Min Hu Tajjeb Jaqlaʼ l-Approvazzjoni t’Alla
IL-ĦAJJA kollha toriġina minn Alla Jehovah. (Salm 36:10 [36:9, NW]) Iva, aħna permezz tiegħu ‘ngħixu, nitħarrku, u għandna l-eżistenza tagħna.’ (Atti 17:28, KŻ) Ma nħossux qalbna tfur bil-gratitudni meta nikkunsidraw il-premju li jagħti lil dawk li jkollhom relazzjoni intima miegħu? Tabilħaqq, “id-don li tana Alla huwa l-ħajja taʼ dejjem.” (Rumani 6:23) Kemm hu vitali li nfittxu l-approvazzjoni taʼ Jehovah!
Is-Salmista jassigurana li ‘ħniena hu jagħti.’ (Salm 84:12 [84:11, NW]) Imma maʼ min juriha? Illum taʼ spiss il-ħniena li juru n-nies hija bbażata, fost affarijiet oħra, fuq l-edukazzjoni, ir-rikkezzi, il-kulur tal-ġilda, u l-isfond etniku. Alla maʼ min juri ħniena? Is-Sultan Salamun taʼ Iżrael tal-qedem iwieġeb: “Min hu tajjeb jaqlaʼ ħniena [“l-approvazzjoni,” “NW”] mingħand il-Mulej, imma l-brikkun ikun ikkundannat.”—Proverbji 12:2.
Jidher ċar li Jehovah jogħġbu min hu tajjeb—bniedem taʼ morali tajbin. Il-virtujiet taʼ bniedem tajjeb jinkludu kwalitajiet bħalma huma r-rażna jew id-dixxiplina fuqna nfusna, il-ġustizzja, l-umiltà, il-mogħdrija, u l-prudenza. Ħsibijietu huma tajbin, kliemu inkuraġġanti, l-għemejjel tiegħu ġusti u taʼ benefiċċju. L-ewwel parti taʼ kapitlu 12 tal-ktieb tal-Proverbji turina kif it-tjieba għandha tinfluwenzana fil-ħajja taʼ kuljum u turina l-benefiċċji li jirriżultaw meta aħna nuru din il-kwalità. Jekk nikkunsidraw dak li hemm imniżżel fil-ktieb tal-Proverbji se jkollna l-“għaqal” biex nagħmlu l-“ġid.” (Salmi 36:4 [36:3, NW]) Meta napplikaw il-parir għaqli li nsibu hemmhekk, dan se jgħinna niksbu l-approvazzjoni t’Alla.
Id-Dixxiplina Vitali
“Min iħobb id-dixxiplina, iħobb it-tagħlim,” jistqarr Salamun, “imma min jobgħod iċ-ċanfir hu bla moħħ.” (Proverbji 12:1) Peress li jkun ħerqan biex jitjieb personalment, bniedem tajjeb jieħu gost bid-dixxiplina. Ikun ħafif biex japplika l-pariri li jirċievi fil-laqgħat Kristjani jew meta xi ħadd ikellmu personalment. Il-kliem fl-Iskrittura u fil-pubblikazzjonijiet ibbażati minn fuq il-Bibbja hu bħal ingiegeż li jniggżuh biex jimxi fit-triq it-tajba. Hu jfittex l-għarfien u jużah biex jiddritta triqatu. Iva, min iħobb id-dixxiplina jħobb ukoll it-tagħlim.
Kemm hi bżonnjuża d-dixxiplina għall-aduraturi veri—l-iktar id-dixxiplina fuqna nfusna! Forsi aħna nixtiequ li jkollna għarfien iktar profond tal-Kelma t’Alla. Forsi nixtiequ li nkunu iktar effettivi fil-ministeru Kristjan u li nkunu għalliema aħjar tal-Kelma t’Alla. (Mattew 24:14; 28:19, 20) Imma mingħajr id-dixxiplina fuqna nfusna dawn ix-xewqat ma jistgħux isiru realtà. Id-dixxiplina fuqna nfusna għandna bżonn nuruha f’aspetti oħra tal-ħajja. Per eżempju, illum hawn ruxxmata taʼ materjal li l-iskop tiegħu hu li jqanqal xewqat ħżiena. Ma taħsibx li hemm bżonn tad-dixxiplina fuqek innifsek biex ma tħallix għajnejk jiffokaw fuq affarijiet mhux xierqa? Iktar minn hekk, ladarba “qalb il-bniedem miġbuda għall-ħażen sa minn ċkunitu,” ħsieb immorali jistaʼ tabilħaqq joriġina mill-irkejjen sigrieti taʼ moħħna. (Ġenesi 8:21) Id-dixxiplina fuqna nfusna hija meħtieġa sabiex ma nibqgħux naħsbu fuq ħsieb bħal dan.
