Ittra Mingħand il-Ġemgħa li Tiggverna
Kemm aħna mberkin bħala Xhieda taʼ Jehovah! Aħna mhux biss għandna l-privileġġ li nafu lil Jehovah, l-uniku Alla ħaj u veru, il-Ħallieq taʼ l-univers, iżda wkoll li nġorru ismu u naqduh. Ma jistax ikollna barka akbar minn din!—Is. 43:12; Lhud 8:11.
Aħna għandna t-tama tas-salvazzjoni u l-inkarigu li nxandru l-aħbar tajba tas-Saltna sabiex oħrajn ukoll ikunu jistgħu jqimu lil Jehovah u jkollhom l-istess tama. (Mt. 24:14; Rum. 10:13, 14; 1 Tess. 5:8) B’ferħ ukoll, aħna nagħmlu parti minn fratellanza internazzjonali t’adoraturi li jħobbu u jgħinu b’mod attiv lil xulxin. Kemm huwa premjanti dan kollu!
Il-Bibbja b’mod xieraq tistidinna: “Aqdu bil-ferħ lill-Mulej. . . . Idħlu b’għana taʼ ħajr mill-bibien tiegħu, bit-tifħir fil-btieħi tat-tempju tiegħu; roddulu ħajr u bierku ismu! Għax twajjeb il-Mulej, għal dejjem it-tjieba tiegħu; minn żmien għal żmien il-fedeltà tiegħu.” (Salm 100:2-5) Biex taqdi lil Jehovah bil-ferħ irid ikollok relazzjoni persunali b’saħħitha miegħu. Hu jagħmilha possibbli li jkollna relazzjoni bħal din, u huwa l-privileġġ tagħna li nikkultivawha. Meta jkollna relazzjoni bħal din, inkunu nafu li Jehovah qiegħed dejjem hemm lest biex jgħinna u jsaħħaħna meta niġu fil-bżonn. Aħna nafu fiċ-ċert li hu se jipprovdilna s-saħħa spiritwali u d-direzzjoni li għandna bżonn biex niffaċċjaw l-isfidi tal-ħajja fl-aħħar jiem taʼ din is-sistema t’affarijiet. Minkejja l-pressjonijiet li niffaċċjaw, aħna xorta waħda ferħanin fil-ministeru tagħna, u nirringrazzjaw lil Jehovah kuljum għax, bħalma tfakkarna l-Kelma tiegħu, ‘hu jaħseb fina.’—1 Pt. 5:7.
Matul is-sena l-oħra, Jehovah berikna b’mod verament abbundanti. Fil-Konvenzjoni Distrettwali “Nagħmlu Dak li Tgħid il-Kelma t’Alla,” fraħna ħafna meta konna maʼ eluf oħrajn li għandhom l-istess fidi prezzjuża, inkantaw u ngawdu flimkien mill-mejda spiritwali taʼ Jehovah. Fl-Istudju tal-Ktieb tal-Kongregazzjoni ħadna pjaċir bl-esperjenza li saħħitilna l-fidi meta studjajna flimkien il-ktieb Oqgħod Attent għall-Profezija taʼ Danjel! U fuq kollox, kemm kien eċċitanti għalina meta rċivejna l-ewwel volum tal-pubblikazzjoni l-ġdida Il-Profezija taʼ Isaija—Dawl għall-Bnedmin Kollha! ‘Il-kalċi tagħna huwa mfawwar.’—Salm 23:5.
Kemm iġibilna ferħ meta niftakru li miljuni minn ħutna spiritwali qegħdin ilkoll f’għaqda naqdu lil Jehovah! Kemm niġu inkuraġġiti meta naqraw dwar il-quċċati ġodda li lħaqna fejn għandu x’jaqsam il-ministeru taʼ l-għalqa! Nifirħu meta naraw il-bosta miljuni li attendew għall-Mafkar tal-mewt tal-Mulej—u dan għamluh minkejja l-kundizzjonijiet tad-dinja. Hekk kif inħarsu lejn l-għalqa dinjija, huwa ovvju li “l-ħsad huwa kbir.” (Lq. 10:2) Is-sena l-oħra, kull ġimgħa kien hemm medja taʼ 5,555 student tal-Bibbja li pprogressaw sal-punt li waslu biex issimbolizzaw id-dedikazzjoni tagħhom permezz tal-magħmudija fl-ilma. Filwaqt li l-ħsad f’ċertu partijiet tad-dinja huwa akbar minn f’partijiet oħrajn, aħna lkoll nieħdu gost b’dak li Jehovah qed jagħmel. Naraw prova ċara tal-barka tiegħu fuq l-isforzi magħqudin tal-qaddejja tiegħu.
