“Tibżgħux, Titwerwrux”
“Tibżgħux, titwerwrux . . . il-Mulej ikun magħkom.”—2 KRONAKI 20:17.
1. It-terroriżmu x’effett għandu fuq in-nies, u għala għandhom għalxiex jibżgħu?
IT-TERRORIŻMU! Il-kelma biss tqanqal biżaʼ kbir, u ġġiegħel lil dak li jkun iħossu bla sigurtà u bla ħila. Tqanqal taħlita t’emozzjonijiet bħal twerwir, niket, u rabja. U din il-kelma tiddeskrivi dak li ħafna nies qed jibżgħu li se jifni lill-umanità fil-futur. Il-fatt li xi pajjiżi ilhom għaxriet taʼ snin jiġġieldu kontra t-terroriżmu fil-ħafna forom tiegħu u għadhom ma rnexxilhomx jeqirduh għalkollox huwa biżżejjed biex jikkonvinċihom li għandhom għalxiex jibżgħu.
2. Ix-Xhieda taʼ Jehovah kif jirreaġixxu għall-problema tat-terroriżmu, u dan x’mistoqsijiet iqajjem?
2 Madankollu, hemm raġuni soda għal tama. Ix-Xhieda taʼ Jehovah, li qed iħabirku fl-ippridkar f’234 pajjiż u territorju madwar id-dinja, huma verament ottimisti. Huma ma jibżgħux li t-terroriżmu qatt ma se jispiċċa, anzi huma fiduċjużi li dalwaqt se jiġi eliminat. Huwa realistiku li nkunu ottimisti bħalhom? Min jistaʼ jirnexxilu jeħles lid-dinja minn din il-pjaga, u dan kif se jiġri? Ladarba lkoll xi darba jew oħra ġarrabna xi tip jew ieħor taʼ vjolenza, nagħmlu tajjeb li neżaminaw x’bażi hemm għal dan l-ottimiżmu.
3. Liema raġunijiet hemm li jistgħu jġagħluna nibżgħu, u x’inhu mbassar dwar żmienna?
3 Illum, in-nies jibżgħu u jitwerwru minħabba diversi raġunijiet. Aħseb ftit dwar dawk in-nies kollha li m’għadhomx kapaċi jieħdu ħsieb tagħhom infushom minħabba x-xjuħija, dawk li dejjem sejrin lura minħabba xi marda li m’hemmx fejqan għaliha, jew dwar familji li dejjem jissieltu biex jaraw kif jagħmlu biex ilaħħqu mal-ħajja. Infatti, aħseb ftit dwar kemm hi inċerta l-ħajja nfisha! Minn mument għall-ieħor tistenna li tiġri xi diżgrazzja jew diżastru li jġib il-mewt fuqek ħabta u sabta u titlef dak kollu li jkun għażiż għalik. Dan il-biżaʼ u l-ansjetà, flimkien maʼ diversi konflitti u diżappunti persunali, urew kemm żmienna hu preċiż bħalma ddeskrivieh l-appostlu Pawlu: “Dan għandek tkun taf: li l-aħħar tad-dinja jkun żmien iebes. Il-bnedmin jingħataw għall-imħabba tagħhom infushom . . . bla qalb, bla ħniena, lablaba, bla rażan; kiefra, bla mħabba għat-tajjeb.”—2 Timotju 3:1-3.
4. Liema aspett pożittiv hemm fl-istampa xejn sabiħa li tingħata fit-2 Timotju 3:1-3?
4 Għalkemm din l-iskrittura ma tantx tagħti stampa sabiħa, xorta waħda turina li hemm tama. Innota li dawn iż-żminijiet kritiċi kellhom jeżistu fl-“aħħar tad-dinja” preżenti u mill-agħar taʼ Satana. Dan ifisser li s-serħan jinsab fil-qrib u li minflok din id-dinja mill-agħar dalwaqt se jkun hawn il-ħakma perfetta tas-Saltna t’Alla, li Ġesù għallem lis-segwaċi tiegħu biex jitolbu għaliha. (Mattew 6:9, 10) Din is-Saltna hija l-gvern tas-sema t’Alla, li “ma tinqered qatt,” jgħid il-profeta Danjel, imma din se “ttemm is-saltniet [umani] l-oħra kollha, waqt li hi tibqaʼ wieqfa għal dejjem.”—Danjel 2:44.
