LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w03 6/1 pp. 17-22
  • Tiċċaqalqux, u Taraw is-Salvazzjoni taʼ Jehovah!

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Tiċċaqalqux, u Taraw is-Salvazzjoni taʼ Jehovah!
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Attakk fuq il-​Gvern t’Alla
  • Is-​Sultan Iwettaq Għalkollox il-​Konkwista Tiegħu
  • Min Se Jmexxi l-​Attakk taʼ Gog?
  • Il-​Qaddejja t’Alla Kif Se Jaġixxu?
  • Mistoqsijiet mill-qarrejja
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2015
  • Gog taʼ Magog dalwaqt se jinqered
    Fuljett għal-Laqgħa—Il-Ħajja u l-Ministeru Kristjan Tagħna—2017
  • “Tibżgħux, Titwerwrux”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • “Qorob il-ħelsien tagħkom”!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2015
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
w03 6/1 pp. 17-22

Tiċċaqalqux, u Taraw is-​Salvazzjoni taʼ Jehovah!

“Oqogħdu f’postkom, tiċċaqalqux, u taraw ir-​rebħa [“is-​salvazzjoni”, “NW”] tal-​Mulej għalikom.”​—2 KRONAKI 20:17.

1, 2. L-​attakk taʼ ‘Gog taʼ l-​art taʼ Magog’ li se jseħħ minn mument għall-​ieħor, għala għandu konsegwenzi iktar serji mit-​theddida tat-​terroriżmu internazzjonali?

IT-​TERRORIŻMU ġie deskritt minn xi wħud bħala attakk fuq il-​komunità dinjija, saħansitra fuq iċ-​ċivilizzazzjoni nfisha. Mela, wieħed jistaʼ jifhem għala theddida bħal din għandha tittieħed bis-​serjetà. Mill-​banda l-​oħra, din l-​istess komunità dinjija ftit li xejn qed tagħti kas attakk ieħor li se jkollu konsegwenzi iktar serji. Dan x’attakk hu?

2 Hu l-​attakk minn ‘Gog taʼ l-​art taʼ Magog,’ li l-​Bibbja titkellem dwaru f’Eżekjel kapitlu 38. Hija esaġerazzjoni li tgħid li dan l-​attakk se jkollu konsegwenzi iktar serji mit-​theddida tat-​terroriżmu internazzjonali? Lanqas xejn, għaliex l-​attakk taʼ Gog hu ferm iktar minn assalt fuq il-​gvernijiet tal-​bniedem. Dan se jattakka lill-​gvern tas-​sema t’Alla! Madankollu, kuntrarju għall-​bnedmin, li forsi għandhom biss suċċess limitat biex ikampaw maʼ l-​attakki fuq is-​sistema tagħhom, il-​Ħallieq kapaċi jegħleb għalkollox l-​attakk ferm iktar aħrax taʼ Gog.

Attakk fuq il-​Gvern t’Alla

3. Il-​ħakkiema dinjin x’ġew mistidnin jagħmlu mill-​1914 ’l hawn, u dawn kif wieġbu?

3 Il-​ġlieda bejn is-​Sultan t’Alla li issa qed jaħkem u s-​sistema mill-​agħar taʼ Satana ilha sejra mindu twaqqfet is-​Saltna t’Alla fis-​sema fl-​1914. Dak iż-​żmien, il-​ħakkiema umani ġew informati li għandhom jissottomettu ruħhom għall-​Ħakkiem magħżul t’Alla. Imma dawn irrifjutaw li jagħmlu hekk, bħalma ġie mbassar: “Is-​slaten taʼ l-​art iqumu, u l-​kbarat jiftiehmu bejniethom kontra l-​Mulej u l-​Midluk tiegħu; ‘Ħa nkissru l-​ktajjen tagħhom, u ntajjru minn fuqna l-​irbit tagħhom!’” (Salm 2:​1-3) Ir-​reżistenza għall-​ħakma tas-​Saltna żgur li se tilħaq il-​quċċata tagħha matul l-​attakk minn Gog taʼ Magog.

4, 5. Il-​bnedmin kif jistgħu jiġġieldu kontra l-​gvern tas-​sema t’Alla li hu inviżibbli?