Il-bini tas-Swali tas-Saltna ġodda huwa raġuni oħra għalxiex nifirħu! Aħna nifirħu ħafna meta naraw l-appoġġ b’qalb sħiħa li qed jingħata f’dan ix-xogħol minn ħutna f’pajjiżi li qed jiżviluppaw. Mijiet taʼ Swali tas-Saltna diġà nbnew bl-għajnuna tal-Gruppi għall-Bini tas-Swali tas-Saltna li ngħataw kull taħriġ meħtieġ. Dawn l-aħwa jmorru minn kongregazzjoni għall-oħra f’pajjiżhom stess sabiex imexxu l-proġetti tal-bini tas-Swali tas-Saltna. Peress li għad baqaʼ ħafna Swali tas-Saltna x’jinbnew, hemm sejħa għal iktar volontieri minn dawn il-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jgħinu f’dan ix-xogħol bżonnjuż. Jekk int tgħix f’pajjiż bħal dan, tistaʼ tkun volontier? O, kemm japprezzaw l-għeżież ħutna li jkollhom is-Sala tas-Saltna tagħhom fejn jiltaqgħu biex jagħtu qima! U kemm huma grati lejn l-aħwa madwar id-dinja taʼ l-għajnuna finanzjarja li jagħtu sabiex dan jistaʼ jkun possibbli!
Aħbarijiet dwar rebħiet legali huma eċċitanti ferm għalina. Madankollu, f’ħafna postijiet hemm ukoll nies prominenti li jixtiequ joħonqu l-qima taʼ Jehovah. Hekk kif inkampaw maʼ dawn is-sitwazzjonijiet, b’fiduċja nafu li fejn għandha x’taqsam l-għajnuna, lil Jehovah ma jeffettwahx in-numru taʼ dawk kontrina jew kemm il-qaddejja tiegħu jistgħu jidhru bla difiża. (2 Kron. 14:10 [14:11, New World Translation]) Aħna nfaħħrukom ħutna kollha talli tkomplu tieqfu sod għall-qima vera.
Komplu saħħu l-fidi tagħkom u strieħu kompletament fuq Jehovah għad-direzzjoni tiegħu hekk kif bil-ferħ twettqu r-responsabbiltajiet Kristjani tagħkom. (Prov. 3:5, 6) M’għandniex għalxiex naqtgħu qalbna, minkejja dak li jitħalla jsir mill-għadu tagħna. Ftakru fl-inkuraġġiment li Eliżew ta lill-qaddej ansjuż tiegħu: “La tibżax! hemm nies aktar magħna milli magħhom.” (2 Slat. 6:15-17) Illum, bl-istess mod l-armata tas-sema taʼ Jehovah qegħda lesta biex tipproteġi l-interessi tal-qima pura bħalma kienet fi żmien Eliżew. Aħna nħarsu lejn il-futur b’fiduċja. Jehovah jikkontrolla kollox. Il-ġnus ma jistgħux iħabbtuha miegħu. Hu ħatar lil Ibnu bħala sultan u tah l-awtorità sħiħa biex imexxi. “Hienja dawk kollha li jistkennu fih!”—Salm 2:1-6, 12.
Għeżież ħutna, nitolbukom tiftakru li aħna dejjem naħsbu fikom b’għożża. Aħna nitolbu b’mod ħerqan li kull wieħed u waħda minnkom tistgħu “tieqfu sħaħ, u b’konvinzjoni soda fir-rieda kollha t’Alla.”—Kol. 4:12, NW.
Ħutkom,
Il-Ġemgħa li Tiggverna tax-Xhieda taʼ Jehovah