Kif Tkun Ferħan fis-Servizz Sagru Tiegħek
1 Huma ġew lura “ferħana.” Ir-rakkont Bibliku jesprimi kif ħassewhom is-70 dixxiplu meta ġew lura jirrapportaw dak li ġara lil Ġesù, wara li kienu marru fuq vjaġġ twil taʼ ppridkar. Huma esperjenzaw sens ġewwieni taʼ pjaċir kbir f’li jagħmlu r-rieda t’Alla. (Lq. 10:17) X’jistaʼ jgħinek biex tkun ferħan b’mod simili fis-servizz sagru?
2 Attitudni Pożittiva: Int għandek il-privileġġ mogħti minn Alla li tgħid lin-nies x’inhu l-iskop grandjuż taʼ Jehovah. Billi tmur tippriedka, int tistaʼ tgħin lil xi individwu jeħles mill-prattiċi diżonesti taʼ din id-dinja u mill-irbit tar-reliġjon falza. Tistaʼ toffri lin-nies it-tama taʼ ħajja f’dinja mingħajr it-taħwid li għandna madwarna llum. Aħseb dwar kemm ikun ferħan Jehovah meta int tħawwel b’suċċess iż-żrieragħ tal-verità f’qalb li lesta li tismaʼ. Kun pożittiv meta titlob għall-ispirtu t’Alla biex jipproduċi fik il-frotta tal-ferħ hekk kif twettaq il-ministeru b’qalbek kollha.
3 Taħriġ Prattiku: Il-Laqgħa tas-Servizz taʼ żmienna ġiet imxebbha mas-sessjoni taʼ istruzzjoni li Ġesù ta lis-70 dixxiplu. Hu pprovda taħriġ sabiex huma setgħu jwettqu l-ministeru tagħhom b’mod effettiv. (Lq. 10:1-16) Illum il-Laqgħa tas-Servizz tħarrġek f’modi kif tavviċina lin-nies, kif tibda l-konversazzjonijiet, u kif tibda u tikkonduċi studji tal-Bibbja fid-djar. Billi tagħmel ħiltek u ttejjeb il-kapaċitajiet tiegħek taʼ l-ippridkar, int se ssib li l-biżaʼ se jonqoslok u inqas se tħossok li m’intix kapaċi, u minflok ikollok fiduċja u ferħ.
4 Iffoka fuq il-Futur: Ġesù sab ferħ fis-servizz sagru tiegħu minkejja s-sofferenzi li ssaporta. Għala? Għax żamm għajnejh miftuħin u ffokati fuq il-barkiet u l-privileġġi li kellu quddiemu. (Lhud 12:2) Int tistaʼ tagħmel l-istess billi żżomm moħħok u qalbek iffokati fuq l-isem taʼ Jehovah u fuq il-barkiet li ġejjin fid-dinja ġdida t’Alla. Dan se jżidlek il-ferħ u l-iskop fil-ministeru tiegħek.
5 Li tagħti servizz sagru lil Jehovah huwa l-akbar privileġġ li jistaʼ jkollok illum. Għalhekk, jalla tgħid: “Li nagħmel ir-rieda tiegħek. Alla tiegħi, dan jogħġobni.”—Salm 40:9 [40:8, NW].