Kif Nistgħu Ngħinu lil Imseħbin li M’Humiex Xhieda?
1 Ħafna qaddejja taʼ Jehovah huma miżżewġin lil persuni li huma dħulin maʼ l-aħwa u li jieħdu interess fil-kongregazzjoni iżda li jżommu lura milli jsiru qaddejja t’Alla. Wieħed raġel miżżewweġ ammetta: “Il-ħsieb li mmur minn dar għal dar kien ostaklu kbir għalija.” Hemm mnejn li oħrajn ikollhom bżonn jegħlbu prattiċi li m’humiex skritturali, jew iħossuhom li qatt ma se jirnexxilhom iżommu maʼ l-iskeda teokratika mimlija ħafna bħalma jagħmel is-sieħeb jew is-sieħba tagħhom. Kif nistgħu ngħinuhom?
2 Uri Interess Persunali: Meta nieħdu interess persunali f’oħrajn u meta noqogħdu attenti għal dawk l-affarijiet li jinkwetawhom, dan jistaʼ jiftaħ it-triq għalihom biex iwieġbu għall-verità tal-Bibbja. (Flp. 2:4) Dawk li qabel ma kinux jaqsmu l-istess twemmin taʼ l-imseħbin tagħhom, taʼ spiss isemmu l-interess mimli mħabba li oħrajn urew fihom. “José, anzjan fil-kongregazzjoni, ħa interess speċjali fija,” spjega r-raġel miżżewweġ li ssemma iktar kmieni. “Naħseb li kien l-inkuraġġiment tiegħu li fl-aħħar mill-aħħar qanqalni biex nibda nistudja bis-serjetà.” Raġel miżżewweġ ieħor jiftakar li meta xi aħwa rġiel kienu jiġu jarawh kienu jagħmlu l-isforz biex jitkellmu dwar dak li jinteressa lilu. “Bdejt nara t-twemmin [taʼ marti] minn ħarsa totalment differenti,” qal hu. “Il-ħbieb tagħha kienu persuni intelliġenti ħafna u setgħu jitkellmu fuq suġġetti differenti.”—1 Kor. 9:20-23.
3 Agħti Għajnuna Prattika: Imseħbin li m’humiex Xhieda jistgħu wkoll jiġu impressjonati mill-għajnuna li tingħatalhom. (Prov. 3:27; Gal. 6:10) Meta raġel miżżewweġ li ma jemminx waqfitlu l-karozza, Xhud żagħżugħ mar jgħinu. “Dan tassew impressjonani,” jgħid hu. Ħu ieħor qattaʼ ġurnata sħiħa jgħin lir-raġel taʼ waħda oħt li ma jemminx biex jibni ċint madwar il-proprjetà tiegħu. Waqt li qagħdu jaħdmu u jitkellmu flimkien, żviluppaw ħbiberija. Ġimagħtejn wara, ir-raġel mar fuq il-ħu u qallu: “Wasal iż-żmien li nagħmel xi tibdiliet f’ħajti. Tistaʼ tistudja l-Bibbja miegħi?” Hu għamel progress mgħaġġel u issa sar Xhud mgħammed.
4 Hekk kif immorru nfittxu lil dawk li jixirqilhom fit-territorju tagħna, ejja nkomplu ngħinu lil dawk li huma miżżewġin lil sħabna fit-twemmin.—1 Tim. 2:1-4.