Mill-banda l-oħra, min jobgħod iċ-ċanfir la jħobb id-dixxiplina u lanqas l-għarfien jew it-tagħlim. Jekk iċedi għat-tendenza umana u midinba li ġġagħlu ma jaċċettax it-twiddib, hu jkun qed jinżel fil-livell t’annimal bla raġuni jew bhima li m’għandha ebda valuri morali. Irridu nirreżistu b’mod sod din l-inklinazzjoni.
‘Għeruq li Ma Jistgħu Jinqalgħu b’Xejn’
M’għandniex xi ngħidu, bniedem tajjeb la jistaʼ jkun ħażin u lanqas inġust. Għalhekk, it-tjieba wkoll hija meħtieġa biex wieħed jikseb l-approvazzjoni taʼ Jehovah. Is-Sultan David kanta: “Għax int tbierek il-ġust, Mulej; int tħaddnu bħal tarka bi tjubitek [jew bl-approvazzjoni tiegħek].” (Salm 5:13 [5:12, NW]) Waqt li jagħmel kuntrast bejn il-kundizzjoni taʼ bniedem ġust u dik taʼ bniedem ħażin, Salamun jgħid: “Il-ħżiena ma jkunu qatt fis-sod, imma għerq il-ġusti ma jinqalaʼ b’xejn.”—Proverbji 12:3.
Il-ħżiena għandhom mnejn jidhru li qed jirnexxu fil-ħajja. Ikkunsidra l-esperjenza tas-salmista Asaf. Hu jgħid: “Iżda jien għal ftit ma għotrux riġlejja, għal ftit ma żlaqtx fil-mixi tiegħi.” Għala? Asaf iwieġeb: “Ġietni l-għira għall-kburin, xħin rajt il-ħżiena jimxu ’l quddiem.” (Salm 73:2, 3) Imma hekk kif daħal fis-santwarju tat-tempju t’Alla, hu beda jirrealizza li fuq art tiżloq kien poġġiehom Jehovah. (Salm 73:17, 18) Kwalunkwe suċċess li jidher li qed ikollhom il-ħżiena huwa biss temporanju. Għala għandna ngħiru għalihom?
Mill-banda l-oħra, dak li għandu l-approvazzjoni taʼ Jehovah huwa stabbli. Waqt li uża metafora dwar is-sistema t’għeruq b’saħħithom li jkollha siġra, Salamun jgħid: “Għerq il-ġusti ma jinqalaʼ b’xejn.” (Proverbji 12:3) L-għeruq li ma jidhrux taʼ siġra ġganteska, bħalma hi s-seqoja taʼ Kalifornja, jistgħu jkopru medda taʼ diversi eluf taʼ metri kwadri u jistgħu jipprovdu appoġġ sod meta jkun hemm xi għargħar jew irjieħ qawwija. Seqoja ġganteska tistaʼ saħansitra tiflaħ għal terremot qawwi.
Bħal għeruq li jinsabu fil-fond f’ħamrija nutrittiva, moħħna u qalbna jeħtieġ li jħaffru fil-Bibbja dwar diversi suġġetti u jtellgħu minnha l-ilmijiet li jagħtu l-ħajja. B’hekk, il-fidi tagħna ssir iktar b’saħħitha, b’għeruq imqabbdin fis-sod, u t-tama tagħna tkun ċerta u soda. (Lhud 6:19) M’aħniex se niġu “mkaxkra minn kull riħ taʼ tagħlim [falz].” (Efesin 4:14) M’għandniex xi ngħidu, aħna se nħossuhom l-effetti tal-burraxki li nistgħu ngħaddu minnhom u forsi saħansitra nitriegħdu meta nħabbtu wiċċna maʼ xi għawġ. Imma l-pedament tagħna bħal ‘għerq m’hu se jinqalaʼ b’xejn.’
“Mara taʼ Ħila Kuruna taʼ Żewġha”
Ħafna nies jafuh il-qawl, “Wara kull raġel li jirnexxi fil-ħajja hemm mara tajba.” Biex juri l-importanza taʼ mara li tappoġġa lil żewġha, Salamun jgħid: “Mara taʼ ħila kuruna taʼ żewġha, u bħal taħsir f’għadmu l-mara bla mistħija.” (Qwiel 12:4, Saydon) Il-frażi “taʼ ħila” tiġbor fiha ħafna elementi taʼ tjieba. Il-virtujiet taʼ mara tajba, bħalma huma deskritti fid-dettall f’kapitlu 31 tal-Proverbji, jinkludu l-bżulija, il-fedeltà, u l-għaqal. Mara li għandha dawn il-kwalitajiet hija kuruna għal żewġha minħabba li l-kondotta tajba tagħha ġġiblu ġieħ u tgħollih f’għajnejn ħaddieħor. Qatt ma se tkun tant ambizzjuża li taqbżu jew tikkompeti miegħu biex tieħu l-kredtu hi. Minflok, hija għajnuna li tikkumplimenta lil żewġha.
