-
“Tibżgħux, Titwerwrux”It-Torri tal-Għassa—2003 | Ġunju 1
-
-
2002 ħareġ fuljett intitolat Żgħażagħ—Kif Se Tużaw Ħajjitkom? li enfasizza l-vantaġġi li jiġu milli wieħed jagħżel ħajja taʼ servizz full-time. Il-Kristjani, kemm żgħażagħ kif ukoll xjuħ, huma grati għal dawn it-tfakkiriet f’waqthom.—Salm 119:14, 24, 99, 119, 129, 146.
19, 20. (a) Il-Kristjani għala m’għandhomx għalfejn jibżgħu jew jitwerwru? (b) L-artiklu taʼ studju li jmiss x’se jagħmel?
19 Minkejja l-kundizzjonijiet tad-dinja, il-Kristjani m’għandhomx għalfejn jibżgħu jew jitwerwru. Huma jafu li dalwaqt is-Saltna taʼ Jehovah se teqred darba għal dejjem kwalunkwe tip taʼ vjolenza. Huma jsibu wkoll faraġ fit-tama taʼ l-irxoxt billi jafu li dawk li tilfu ħajjithom minħabba l-vjolenza se jiġu mqajmin mill-mewt. Waqt li dan l-irxoxt se jagħti opportunità lil xi wħud biex għall-ewwel darba jitgħallmu dwar Jehovah, lil oħrajn se jgħinhom ikomplu fil-ħajja taʼ servizz dedikat lil Jehovah.—Atti 24:15.
20 Bħala Kristjani veri, aħna napprezzaw il-ħtieġa li nżommu n-newtralità Kristjana u hekk aħna determinati li nagħmlu. Irridu li qatt ma nitilfu l-prospett meraviljuż li nkunu nistgħu ma ‘niċċaqalqux u naraw is-salvazzjoni tal-Mulej.’ L-artiklu li jmiss se jsaħħilna l-fidi tagħna billi jġagħalna nkunu konxji tal-ġrajjiet preżenti li qegħdin iktar u iktar jgħinuna nifhmu t-twettiq tal-profezija tal-Bibbja.
-
-
Tiċċaqalqux, u Taraw is-Salvazzjoni taʼ Jehovah!It-Torri tal-Għassa—2003 | Ġunju 1
-
-
Tiċċaqalqux, u Taraw is-Salvazzjoni taʼ Jehovah!
“Oqogħdu f’postkom, tiċċaqalqux, u taraw ir-rebħa [“is-salvazzjoni”, “NW”] tal-Mulej għalikom.”—2 KRONAKI 20:17.
1, 2. L-attakk taʼ ‘Gog taʼ l-art taʼ Magog’ li se jseħħ minn mument għall-ieħor, għala għandu konsegwenzi iktar serji mit-theddida tat-terroriżmu internazzjonali?
IT-TERRORIŻMU ġie deskritt minn xi wħud bħala attakk fuq il-komunità dinjija, saħansitra fuq iċ-ċivilizzazzjoni nfisha. Mela, wieħed jistaʼ jifhem għala theddida bħal din għandha tittieħed bis-serjetà. Mill-banda l-oħra, din l-istess komunità dinjija ftit li xejn qed tagħti kas attakk ieħor li se jkollu konsegwenzi iktar serji. Dan x’attakk hu?
2 Hu l-attakk minn ‘Gog taʼ l-art taʼ Magog,’ li l-Bibbja titkellem dwaru f’Eżekjel kapitlu 38. Hija esaġerazzjoni li tgħid li dan l-attakk se jkollu konsegwenzi iktar serji mit-theddida tat-terroriżmu internazzjonali? Lanqas xejn, għaliex l-attakk taʼ Gog hu ferm iktar minn assalt fuq il-gvernijiet tal-bniedem. Dan se jattakka lill-gvern tas-sema t’Alla! Madankollu, kuntrarju għall-bnedmin, li forsi għandhom biss suċċess limitat biex ikampaw maʼ l-attakki fuq is-sistema tagħhom, il-Ħallieq kapaċi jegħleb għalkollox l-attakk ferm iktar aħrax taʼ Gog.