4 Forsi ngħidu, kif jistaʼ jkun li bnedmin jiġġieldu kontra gvern inviżibbli fis-​sema? Il-​Bibbja turi li dan il-​gvern hu magħmul minn “mija u erbgħa u erbgħin elf, . . . mifdija mill-​art,” flimkien mal-​“Ħaruf,” Kristu Ġesù. (Apokalissi 14:1, 3; Ġwann 1:​29) Peress li l-​gvern ġdid hu tas-​sema dan jissejjaħ “smewwiet ġodda,” filwaqt li s-​sudditi tiegħu huma loġikament imsejħin “art ġdida.” (Isaija 65:17; 2 Pietru 3:13) Il-​biċċa l-​kbira mill-​144,000 li se jsaltnu maʼ Kristu diġà temmew il-​ħajja tagħhom fuq l-​art bil-​fedeltà. B’hekk, huma taw prova li kien jixirqilhom li jirċievu l-​inkarigi l-​ġodda tagħhom taʼ servizz fis-​sema.

5 Madankollu, għad baqaʼ fdal żgħir mill-​144,000 fuq l-​art. Minn fost iktar mill-​15,000,000 ruħ li attendew iċ-​ċelebrazzjoni taʼ l-​Ikla taʼ fil-​Għaxija tal-​Mulej fis-​sena 2002, kien hemm biss 8,760 li wrew li għandhom it-​tama bħala li ġew magħżulin għal dan l-​inkarigu fis-​sema. Kulmin jażżarda jattakka l-​bqija taʼ dawn il-​membri prospettivi tas-​Saltna jkun fil-​fatt qed jattakka s-​Saltna t’Alla.​—Apokalissi 12:17.

Is-​Sultan Iwettaq Għalkollox il-​Konkwista Tiegħu

6. Jehovah u Kristu kif iqisuha l-​oppożizzjoni diretta kontra n-​nies t’Alla?

6 Il-​mod kif Jehovah kellu jaġixxi għall-​oppożizzjoni lejn is-​Saltna stabbilita tiegħu kien imbassar: “Dak li hu fis-​smewwiet jidħak bihom, il-​Mulej biċ-​ċajt jeħodhom. Mbagħad ikellimhom bil-​herra, bil-​qilla tiegħu jkexkixhom: ‘Għax jien għamiltu s-​sultan tiegħi, fuq Sijon, l-​għolja mqaddsa tiegħi!’” (Salm 2:​4-6) Issa wasal iż-​żmien biex Kristu, taħt id-​direzzjoni taʼ Jehovah, “iwettaq għalkollox il-​konkwista tiegħu.” (Apokalissi 6:2, NW) Jehovah kif iqisha l-​oppożizzjoni kontra l-​poplu tiegħu matul iż-​żmien tal-​konkwista finali? Iqisha bħallikieku kienet diretta kontrih u kontra s-​Sultan renjanti tiegħu. Għal Jehovah ‘min imiss lilna jmiss il-​mimmi taʼ għajnejh.’ (Żakkarija 2:12 [2:8, NW]) U Ġesù enfasizza li hu jqis dak li n-​nies jagħmlu jew jonqsu li jagħmlu maʼ ħutu l-​midlukin bħala li għamluh jew m’għamluhx miegħu.​—Mattew 25:40, 45.

7. Dawk tal-​“kotra kbira” deskritti f’Apokalissi 7:9, għal liema raġunijiet iġġarrbu l-​korla taʼ Gog?

7 M’għandniex xi ngħidu, dawk li qed iħabirku biex jappoġġaw lill-​fdal midluk ukoll se jħossu l-​korla taʼ Gog. Dawn il-​membri prospettivi taʼ l-​“art ġdida” huma “kotra kbira” miġbura “minn kull ġens u tribù, minn kull poplu u lsien.” (Apokalissi 7:9) Dawn jiġu deskritti bħala li “weqfin quddiem it-​tron u quddiem il-​Ħaruf, lebsin ilbiesi twal bojod.” B’hekk, huma għandhom waqfa approvata quddiem Alla u Kristu Ġesù. Bil-​“friegħi tal-​palm f’idejhom,” huma jsellmu lil Jehovah bħala li għandu dritt ikun is-​Sovran taʼ l-​univers, u l-​ħakma tiegħu hija rappreżentata mir-​renju taʼ Ibnu Ġesù Kristu, “il-​Ħaruf taʼ Alla,” li beda jsaltan.​—Ġwann 1:​29, 36.