In-Newtralità Kristjana b’Kuntrast mat-Terroriżmu
5. Dan l-aħħar, il-ġnus kif wieġbu għat-theddida tat-terroriżmu?
5 It-terroriżmu ilu għaxriet taʼ snin jieħu l-ħajjiet t’eluf taʼ nies. Wara l-attakki tal-11 taʼ Settembru, 2001, fuq il-Belt taʼ New York u Washington, D.C., id-dinja kollha saret ferm iktar konxja taʼ dan il-periklu minħabba t-terroriżmu. Il-ġnus madwar id-dinja ma damux ma ngħaqdu flimkien biex jikkumbattu t-terroriżmu meta rawh qed jiżdied u jinfirex daqshekk mal-globu kollu. Per eżempju, fl-4 taʼ Diċembru, 2001, skond rapporti taʼ l-aħbarijiet, xi “ministri barranin minn 55 pajjiż Ewropew, mill-Amerika taʼ Fuq u mill-Asja Ċentrali adottaw unanimament pjan” bl-għan li jingħaqdu flimkien fl-isforzi tagħhom. Uffiċjal għoli taʼ l-Istati Uniti faħħar din l-azzjoni u qal li din qed tagħti “livell ġdid t’enerġija” lill-isforzi biex jikkumbattu t-terroriżmu. F’daqqa waħda, mijiet taʼ miljuni taʼ nies ġew involuti f’dak li skond The New York Times Magazine hu “l-bidu taʼ battalja kbira li se tibqaʼ tissemma.” Kemm se jkollhom suċċess dawn l-isforzi għad irridu naraw. Madankollu, l-effetti li ħalliet warajha din il-gwerra kontra t-terrur qanqlu biżaʼ u ansjetà f’ħafna nies, imma mhux f’dawk li jafdaw f’Jehovah.
6. (a) Xi wħud għala jistgħu xi drabi jsibuha diffiċli li jaċċettaw il-waqfa tan-newtralità Kristjana li jieħdu x-Xhieda taʼ Jehovah? (b) Ġesù liema eżempju ħalla għas-segwaċi tiegħu fejn jidħlu l-attivitajiet politiċi?
6 Ix-Xhieda taʼ Jehovah huma magħrufin sew għan-newtralità tagħhom fil-politika. Filwaqt li ħafna nies huma lesti li jaċċettaw il-waqfa tagħhom fi żmien taʼ paċi, f’ċirkustanzi straordinarji dawn l-istess nies isiru inqas tolleranti. Taʼ spiss, il-biżaʼ u l-inċertezza kaġunati mill-gwerra jqanqlu sentimenti profondi taʼ nazzjonaliżmu. Dan għandu mnejn jagħmilha diffiċli biex xi wħud jifhmu għala jistaʼ jkun hemm xi ħadd li joqgħod lura milli jappoġġa l-kampanji popolari nazzjonalistiċi. Minkejja dan, il-Kristjani veri jafu li huma jridu jobdu l-kmand taʼ Ġesù biex ma ‘jkunux tad-dinja.’ (Ġwann 15:19; 17:14-16; 18:36; Ġakbu 4:4) Dan jirrikjedi li jżommu n-newtralità fi kwistjonijiet soċjali u politiċi. Ġesù nnifsu ħallielna l-eżempju xieraq. Peress li kellu għerf perfett u abbiltajiet straordinarji hu setaʼ, kieku ried, solva ħafna mill-kwistjonijiet li kienu jeżistu fi żmienu. Iżda hu żamm lura milli jinvolvi ruħu fil-politika. Fil-bidu tal-ministeru tiegħu, hu rrifjuta b’mod sod meta Satana offrielu l-ħakma fuq is-saltniet kollha tad-dinja. Iktar tard, meta riedu jġagħluh jaċċetta ħatra politika hu rrifjuta b’mod deċiż.—Mattew 4:8-10; Ġwann 6:14, 15.
