Tess. 2:11, 12) Ilqaʼ kwalunkwe parir jew suġġeriment li jistgħu joffrulek. (Efes. 4:11-16) Il-qaddejja ministerjali wkoll huma interessati f’li jgħinu lil oħrajn biex isiru wħud li jżommu sħiħ fil-fidi, u għalhekk fittex lil dawn l-aħwa għall-inkuraġġiment.
4 Għandek bżonn l-għajnuna fil-ministeru? Tkellem maʼ l-anzjani, u itlobhom l-għajnuna. Forsi tistaʼ tiġi inkluż fil-programm Pijunieri Jgħinu lil Oħrajn. Għadek kemm tgħammidt? Li tistudja l-ktieb Our Ministry u tapplika dak li fih se jistimula l-progress lejn il-maturità spiritwali. Int ġenitur? Saħħaħ kontinwament l-ispiritwalità taʼ wliedek.—Efes. 6:4.
5 Billi nkunu mqabbdin bl-għeruq fil-fidi u msaħħin fiha, aħna ngawdu relazzjoni mill-qrib maʼ Jehovah u sħubija kordjali maʼ ħutna. Dan jgħinna biex nirreżistu l-attakki taʼ Satana, u jsaħħaħ it-tama tagħna taʼ futur etern.—1 Pt. 5:9, 10.