8. L-​attakk taʼ Gog x’se jġagħlu jagħmel lil Kristu, u b’liema riżultat?

8 L-​attakk taʼ Gog se jġiegħel lis-​Sultan li qiegħed isaltan biex jieħu azzjoni u jiġġieled il-​gwerra t’Armageddon. (Apokalissi 16:​14, 16) Dawk li rrifjutaw li jirrikonoxxu s-​sovranità taʼ Jehovah se jinqerdu. Mill-​banda l-​oħra, dawk li jkunu ssaportew it-​tbatijiet minħabba l-​lealtà tagħhom lejn is-​Saltna t’Alla se jġarrbu serħan dejjiemi. Dwar dan, l-​appostlu Pawlu kiteb: “Minn dan jidher il-​ħaqq ġust taʼ Alla, ħalli b’hekk tkun tixirqilkom is-​Saltna taʼ Alla, li minħabba fiha qegħdin tbatu. Alla għad jagħmel is-​sewwa, u jrodd it-​tbatija lil dawk li qegħdin iġagħlukom issofru; u għad iserraħ lilkom li qegħdin issofru, kif ukoll lilna, dak in-​nhar li l-​Mulej Ġesù jfeġġ mis-​smewwiet imdawwar bl-​anġli tal-​qawwa tiegħu b’nar iħeġġeġ, biex iħallas lil dawk li ma jagħrfux lil Alla, u ’l dawk li ma jobdux l-​Evanġelju taʼ Sidna Ġesù.”—2 Tessalonikin 1:​5-8.

9, 10. (a) Jehovah kif ta r-​rebħa lil Ġuda fuq għadu daqshekk tal-​biżaʼ? (b) Il-​Kristjani llum x’jeħtieġ li jkomplu jagħmlu?

9 Matul it-​tribulazzjoni kbira li ġejja, li se tilħaq il-​quċċata f’Armageddon, Kristu se jiġġieled kontra kull ħażen. Imma mhux se jkun hemm bżonn li s-​segwaċi tiegħu jiġġieldu, bħalma ma kienx hemm bżonn li jiġġieldu l-​abitanti tas-​saltna taʼ żewġ tribujiet taʼ Ġuda eluf taʼ snin ilu. Il-​battalja kienet taʼ Jehovah, u hu ta r-​rebħa. Ir-​rakkont jgħid: “Il-​Mulej qiegħed nasba għal ulied Għammon u Mowab u għal dawk li jgħammru fuq il-​muntanja taʼ Xegħir, li ġew għal Ġuda; u sfaw mirbuħa. Għaliex in-​nies taʼ Għammon u taʼ Mowab qamu għan-​nies li jgħammru fuq il-​muntanja taʼ Xegħir, u qerduhom għalkollox. Wara li qerdu lin-​nies taʼ Xegħir, għenu lil xulxin biex jeqirdu wieħed lil ieħor. X’ħin Ġuda waslu l-​għolja li tħares fuq id-​deżert, ħarsu lejn il-​kotra, u rawhom mejtin fl-​art: ħadd minnhom ma kien ħeles.”​—2 Kronaki 20​:22-​24.

10 Ġara preċiż kif kien bassar Jehovah: “Intom ma tiġġildux.” (2 Kronaki 20:17) Dan jistabbilixxi mudell biex il-​Kristjani jistgħu jimxu fuqu meta Ġesù Kristu jasal “biex iwettaq għalkollox il-​konkwista tiegħu.” Sadattant, huma jkomplu jiġġieldu l-​ħażen, mhux b’armamenti letterali, imma b’dawk spiritwali. Huma b’hekk ikomplu ‘jirbħu l-​ħażen bit-​tajjeb.’—Rumani 6:​13; 12:17-​21; 13:12; 2 Korintin 10:​3-5.

Min Se Jmexxi l-​Attakk taʼ Gog?

11. (a) Liema elementi se juża Gog biex iwettaq l-​attakk tiegħu? (b) X’jinvolvi li tkun imqajjem spiritwalment?

11 Gog taʼ Magog jiġi identifikat bħala Satana x-​Xitan fil-​pożizzjoni baxxa li ilu jinsab fiha mill-​1914 ’l hawn. Bħala spirtu, hu ma jistax jagħmel dan l-​attakk direttament, imma se juża elementi umani biex jagħmlu dak li jrid hu. Min se jkunu dawn l-​elementi umani? Il-​Bibbja ma tagħtiniex dettalji, iżda tagħtina ċerti indikazzjonijiet li jistgħu jgħinuna nidentifikaw min se jkunu. Hekk kif iseħħu l-​ġrajjiet dinjin bi twettiq tal-​profeziji Bibliċi, l-​istampa bil-​mod il-​mod se tkompli tiċċara dejjem iżjed. In-​nies taʼ Jehovah jevitaw li jispekulaw imma jibqgħu mqajmin spiritwalment, waqt li huma attenti sew għall-​iżviluppi politiċi u reliġjużi li jindikaw it-​twettiq tal-​profeziji tal-​Bibbja.