7, 8. (a) Il-fatt li x-Xhieda taʼ Jehovah jibqgħu newtrali fil-politika x’ma jfissirx, u għala? (b) L-iskrittura f’Rumani 13:1, 2 kif ma tħalli ebda dubju dwar li huma ma jieħdu sehem f’ebda attività vjolenti li ssir kontra l-gvernijiet?
7 Il-waqfa newtrali li jieħdu x-Xhieda taʼ Jehovah m’għandhiex tiġi interpretata ħażin bħala li huma jappoġġaw jew jagħlqu għajnejhom għall-vjolenza. Kieku jagħmlu dan ikunu qed jikkontradixxu dak li huma stess isostnu, jiġifieri, li Alla tagħhom hu “Alla taʼ l-imħabba u s-sliem.” (2 Korintin 13:11) Huma saru jafu kif iħossu Jehovah dwar il-vjolenza. Is-salmista kiteb: “Jgħarbel il-Mulej il-ġust u l-ħażin; hu jobgħod ’il min iħobb id-dnewwa.” (Salm 11:5) Huma konxji wkoll taʼ dak li Ġesù qal lill-appostlu Pietru: “Erġaʼ daħħal sejfek f’postu għax kull min jaqbad is-sejf, bis-sejf jinqered.”—Mattew 26:52.
8 Għalkemm l-istorja turi ċar li l-Kristjani taʼ l-isem spiss użaw “is-sejf,” dan m’huwiex minnu dwar ix-Xhieda taʼ Jehovah. Huma ma jieħdu sehem f’ebda attività bħal din. Ix-Xhieda jobdu fedelment il-kmand li nsibu f’Rumani 13:1, 2: “Kull bniedem għandu jobdi lill-awtorità taʼ fuqu [il-ħakkiema governattivi]. Ma hemmx awtorità jekk m’hix ġejja minn Alla; u l-awtoritajiet li hemm, qegħdin hemm bl-ordni taʼ Alla. Għalhekk, dawk li jeħduha kontra l-awtorità jkunu qegħdin jeħduha kontra l-ordni mwaqqaf minn Alla; u dawk li jeħduha kontra Alla, ikunu qegħdin jiġbdu l-kundanna fuqhom infushom.”
9. Ix-Xhieda taʼ Jehovah b’liema żewġ modi qed jikkumbattu t-terroriżmu?
9 Madankollu, ladarba t-terroriżmu hu daqshekk ħażin, m’għandhomx ix-Xhieda taʼ Jehovah jagħmlu xi ħaġa biex jikkumbattuh? Iva, hekk suppost jagħmlu, u hekk qed jagħmlu. L-ewwelnett, huma nfushom ma jiħdux sehem f’attivitajiet bħal dawn. It-tieni, huma jgħallmu lin-nies il-prinċipji Kristjani, li meta japplikawhom f’ħajjithom iġagħluhom jeliminaw kull xorta taʼ vjolenza.a Is-sena l-oħra, ix-Xhieda qattgħu 1,202,381,302 sigħat jgħinu lin-nies jitgħallmu kif jgħixu ħajja Kristjana. Dan ma kienx ħin mitluf, għaliex ir-riżultat taʼ din l-attività wassal biex 265,469 persuna tgħammdu bħala Xhieda taʼ Jehovah, u b’hekk urew pubblikament li huma kienu qed jiċħdu l-vjolenza kompletament.
