Ħeġġeġ il-Ġiri Wara Miri Spiritwali
1 Qatt qabel ma kien hawn daqshekk żgħażagħ jieħdu sehem fl-ippridkar taʼ l-aħbar tajba tas-Saltna! Għaxriet taʼ eluf qed jilqgħu l-parir li nsibu f’Koħèlet 12:1: “Ftakar f’min ħalqek f’jiem żgħożitek.” Xi jqanqal lil dawn iż-żgħażagħ biex jieħdu sehem regulari fil-ministeru, u għala ħafna minnhom jaqdu fis-servizz taʼ pijunier?
2 Bla dubju ħafna huma dawk li qed jimitaw il-kondotta tar-raġel żagħżugħ li jispikka Timotju. Ommu u nanntu tawh il-benefiċċju taʼ taħriġ spiritwali mill-infanzja u ħeġġewh biex jiġri wara miri spiritwali. (2 Tim. 3:14, 15) B’hekk, meta qamet l-opportunità għal privileġġi miżjuda taʼ servizz, hu kien kwalifikat u lest li jidħol għalihom.—Atti 16:1-3.
3 Kif jistgħu iktar żgħażagħ jiġu mħeġġin biex jiġru wara miri spiritwali? Liema tip taʼ pedament irid jitpoġġa? Kif jistgħu l-ġenituri jibnu apprezzament għall-verità fit-tfal tagħhom u jgħinuhom jagħmlu miri fit-tul għalihom infushom?
4 Poġġi Pedament Skritturali: Il-ġenituri jridu jkunu ċerti li dak li qed jgħallmu lil uliedhom ġej minn Jehovah sabiex b’hekk it-tfal ikollhom “l-għerf li jwassal għas-salvazzjoni.” (2 Tim. 3:15) Stinka b’mod diliġenti biex tikkultiva fihom imħabba profonda għall-Kelma t’Alla, il-Bibbja. Għal dan hemm bżonn taʼ studju tal-Bibbja regulari u sinifikanti mfassal skond il-bżonnijiet tagħhom, flimkien maʼ l-attendenza regulari għal-laqgħat. Biex iż-żgħażagħ ikollhom fidi qawwija li se tqanqalhom biex jiġru wara miri spiritwali, irid ikollhom programm persunali taʼ studju tal-Bibbja u jridu jiżviluppaw relazzjoni persunali maʼ Jehovah.—1 Tess. 5:21 NW; Lhud 11:1.
5 Iż-żgħażagħ Kristjani se jkunu iktar lesti li jiġru wara l-interessi spiritwali jekk il-ġenituri tagħhom u aħwa maturi oħrajn fil-kongregazzjoni jagħtuhom eżempju mill-aħjar u jkunu jiddu bil-“ferħ tal-Mulej.” (Neħ. 8:10) Billi nuru l-ferħ, ilkoll kemm aħna nistgħu ngħinu liż-żgħażagħ japprezzaw il-fatt li dak li hu meħtieġ fil-Kristjanità vera m’huwiex taʼ piż.—1 Ġw. 5:3.
6 Bosta żgħażagħ ġew influwenzati ħafna minn pijunieri, missjunarji, u indokraturi li jivvjaġġaw li ħadmu magħhom fis-servizz taʼ l-għalqa jew li qalulhom xi kliem inkuraġġanti. Il-ġenituri jistgħu jgħinu f’dan billi jistiednu lil xi wħud eżemplari li jaħdmu fis-servizz full-time biex imorru d-dar għall-ikel jew f’ħinijiet oħrajn għal sħubija Kristjana. Ġesù pprovda l-aħjar eżempju f’li jagħti attenzjoni bilanċjata lil uħud iżgħar.—Mk. 10:13-16.
7 Jitpoġġew il-Miri: Bi gwida kif suppost mill-ġenituri, it-tfal spiss jagħmlu miri spiritwali għalihom infushom minn meta jkunu għadhom żgħar. Ladarba ż-żgħażagħ jiddeċiedu liema mira spiritwali taʼ valur jixtiequ jilħqu, kemm jekk fis-servizz taʼ pijunier, li jaqdu fejn il-bżonn huwa akbar, fis-servizz f’Betel jew bħala missjunarji, jew miri oħra, il-ġenituri u aħwa maturi oħrajn jistgħu jħeġġuhom bl-imħabba biex ikomplu jaħdmu lejn il-mira tagħhom, filwaqt li jipprovdulhom suġġerimenti prattiċi li jqanqluhom biex jagħmlu iktar sforz.
8 Kull kongregazzjoni hi bħal familja. Għalhekk kull wieħed u waħda minna għandna nkunu interessati f’li ngħinu liż-żgħażagħ ikomplu jimxu fil-verità u jagħmlu progress spiritwali. Nistgħu nagħmlu dan billi nuruhom biċ-ċar l-imħabba tagħna lejhom u nħeġġuhom biex jiġru wara miri spiritwali. (km-E 5/92)