Attakk fuq il-Gvern t’Alla
3. Il-ħakkiema dinjin x’ġew mistidnin jagħmlu mill-1914 ’l hawn, u dawn kif wieġbu?
3 Il-ġlieda bejn is-Sultan t’Alla li issa qed jaħkem u s-sistema mill-agħar taʼ Satana ilha sejra mindu twaqqfet is-Saltna t’Alla fis-sema fl-1914. Dak iż-żmien, il-ħakkiema umani ġew informati li għandhom jissottomettu ruħhom għall-Ħakkiem magħżul t’Alla. Imma dawn irrifjutaw li jagħmlu hekk, bħalma ġie mbassar: “Is-slaten taʼ l-art iqumu, u l-kbarat jiftiehmu bejniethom kontra l-Mulej u l-Midluk tiegħu; ‘Ħa nkissru l-ktajjen tagħhom, u ntajjru minn fuqna l-irbit tagħhom!’” (Salm 2:1-3) Ir-reżistenza għall-ħakma tas-Saltna żgur li se tilħaq il-quċċata tagħha matul l-attakk minn Gog taʼ Magog.
4, 5. Il-bnedmin kif jistgħu jiġġieldu kontra l-gvern tas-sema t’Alla li hu inviżibbli?
4 Forsi ngħidu, kif jistaʼ jkun li bnedmin jiġġieldu kontra gvern inviżibbli fis-sema? Il-Bibbja turi li dan il-gvern hu magħmul minn “mija u erbgħa u erbgħin elf, . . . mifdija mill-art,” flimkien mal-“Ħaruf,” Kristu Ġesù. (Apokalissi 14:1, 3; Ġwann 1:29) Peress li l-gvern ġdid hu tas-sema dan jissejjaħ “smewwiet ġodda,” filwaqt li s-sudditi tiegħu huma loġikament imsejħin “art ġdida.” (Isaija 65:17; 2 Pietru 3:13) Il-biċċa l-kbira mill-144,000 li se jsaltnu maʼ Kristu diġà temmew il-ħajja tagħhom fuq l-art bil-fedeltà. B’hekk, huma taw prova li kien jixirqilhom li jirċievu l-inkarigi l-ġodda tagħhom taʼ servizz fis-sema.
5 Madankollu, għad baqaʼ fdal żgħir mill-144,000 fuq l-art. Minn fost iktar mill-15,000,000 ruħ li attendew iċ-ċelebrazzjoni taʼ l-Ikla taʼ fil-Għaxija tal-Mulej fis-sena 2002, kien hemm biss 8,760 li wrew li għandhom it-tama bħala li ġew magħżulin għal dan l-inkarigu fis-sema. Kulmin jażżarda jattakka l-bqija taʼ dawn il-membri prospettivi tas-Saltna jkun fil-fatt qed jattakka s-Saltna t’Alla.—Apokalissi 12:17.
Is-Sultan Iwettaq Għalkollox il-Konkwista Tiegħu
6. Jehovah u Kristu kif iqisuha l-oppożizzjoni diretta kontra n-nies t’Alla?
6 Il-mod kif Jehovah kellu jaġixxi għall-oppożizzjoni lejn is-Saltna stabbilita tiegħu kien imbassar: “Dak li hu fis-smewwiet jidħak bihom, il-Mulej biċ-ċajt jeħodhom. Mbagħad ikellimhom bil-herra, bil-qilla tiegħu jkexkixhom: ‘Għax jien għamiltu s-sultan tiegħi, fuq Sijon, l-għolja mqaddsa tiegħi!’” (Salm 2:4-6) Issa wasal iż-żmien biex Kristu, taħt id-direzzjoni taʼ Jehovah, “iwettaq għalkollox il-konkwista tiegħu.” (Apokalissi 6:2, NW) Jehovah kif iqisha l-oppożizzjoni kontra l-poplu tiegħu matul iż-żmien tal-konkwista finali? Iqisha bħallikieku kienet diretta kontrih u kontra s-Sultan renjanti tiegħu. Għal Jehovah ‘min imiss lilna jmiss il-mimmi taʼ għajnejh.’ (Żakkarija 2:12 [2:8, NW]) U Ġesù enfasizza li hu jqis dak li n-nies jagħmlu jew jonqsu li jagħmlu maʼ ħutu l-midlukin bħala li għamluh jew m’għamluhx miegħu.—Mattew 25:40, 45.