10. Liema prospetti hemm sabiex il-vjolenza titneħħa darba għal dejjem mid-dinja taʼ llum?
10 Barra minn hekk, ix-Xhieda taʼ Jehovah jagħrfu li huma nfushom qatt ma jistgħu jeħilsu lid-dinja mill-ħażen. Huwa għalhekk li jpoġġu l-fiduċja sħiħa tagħhom f’dak li jistaʼ jagħmel dan—Alla Jehovah. (Salm 83:19 [83:18, NW]) Minkejja l-isforzi sinċieri kollha li jsiru, il-bnedmin qatt ma jistgħu jtemmu l-vjolenza. Il-kittieb imnebbaħ tal-Bibbja jwissina bil-quddiem dwar żmienna, “l-aħħar tad-dinja,” u jgħid: “In-nies il-ħżiena u l-uċuħ b’oħra jmorru mill-ħażin għall-agħar, iqarrqu u jitqarrqu.” (2 Timotju 3:1, 13) Meta wieħed iqis dan jinduna li l-prospetti li l-bniedem jirbaħ il-battalja kontra l-ħażen ma tantx huma favorevoli. Mill-banda l-oħra, aħna nistgħu nistrieħu fuq Jehovah sabiex ineħħi l-vjolenza għalkollox u għal dejjem.—Salm 37:1, 2, 9-11; Proverbji 24:19, 20; Isaija 60:18.
Bla Biżaʼ Minkejja li Dalwaqt Se Jiġu Attakkati
11. Jehovah liema passi diġà ħa biex ineħħi l-vjolenza darba għal dejjem?
11 Ladarba Alla tas-sliem jobgħod il-vjolenza, aħna nistgħu nifhmu għala hu beda jieħu passi biex jeqred lil dak li kkaġunaha, Satana x-Xitan. Fil-fatt, Hu diġà ġagħal lil Satana jsofri telfa umiljanti permezz taʼ l-arkanġlu Mikiel—is-Sultan maħtur ġdid, Ġesù Kristu. Il-Bibbja tiddeskriviha b’dan il-mod: “Qamet gwerra fis-sema: Mikiel u l-anġli tiegħu jitqabdu mad-Dragun. U d-Dragun u l-anġli tiegħu tqabdu, iżda ma kellhomx ħila jegħlbu, u ma kienx hemm iżjed post għalihom fis-sema. U kien imwaddab id-Dragun il-kbir, is-Serp tal-qedem, li hu msejjaħ id-Demonju u x-Xitan, il-qarrieq tad-dinja kollha, kien imwaddab għal fuq l-art, u miegħu kienu mwaddba l-anġli tiegħu.”—Apokalissi 12:7-9.
12, 13. (a) X’inhu sinifikanti dwar is-sena 1914? (b) Il-profezija t’Eżekjel xi tbassar dwar dawk li joħorġu bi ħġarhom biex jappoġġaw is-Saltna t’Alla?
12 Kemm il-kronoloġija tal-Bibbja kif ukoll il-ġrajjiet dinjin jippontaw lejn is-sena 1914 bħala ż-żmien li fih seħħet din il-gwerra fis-sema. Minn dakinhar ’l hawn, il-kundizzjonijiet tad-dinja baqgħu sejrin dejjem għall-agħar. Apokalissi 12:12 jispjega għala, meta jgħid: “Għalhekk ifirħu, smewwiet, u intom li tgħammru fihom. Ħażin għalikom, art u baħar, għax fikom niżel id-Demonju, b’korla kbira fuqu, għax jaf li żmien ftit baqagħlu.”
13 Wieħed jistaʼ jifhem għala x-Xitan hu rrabjat primarjament għall-aduraturi midlukin t’Alla u għal sħabhom in-“nagħaġ oħra.” (Ġwann 10:16; Apokalissi 12:17) Din l-oppożizzjoni dalwaqt se tilħaq il-quċċata tagħha meta x-Xitan jibda l-attakk aħrax tiegħu kontra dawk kollha li jappoġġaw is-Saltna stabbilita t’Alla u dawk li jafdaw fiha. Dan l-attakk sfrenat hu msemmi f’Eżekjel kapitlu 38 bħala l-attakk minn ‘Gog taʼ l-art taʼ Magog.’
