Ħalli lil Kulħadd Jara
li Int Miexi ’l Quddiem
1 Ftakar fl-ewwel darba li smajt bil-messaġġ tas-Saltna. Veritajiet sempliċi qanqlulek ix-xewqa li tikseb l-għarfien u l-fehma. Malajr bdejt tara l-bżonn li tagħmel bidliet fil-mod taʼ ħajja tiegħek għax it-triqat taʼ Jehovah huma ferm ogħla minn tiegħek. (Is. 55:8, 9) Imxejt ’il quddiem, iddedikajt ħajtek, u tgħammidt.
2 Anki wara li għamilt xi progress spiritwali, kien għad hemm xi dgħjufijiet li ridt tegħleb. (Rum. 12:2) Forsi kellek il-biżaʼ mill-bniedem, li żammek lura milli tieħu sehem fis-servizz taʼ l-għalqa. Jew forsi kont qed tonqos milli turi l-frott taʼ l-ispirtu t’Alla. Minflok ma bqajt iżżomm lura, kont determinat li timxi ’l quddiem billi għamilt miri teokratiċi għalik innifsek.
3 Jistaʼ jkun li għaddew bosta snin minn meta għamilt id-dedikazzjoni tiegħek. Meta tħares lura, liema progress tistaʼ tara li għamilt? Ilħaqt xi ftit mill-miri tiegħek? Għad għandek l-istess żelu li ‘kellek fil-bidu’? (Lhud 3:14) Timotju kien diġà Kristjan matur b’ħafna snin taʼ esperjenza meta Pawlu ħeġġu: “Dawn il-ħwejjeġ ħu ħsiebhom, agħti ruħek għalihom, biex kulħadd jara li int miexi ’l quddiem.”—1 Tim. 4:15.
4 Għandek Bżonn Teżamina Lilek Innifsek: Meta noqogħdu naħsbu fil-fond dwar kif kienet ħajjitna fil-passat, naraw li għad għandna xi ftit mid-dgħjufijiet li kellna meta bdejna? Inqasna milli nilħqu xi miri li għamilna? Jekk inhu hekk, għala? Avolja setaʼ kellna intenzjonijiet tajba, jistaʼ jkun li qgħadna nittratienu. Forsi ħallejna l-ansjetajiet tal-ħajja jew il-pressjonijiet taʼ din is-sistema jżommuna lura.—Lq. 17:28-30.
5 Filwaqt li ma tantx nistgħu nagħmlu affarijiet dwar il-passat, żgur li nistgħu nagħmlu xi ħaġa dwar il-futur. Nistgħu neżaminaw lilna nfusna bl-onestà kollha, niddeterminaw fejn jonqosna xi ħaġa, u mbagħad nagħmlu sforz bis-serjetà biex nitjiebu. Jistaʼ jkun li għandna bżonn nitjiebu f’li nuru l-frott taʼ l-ispirtu t’Alla, bħal per eżempju r-rażan, il-ħlewwa, jew is-sabar. (Gal. 5:22, 23) Jekk insibuha diffiċli biex ningwalawha m’oħrajn jew nikkooperaw maʼ l-anzjani, huwa importanti li nikkultivaw l-umiltà.—Flp. 2:2, 3.
6 Nistgħu nuru li mexjin ’il quddiem billi nirsistu għal privileġġi taʼ servizz? Bi sforz akbar l-aħwa rġiel forsi jkunu jistgħu jikkwalifikaw bħala qaddejja ministerjali jew anzjani. Xi wħud minna għandna mnejn inkunu nistgħu naqdu bħala pijunieri regulari. Jerġaʼ ħafna iktar jistgħu jilħqu l-mira taʼ li jaqdu bħala pijunieri awżiljarji. Oħrajn jistgħu jistinkaw biex itejbu d-drawwiet taʼ studju persunali, jipparteċipaw b’mod iktar attiv fil-laqgħat tal-kongregazzjoni, jew isiru iktar produttivi bħala pubblikaturi tal-kongregazzjoni.
7 Ovvjament, jiddependi minna b’mod individwali li niddeċiedu fejn għandna bżonn nimxu ’l quddiem. Nistgħu nkunu żguri li l-isforzi sinċiera tagħna biex ‘nimxu ’l quddiem’ lejn il-maturità se jżidulna ħafna l-ferħ tagħna u se jagħmluna membri tal-kongregazzjoni iktar produttivi.—Lhud 6:1. (km-E 12/95)