Mara kif tistaʼ taġixxi bla mistħija, u b’liema riżultati? Din il-kondotta taʼ mistħija tistaʼ tvarja minn ġlied sa adulterju. (Proverbji 7:10-23; 19:13) Meta mara taġixxi b’dan il-mod tasal biex tkun ir-rovina taʼ żewġha. Hi “bħal taħsir f’għadmu” fis-sens li “twasslu għar-rovina bħal xi marda li ddgħajjef il-ġisem taʼ bniedem,” jgħid xogħol wieħed taʼ referenza. “Kelma oħra ekwivalenti għal dan fi żmienna hija ‘kanċer’—marda li bil-mod il-mod tixrob l-enerġija taʼ dak li jkun,” jistqarr xogħol ieħor taʼ referenza. Jalla n-nisa Kristjani miżżewġin iħabirku biex jiksbu l-approvazzjoni t’Alla billi juru l-virtujiet taʼ mara taʼ ħila.
Minn Ħsibijiet għal Azzjonijiet għal Konsegwenzi
Il-ħsibijiet iwasslu għall-azzjonijiet, u l-għemejjel iwasslu għall-konsegwenzi. Salamun imbagħad jippreżenta azzjoni progressiva minn ħsibijiet għal azzjonijiet billi jqabbel in-nies tajbin mal-ħżiena. Hu jistqarr: “Ħsibijiet il-ġusti skond is-sewwa, imma fehmiet il-ħżiena kollha qerq. Bi kliemhom il-ħżiena jonsbu għall-ħajja, imma kliem it-tajbin iġib il-ħelsien.”—Proverbji 12:5, 6.
Il-ħsibijiet tan-nies sewwa huma wkoll tajbin moralment u huma mmirati lejn dak li hu sewwa u ġust. Ladarba t-tajbin huma mqanqlin mill-imħabba lejn Alla u lejn sħabhom il-bnedmin, l-intenzjonijiet tagħhom huma tajbin. Mill-banda l-oħra, il-ħżiena huma mqanqlin mill-egoiżmu. Minħabba f’hekk, lintenzjonijiet tagħhom—il-metodi tagħhom taʼ kif jilħqu l-objettivi tagħhom—huma diżonesti. L-azzjonijiet tagħhom huma qarrieqa. Ma jaħsbuhiex darbtejn biex jonsbu lill-innoċenti, forsi f’xi qorti, billi jakkużawhom b’mod falz. Bi kliemhom “jonsbu għall-ħajja” għaliex iridu jagħmlu l-ħsara lill-vittmi innoċenti tagħhom. It-tajbin, billi jkunu jafu b’dawn il-konfoffi mill-agħar u jkollhom l-għerf meħtieġ sabiex joqogħdu b’sebaʼ għajnejn, ikunu kapaċi jevitaw dan il-periklu. Huma jistgħu saħansitra jkunu kapaċi jwissu u jeħilsu lil dawk li lanqas biss jindunaw bil-konfoffi qarrieqa tal-ħżiena.
X’se jiġrilhom it-tajbin u l-ħżiena? “Il-ħżiena jintrebħu u jintemmu,” iwieġeb Salamun, “imma nisel it-tajbin jibqaʼ sħiħ.” (Proverbji 12:7) In-nisel, jgħid xogħol wieħed taʼ referenza, “jirrappreżenta lin-nies tad-dar taʼ individwu u dak kollu li hu prezzjuż għalih, u li jagħmilha possibbli biex hu jkun jistaʼ verament jgħix.” Jistaʼ saħansitra jirreferi għall-familja u d-dixxendenti tal-bniedem tajjeb. Ikun xi jkun il-każ, il-punt tal-proverbju huwa ċar: It-tajjeb se jibqaʼ sħiħ fi żmien taʼ inkwiet.
L-Umli Se Jmur Tajjeb
Biex jenfasizza l-valur tad-dehen, is-sultan taʼ Iżrael jgħid: “Bniedem bil-għaqal [“taʼ fomm prudenti,” “NW”] taʼ min ifaħħru, bniedem taʼ qalb mgħawwġa taʼ min jistmerru.” (Proverbji 12:8) Bniedem li għandu d-dehen ma jgħaġġilx biex jitkellem. Hu jaħseb qabel ma jitkellem u jgawdi relazzjonijiet paċifiċi m’oħrajn għaliex “fomm prudenti” jwasslu biex jagħżel kliemu bir-reqqa. Meta jqumu kwistjonijiet stupidi u spekulattivi, bniedem bil-għaqal ‘iqis kliemu.’ (Proverbji 17:27) Bniedem bħal dan jiġi mfaħħar u jkun qed jogħġob lil Jehovah. Kemm hu differenti mill-bniedem b’opinjonijiet mgħawġin li joħorġu minn ‘qalb mgħawġa’!