14. Liema sforzi protettivi gawdew ix-Xhieda taʼ Jehovah fil-passat, u dejjem hekk se jkun?
14 Mindu Satana tkeċċa mis-sema, in-nies t’Alla xi drabi ġew protetti mill-attakki taʼ Satana permezz taʼ l-isforzi li saru minn ċerti elementi politiċi, deskritti b’lingwa simbolika f’Apokalissi 12:15, 16. B’kuntrast, il-Bibbja tindika li matul l-attakk finali taʼ Satana, l-ebda element uman m’hu se jaqbeż għal dawk li jpoġġu l-fiduċja tagħhom f’Jehovah. Għandu dan iġiegħel lill-Kristjani jibżgħu jew jitwerwru? Lanqas xejn!
15, 16. (a) Il-kliem rassiguranti li Jehovah qal lin-nies tiegħu fi żmien Ġosafat kif jistaʼ jgħin lill-Kristjani llum ikunu ottimisti? (b) Ġosafat u n-nies tiegħu liema mudell stabbilew għall-qaddejja t’Alla taʼ llum?
15 Alla se jappoġġa lin-nies tiegħu sewwasew bħalma appoġġa lill-ġens tipiku tiegħu fi żmien is-Sultan Ġosafat. Naqraw: “Isimgħuni, intom nies kollha taʼ Ġuda, intom li tgħammru f’Ġerusalemm, u int, o sultan Ġosafat! Dan jgħid il-Mulej: Tibżgħux! Titwerwrux quddiem din il-kotra kollha, għaliex it-taqbida m’hijiex tagħkom, imma taʼ Alla. . . . Intom ma tiġġildux f’din il-battalja; oqogħdu f’postkom, tiċċaqalqux, u taraw ir-rebħa [“is-salvazzjoni,” NW] tal-Mulej għalikom, o Ġuda u Ġerusalemm. Tibżgħux, titwerwrux; għada oħorġu għalihom, u l-Mulej ikun magħkom.”—2 Kronaki 20:15-17.
16 In-nies taʼ Ġuda ġew assigurati li ma kienx se jkollhom bżonn jiġġieldu. Bl-istess mod, meta n-nies t’Alla jiġu attakkati minn Gog taʼ Magog, huma m’humiex se jmissu armi b’idejhom biex jiddefendu ruħhom. Minflok, huma se jibqgħu bla ‘ma jiċċaqalqu, u jaraw is-salvazzjoni tal-Mulej’ għalihom. M’għandniex xi ngħidu, il-fatt li ma jiċċaqalqux ma jfissirx li se jwaqqfu kull attività, sewwasew bħalma n-nies t’Alla fi żmien Ġosafat ma kinux inattivi għalkollox. Naqraw: “Ġosafat niżel wiċċu fl-art; u Ġuda kollu, u dawk kollha li jgħammru f’Ġerusalemm inxteħtu quddiem il-Mulej biex jadurawh. . . . Mbagħad, wara li [Ġosafat] ftiehem mal-poplu, għażel lil dawk li kellhom jgħannu u jfaħħru lill-Mulej, libsin ilbies sagru, u mixjin quddiem l-eżerċtu jgħidu: ‘Faħħru lill-Mulej, għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.’” (2 Kronaki 20:18-21) Iva, saħansitra meta kienu qed jiġu attakkati mill-għadu, in-nies komplew bil-ħeġġa kollha jfaħħru lil Jehovah. Dan jistabbilixxi mudell biex ix-Xhieda taʼ Jehovah jimxu fuqu meta Gog jibda l-attakk tiegħu kontrihom.
17, 18. (a) Liema attitudni pożittiva għandhom ix-Xhieda taʼ Jehovah illum rigward l-attakk taʼ Gog? (b) Liema tfakkira ngħatat dan l-aħħar liż-żgħażagħ Kristjani?