7. Dawk tal-“kotra kbira” deskritti f’Apokalissi 7:9, għal liema raġunijiet iġġarrbu l-korla taʼ Gog?
7 M’għandniex xi ngħidu, dawk li qed iħabirku biex jappoġġaw lill-fdal midluk ukoll se jħossu l-korla taʼ Gog. Dawn il-membri prospettivi taʼ l-“art ġdida” huma “kotra kbira” miġbura “minn kull ġens u tribù, minn kull poplu u lsien.” (Apokalissi 7:9) Dawn jiġu deskritti bħala li “weqfin quddiem it-tron u quddiem il-Ħaruf, lebsin ilbiesi twal bojod.” B’hekk, huma għandhom waqfa approvata quddiem Alla u Kristu Ġesù. Bil-“friegħi tal-palm f’idejhom,” huma jsellmu lil Jehovah bħala li għandu dritt ikun is-Sovran taʼ l-univers, u l-ħakma tiegħu hija rappreżentata mir-renju taʼ Ibnu Ġesù Kristu, “il-Ħaruf taʼ Alla,” li beda jsaltan.—Ġwann 1:29, 36.
8. L-attakk taʼ Gog x’se jġagħlu jagħmel lil Kristu, u b’liema riżultat?
8 L-attakk taʼ Gog se jġiegħel lis-Sultan li qiegħed isaltan biex jieħu azzjoni u jiġġieled il-gwerra t’Armageddon. (Apokalissi 16:14, 16) Dawk li rrifjutaw li jirrikonoxxu s-sovranità taʼ Jehovah se jinqerdu. Mill-banda l-oħra, dawk li jkunu ssaportew it-tbatijiet minħabba l-lealtà tagħhom lejn is-Saltna t’Alla se jġarrbu serħan dejjiemi. Dwar dan, l-appostlu Pawlu kiteb: “Minn dan jidher il-ħaqq ġust taʼ Alla, ħalli b’hekk tkun tixirqilkom is-Saltna taʼ Alla, li minħabba fiha qegħdin tbatu. Alla għad jagħmel is-sewwa, u jrodd it-tbatija lil dawk li qegħdin iġagħlukom issofru; u għad iserraħ lilkom li qegħdin issofru, kif ukoll lilna, dak in-nhar li l-Mulej Ġesù jfeġġ mis-smewwiet imdawwar bl-anġli tal-qawwa tiegħu b’nar iħeġġeġ, biex iħallas lil dawk li ma jagħrfux lil Alla, u ’l dawk li ma jobdux l-Evanġelju taʼ Sidna Ġesù.”—2 Tessalonikin 1:5-8.
9, 10. (a) Jehovah kif ta r-rebħa lil Ġuda fuq għadu daqshekk tal-biżaʼ? (b) Il-Kristjani llum x’jeħtieġ li jkomplu jagħmlu?
9 Matul it-tribulazzjoni kbira li ġejja, li se tilħaq il-quċċata f’Armageddon, Kristu se jiġġieled kontra kull ħażen. Imma mhux se jkun hemm bżonn li s-segwaċi tiegħu jiġġieldu, bħalma ma kienx hemm bżonn li jiġġieldu l-abitanti tas-saltna taʼ żewġ tribujiet taʼ Ġuda eluf taʼ snin ilu. Il-battalja kienet taʼ Jehovah, u hu ta r-rebħa. Ir-rakkont jgħid: “Il-Mulej qiegħed nasba għal ulied Għammon u Mowab u għal dawk li jgħammru fuq il-muntanja taʼ Xegħir, li ġew għal Ġuda; u sfaw mirbuħa. Għaliex in-nies taʼ Għammon u taʼ Mowab qamu għan-nies li jgħammru fuq il-muntanja taʼ Xegħir, u qerduhom għalkollox. Wara li qerdu lin-nies taʼ Xegħir, għenu lil xulxin biex jeqirdu wieħed lil ieħor. X’ħin Ġuda waslu l-għolja li tħares fuq id-deżert, ħarsu lejn il-kotra, u rawhom mejtin fl-art: ħadd minnhom ma kien ħeles.”—2 Kronaki 20:22-24.