Iva, bniedem bil-għaqal jiġi mfaħħar, però l-proverbju li jmiss jgħallimna x’valur għandha l-umiltà. Dan jgħid: “Aħjar raġel li hu ftit stmat u għandu qaddej, milli wieħed li jridha taʼ kbir u nieqes mill-ħobż.” (Proverbji 12:9, KŻ) Milli jidher, Salamun qed jgħid li aħjar tkun bniedem umli u fqajjar, li għandu qaddej wieħed biss, milli tonfoq kulma jkollok biex tixtri l-bżonnijiet tal-ħajja ħalli tkun tistaʼ żżomm pożizzjoni soċjali għolja. X’parir għaqli huwa dan għalina—biex ngħixu skond il-mezzi tagħna!
Il-Ħajja Agrikola Tipprovdi Lezzjonijiet fit-Tjieba
Salamun silet żewġ lezzjonijiet mill-mod taʼ ħajja agrikola biex jgħallem x’inhi t-tjieba. “Il-ġust jieħu ħsieb sa l-bhima tiegħu, imma l-ħażin qalbu kiefra.” (Proverbji 12:10) Il-bniedem ġust jittrattahom tajjeb l-annimali tiegħu. Hu jaf x’inhuma l-bżonnijiet tagħhom u jimpurtah minnhom. Bniedem ħażin jistaʼ jgħid li jimpurtah mill-annimali, iżda qalbu ma tqanqlux biex jieħu ħsiebhom. Il-motivi tiegħu huma egoistiċi, għax hu fejn jaqbillu jieħu ħsiebhom, skond jekk iġibulux qligħ jew le. Bniedem bħal dan jaħseb li qed jieħu ħsiebhom sew l-annimali, imma fil-fatt ikun qed jimmaltrattahom.
Il-prinċipju taʼ li nittrattaw tajjeb l-annimali japplika wkoll għal dawk li jrabbu annimali domestiċi. Xi krudeltà tkun kieku trabbi l-annimali domestiċi biex imbagħad iġġagħalhom isofru bla bżonn għax tittraskurahom jew timmaltrattahom! Fil-każ li annimal ikun qed isofri ħafna minn xi marda serja jew għax ikun safa mweġġaʼ, forsi jkun att taʼ mħabba li tieħdu biex traqqdu.
Waqt li juża aspett ieħor tal-ħajja agrikola—l-għażiq tal-ħamrija—Salamun jgħid: “Min jaħdem l-għalqa tiegħu jiekol bix-xabaʼ.” Tabilħaqq, xogħol iebes u sinifikanti jġib benefiċċji kbar. Imma “min jagħtiha għall-frugħat hu bla moħħ.” (Proverbji 12:11) Minħabba li nieqes mid-dehen u l-fehma, dak li hu “bla moħħ” jaħli l-ħin f’affarijiet fiergħa, bla valur, u f’investimenti riskjużi. Il-lezzjonijiet li nisiltu minn dawn iż-żewġ versi huma ċari: Kun ħanin u bieżel.
It-Tajjeb Jagħti l-Frott
“Il-wieħed mill-agħar xtaq il-priża maqbuda fix-xibka taʼ bnedmin ħżiena,” jgħid is-sultan għaref. (Proverbji 12:12a, NW) Il-wieħed mill-agħar kif jagħmlu dan? Billi jixtieq l-affarijiet li jkunu nkisbu b’mezzi qarrieqa.
X’jistaʼ jingħad dwar it-tajjeb? Bniedem bħal dan iħobb id-dixxiplina u l-għeruq tiegħu fil-fidi huma sodi ħafna. Huwa sewwa u ġust, diskret u umli, mimli mogħdrija u ħabrieki. U “nisel [jew għerq] it-tajbin,” jgħid Salamun, “iżomm sħiħ sa l-aħħar,” jew “jagħti l-frott.” (Proverbji 12:12b, KŻ) “L-għerq tat-tajjeb se jibqaʼ għal dejjem,” tgħid traduzzjoni oħra. Persuna bħal din hija stabbli u tħossha fis-sigurtà. Tabilħaqq, ‘min hu tajjeb jaqlaʼ l-approvazzjoni t’Alla.’ Mela ħa ‘nafdaw fil-Mulej u nagħmlu t-tajjeb.’—Salm 37:3.
[Stampi f’paġna 31]
Bħal siġra b’saħħitha, il-fidi tal-wieħed ġust għandha għeruq sodi