17 Sa dakinhar—u saħansitra wara li jkun beda l-attakk taʼ Gog—ix-Xhieda taʼ Jehovah se jkomplu jappoġġaw is-Saltna t’Alla. Huma se jkomplu jiksbu s-saħħa u l-protezzjoni billi jkomplu jissieħbu maʼ l-94,600 kongregazzjoni madwar id-dinja. (Isaija 26:20) Issa hu l-waqt li nfaħħru lil Jehovah bil-kuraġġ! Le, il-fatt li qed jistennew li minn mument għall-ieħor ifaqqaʼ l-attakk taʼ Gog ma jġagħalhomx jibqgħu lura minħabba l-biżaʼ. Pjuttost, dan iqanqalhom biex iżidu kemm jifilħu s-sagrifiċċju taʼ tifħir tagħhom.—Salm 146:2.
18 Xiehda ċara taʼ din l-attitudni pożittiva nistgħu narawha mill-mod kif eluf taʼ żgħażagħ madwar id-dinja bdew jaqdu fis-servizz full-time. Fil-konvenzjonijiet distrettwali tas-sena 2002 ħareġ fuljett intitolat Żgħażagħ—Kif Se Tużaw Ħajjitkom? li enfasizza l-vantaġġi li jiġu milli wieħed jagħżel ħajja taʼ servizz full-time. Il-Kristjani, kemm żgħażagħ kif ukoll xjuħ, huma grati għal dawn it-tfakkiriet f’waqthom.—Salm 119:14, 24, 99, 119, 129, 146.
19, 20. (a) Il-Kristjani għala m’għandhomx għalfejn jibżgħu jew jitwerwru? (b) L-artiklu taʼ studju li jmiss x’se jagħmel?
19 Minkejja l-kundizzjonijiet tad-dinja, il-Kristjani m’għandhomx għalfejn jibżgħu jew jitwerwru. Huma jafu li dalwaqt is-Saltna taʼ Jehovah se teqred darba għal dejjem kwalunkwe tip taʼ vjolenza. Huma jsibu wkoll faraġ fit-tama taʼ l-irxoxt billi jafu li dawk li tilfu ħajjithom minħabba l-vjolenza se jiġu mqajmin mill-mewt. Waqt li dan l-irxoxt se jagħti opportunità lil xi wħud biex għall-ewwel darba jitgħallmu dwar Jehovah, lil oħrajn se jgħinhom ikomplu fil-ħajja taʼ servizz dedikat lil Jehovah.—Atti 24:15.
20 Bħala Kristjani veri, aħna napprezzaw il-ħtieġa li nżommu n-newtralità Kristjana u hekk aħna determinati li nagħmlu. Irridu li qatt ma nitilfu l-prospett meraviljuż li nkunu nistgħu ma ‘niċċaqalqux u naraw is-salvazzjoni tal-Mulej.’ L-artiklu li jmiss se jsaħħilna l-fidi tagħna billi jġagħalna nkunu konxji tal-ġrajjiet preżenti li qegħdin iktar u iktar jgħinuna nifhmu t-twettiq tal-profezija tal-Bibbja.
[Nota taʼ taħt]
a Għal xi eżempji taʼ individwi li bidlu ħajjithom u ma baqgħux vjolenti sabiex isiru Xhieda, ara l-ħarġiet taʼ l-Awake! tat-22 taʼ Marzu, 1990, paġna 21; it-8 t’Awissu, 1991, paġna 18; u l-ħarġiet tat-Torri taʼ l-Għassa taʼ l-1 taʼ Jannar, 1996, paġna 5; l-1 t’Awissu, 1998, paġna 5.
Tistaʼ Tispjega?
• Ħafna nies illum għala huma daqshekk pessimisti?
• Ix-Xhieda taʼ Jehovah għala huma ottimisti dwar il-futur?
• Jehovah x’diġà għamel dwar dak li kkaġuna l-vjolenza kollha?
• Għala m’għandna ebda raġuni għalxiex nibżgħu mill-attakk taʼ Gog?
[Stampa f’paġna 13]
Ġesù ħallielna l-eżempju xieraq tan-newtralità Kristjana
[Stampi f’paġna 16]
Eluf taʼ Xhieda żgħażagħ bdew jaqdu bil-ferħ fil-ministeru full-time
[Sors tal-Istampa f’paġna 12]
RITRATT TAL-ĠM 186226/M. Grafman