Il-Valur li ma Bħalu taʼ l-Għerf Divin
1 Xi persuni jaħsbu li x-Xhieda taʼ Jehovah għandhom jiffokaw l-isforzi tagħhom b’mod iktar dirett biex jgħinu jtaffu l-problemi li tiffaċċja l-umanità llum. Uħud bħal dawn jonqsu li jaraw il-valur eċċellenti tax-xogħol tagħna edukattiv mill-Bibbja. Huwa kif kiteb l-appostlu Pawlu: “Il-predikazzjoni [“taz-zokk tat-tortura,” New World Translation] hija bluha għal dawk li jintilfu; imma għal dawk li jsalvaw, għalina, hi l-qawwa taʼ Alla.” (1 Kor. 1:18) Tabilħaqq, aħna nafu li l-ministeru Kristjan huwa l-iktar xogħol importanti li qed isir madwar id-dinja llum.
2 Ħajja Aħjar Issa: L-isforzi tal-bnedmin biex isolvu l-problemi taʼ l-umanità ma tantx ġabu riżultati. Il-liġijiet li saru ma waqfux iż-żjieda tal-kriminalità. It-trattati taʼ paċi u l-forzi għaż-żamma tal-paċi ma ġabux tmiem għall-gwerra. Programmi soċjali ma rnexxilhomx ineħħu l-faqar. (Salm 146:3, 4; Ġer. 8:9) Għall-kuntrarju, il-messaġġ tas-Saltna biddel il-ħajjiet taʼ miljuni billi għenhom biex jilbsu l-personalità l-ġdida li hija aċċettabbli għal Alla. (Rum. 12:2; Kol. 3:9, 10) Billi jagħmlu dan, huma jgawdu kwalità aħjar taʼ ħajja minn issa.—1 Tim. 4:8.
3 Futur Sabiħ: Minbarra li jgħinna nkampaw b’suċċess maʼ l-isfidi tal-ħajja taʼ issa, l-għerf divin jgħinna nippjanaw b’mod effettiv il-futur tagħna. (Salm 119:105) Jiffrankalna milli nipprovaw nagħmlu sforzi bla skop biex inbiddlu din is-sistema. (Koħ. 1:15; Rum. 8:20) Kemm aħna grati li m’aħniex naħlu ħajjitna billi nfittxu miri li huma biss illużjoni! Minflok, aħna niffokaw l-isforzi tagħna fuq il-wegħda ċerta taʼ Jehovah għal “smewwiet ġodda u art ġdida” fejn se tgħammar il-ġustizzja. Meta jasal il-jum taʼ ġudizzju taʼ Jehovah, se jkun ovvju li dawk li fdaw fl-għerf divin għamlu l-aħjar għażla.—2 Pt. 3:10-13; Salm 37:34.
4 Għalkemm l-għerf divin jistaʼ jidher li m’huwiex prattiku għal dawk li huma mgħaddsin fl-“għerf taʼ din id-dinja,” madankollu fir-realtà dan huwa l-uniku mod prattiku kif naġixxu. (1 Kor. 1:21; 2:6-8) Għalhekk, aħna nkomplu nipproklamaw madwar id-dinja kollha l-messaġġ li joriġina minn Alla, li huwa “waħdu fl-għerf.”—Rum. 16:27.