10 Ġara preċiż kif kien bassar Jehovah: “Intom ma tiġġildux.” (2 Kronaki 20:17) Dan jistabbilixxi mudell biex il-Kristjani jistgħu jimxu fuqu meta Ġesù Kristu jasal “biex iwettaq għalkollox il-konkwista tiegħu.” Sadattant, huma jkomplu jiġġieldu l-ħażen, mhux b’armamenti letterali, imma b’dawk spiritwali. Huma b’hekk ikomplu ‘jirbħu l-ħażen bit-tajjeb.’—Rumani 6:13; 12:17-21; 13:12; 2 Korintin 10:3-5.
Min Se Jmexxi l-Attakk taʼ Gog?
11. (a) Liema elementi se juża Gog biex iwettaq l-attakk tiegħu? (b) X’jinvolvi li tkun imqajjem spiritwalment?
11 Gog taʼ Magog jiġi identifikat bħala Satana x-Xitan fil-pożizzjoni baxxa li ilu jinsab fiha mill-1914 ’l hawn. Bħala spirtu, hu ma jistax jagħmel dan l-attakk direttament, imma se juża elementi umani biex jagħmlu dak li jrid hu. Min se jkunu dawn l-elementi umani? Il-Bibbja ma tagħtiniex dettalji, iżda tagħtina ċerti indikazzjonijiet li jistgħu jgħinuna nidentifikaw min se jkunu. Hekk kif iseħħu l-ġrajjiet dinjin bi twettiq tal-profeziji Bibliċi, l-istampa bil-mod il-mod se tkompli tiċċara dejjem iżjed. In-nies taʼ Jehovah jevitaw li jispekulaw imma jibqgħu mqajmin spiritwalment, waqt li huma attenti sew għall-iżviluppi politiċi u reliġjużi li jindikaw it-twettiq tal-profeziji tal-Bibbja.
12, 13. Il-profeta Danjel kif bassar l-attakk finali fuq in-nies t’Alla?
12 Il-profeta Danjel jitfaʼ dawl fuq l-attakk finali kontra n-nies t’Alla: “[Is-sultan tat-tramuntana] b’saħna taʼ korla jitlaq ħalli jeqred qerda lil ħafna. Itellaʼ t-tined irjali tiegħu fil-wita bejn il-baħar u l-muntanja glorjuża u qaddisa.”—Danjel 11:44, 45.
13 Fil-kuntest tal-Bibbja, “il-baħar” kien il-Baħar il-Kbir, jew il-Mediterran, u ‘l-muntanja qaddisaʼ kienet Sijon, li dwarha Jehovah qal: “Għax jien għamiltu s-sultan tiegħi, fuq Sijon, l-għolja mqaddsa tiegħi!” (Salm 2:6; Ġożwè 1:4) B’hekk f’sens spiritwali, l-art taʼ ‘bejn il-baħar u l-muntanja qaddisaʼ tirrappreżenta l-qasam spiritwali prosperuż tal-Kristjani midlukin. Huma m’għadhomx jiġu identifikati mill-baħar taʼ l-umanità ’l bogħod minn Alla, u qed iħarsu ’l quddiem biex isaltnu maʼ Kristu Ġesù fis-Saltna tas-sema. Jidher ċar li l-qaddejja midlukin t’Alla, flimkien maʼ sħabhom leali tal-kotra l-kbira, se jkunu l-mira tas-sultan tat-tramuntana meta dan jibda l-attakk aħrax tiegħu bi twettiq tal-profezija taʼ Danjel.—Isaija 57:20; Lhud 12:22; Apokalissi 14:1.
-