12, 13. Il-​profeta Danjel kif bassar l-​attakk finali fuq in-​nies t’Alla?

12 Il-​profeta Danjel jitfaʼ dawl fuq l-​attakk finali kontra n-​nies t’Alla: “[Is-sultan tat-​tramuntana] b’saħna taʼ korla jitlaq ħalli jeqred qerda lil ħafna. Itellaʼ t-​tined irjali tiegħu fil-​wita bejn il-​baħar u l-​muntanja glorjuża u qaddisa.”​—Danjel 11:​44, 45.

13 Fil-​kuntest tal-​Bibbja, “il-​baħar” kien il-​Baħar il-​Kbir, jew il-​Mediterran, u ‘l-​muntanja qaddisaʼ kienet Sijon, li dwarha Jehovah qal: “Għax jien għamiltu s-​sultan tiegħi, fuq Sijon, l-​għolja mqaddsa tiegħi!” (Salm 2:6; Ġożwè 1:4) B’hekk f’sens spiritwali, l-​art taʼ ‘bejn il-​baħar u l-​muntanja qaddisaʼ tirrappreżenta l-​qasam spiritwali prosperuż tal-​Kristjani midlukin. Huma m’għadhomx jiġu identifikati mill-​baħar taʼ l-​umanità ’l bogħod minn Alla, u qed iħarsu ’l quddiem biex isaltnu maʼ Kristu Ġesù fis-​Saltna tas-​sema. Jidher ċar li l-​qaddejja midlukin t’Alla, flimkien maʼ sħabhom leali tal-​kotra l-​kbira, se jkunu l-​mira tas-​sultan tat-​tramuntana meta dan jibda l-​attakk aħrax tiegħu bi twettiq tal-​profezija taʼ Danjel.—Isaija 57:20; Lhud 12:22; Apokalissi 14:1.

Il-​Qaddejja t’Alla Kif Se Jaġixxu?

14. In-​nies t’Alla liema tliet affarijiet se jagħmlu meta jiġu attakkati?

14 Il-​qaddejja t’Alla kif inhuma mistennijin li jaġixxu meta jiġu attakkati? Għal darb’oħra, il-​mod kif aġixxa l-​ġens tipiku t’Alla fi żmien Ġosafat jistabbilixxi mudell għalihom. Innota li ċ-​ċittadini taʼ dan il-​ġens kienu kmandati jagħmlu tliet affarijiet: (1) joqogħdu f’posthom, (2) ma jiċċaqalqux, u (3) jaraw is-salvazzjoni tal-​Mulej. In-​nies t’Alla llum kif se jaġixxu fi qbil maʼ dawn it-​tliet affarijiet?—2 Kronaki 20:17.

15. In-​nies taʼ Jehovah x’jifhmu bil-​kmand biex joqogħdu f’posthom?

15 Joqogħdu f’posthom: Mingħajr ma jitħarrku, in-​nies t’Alla se jkomplu jżommu posthom bħala wħud attivi li jappoġġaw is-​Saltna t’Alla. Huma se jkomplu jżommu n-​newtralità Kristjana tagħhom. Se ‘jżommu sħiħ, ma jitħarrkux’ fis-​servizz leali tagħhom lil Jehovah u se jkomplu jfaħħru pubblikament lil Jehovah għat-​tjieba u l-​imħabba tiegħu. (1 Korintin 15:58; Salm 118:​28, 29) L-​ebda pressjoni la issa u lanqas fil-​futur ma se ġġagħalhom iċedu u jabbandunaw posthom bħala qaddejja approvati minn Alla.

16. Il-​qaddejja taʼ Jehovah b’liema mod m’humiex se jitħarrku?

16 Ma jitħarrkux: Il-​qaddejja taʼ Jehovah mhux se jipprovaw isalvaw lilhom infushom imma se jpoġġu l-​fiduċja sħiħa tagħhom f’Jehovah. Hu biss kapaċi jeħles lill-​qaddejja tiegħu mit-​taqlib tad-​dinja, u hekk wiegħed li jagħmel. (Isaija 43:10, 11; 54:15; Lamentazzjonijiet 3:​26) Il-​fiduċja f’Jehovah tinkludi li nafdaw fil-​mezz preżenti li ilu juża għal għaxriet taʼ snin biex iwettaq l-​iskopijiet tiegħu. Bħal qatt qabel, il-​Kristjani veri dakinhar se jkollhom bżonn ipoġġu l-​fiduċja tagħhom f’aduraturi sħabhom li Jehovah u s-​Sultan renjanti tiegħu awtorizzawhom biex imexxu. Dawn l-​irġiel leali se jidderieġu lin-​nies t’Alla. Jekk id-​direzzjoni tagħhom tiġi injorata jistaʼ jwassal għal diżastru.​—Mattew 24:45-​47, NW; Lhud 13:​7, 17.

17. Il-​qaddejja leali taʼ Jehovah għala se jaraw is-​salvazzjoni taʼ Jehovah?

17 Jaraw is-​salvazzjoni taʼ Jehovah: Is-​salvazzjoni se tkun ir-​rigal għal dawk kollha li jżommu l-​integrità Kristjana tagħhom u jpoġġu l-​fiduċja tagħhom f’Jehovah biex jeħlishom. Sa l-​aħħar siegħa​—u sakemm ikun possibbli​—huma se jħabbru l-​wasla taʼ jum il-​ħaqq taʼ Jehovah. Il-​ħolqien kollu għandu jkun jaf li Jehovah hu l-​uniku Alla veru u li hu għandu qaddejja leali fuq l-​art. Qatt ma se jerġaʼ jkun hemm bżonn taʼ xi kontroversja li tibqaʼ sejra fit-​tul dwar id-​dritt tas-​sovranità taʼ Jehovah.​—Eżekjel 33:33; 36:23.

18, 19. (a) L-​għanja tar-​rebħa f’Eżodu kapitlu 15 kif tirrifletti s-​sentimenti taʼ dawk li se jibqgħu ħajjin wara l-​attakk taʼ Gog? (b) In-​nies t’Alla x’inhu xieraq li jagħmlu issa?

18 B’enerġija ġdida, in-​nies t’Alla se jidħlu fid-​dinja l-​ġdida, ħerqanin li jkantaw għanja taʼ rebħa, sewwasew bħalma għamlu l-​Iżraelin tal-​qedem wara l-​ħelsien tagħhom min-​nofs il-​Baħar l-​Aħmar. Grati għal dejjem għall-​protezzjoni taʼ Jehovah, kemm individwalment u kemm bħala grupp, huma se jidwu l-​kliem taʼ żmien ilu: “Ngħanni lill-​Mulej, għax tkabbar bis-​sħiħ. . . . Il-​Mulej gwerrier, Jaħweh ismu! . . . Lemintek, Mulej, tfarrak il-​għadu. Bil-​kobor taʼ sebħek ixxejjen ’il min iqum għalik. L-​għadab tiegħek terħih jiblagħhom bħat-​tiben. . . . Bi tjubitek mexxejt dan il-​poplu li int fdejt; b’ħiltek mexxejtu lejn l-​għamara qaddisa tiegħek. . . . Twassalhom u tħawwilhom fuq il-​muntanja, il-​wirt tiegħek; l-​imkien, Mulej, li int għamiltu għamartek; il-​maqdes, ja Sidi, li ħejjew idejk. Il-​Mulej isaltan għal dejjem taʼ dejjem.”​—Eżodu 15:​1-​18 (15:1-19, NW).

19 Issa li l-​prospett taʼ ħajja taʼ dejjem hu iktar ċar minn qatt qabel, kemm hu verament il-​waqt għall-​qaddejja t’Alla li juru d-​devozzjoni tagħhom lejn Jehovah u jġeddu d-​determinazzjoni tagħhom biex jaqduh bħala s-​Sultan dejjiemi tagħhom!—1 Kronaki 29:11-​13.

Tistaʼ Tispjega?

• L-attakk taʼ Gog għala se jkun dirett kontra l-​midlukin u n-​nagħaġ oħra?

• In-nies t’Alla kif se jieħdu posthom?

• Xi jfisser li ma kellhomx jiċċaqalqu?

• In-nies t’Alla kif se jaraw is-​salvazzjoni taʼ Jehovah?

[Stampa f’paġna 18]

Jehovah ta r-​rebħa lil Ġosafat u lill-​poplu tiegħu, bla ma kellhom bżonn jiġġieldu

[Stampa f’paġna 20]

Il-​midlukin u n-​nagħaġ oħra jieħdu sehem f’li jappoġġaw is-​sovranità taʼ Jehovah

[Stampa f’paġna 22]

Bħall-​Iżraelin tal-​qedem, in-​nies t’Alla dalwaqt se jkantaw għanja taʼ rebħa

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja