Kapitlu 62
Lezzjoni fl-Umiltà
WARA li jfejjaq lit-tifel ippossessat minn demonju fir-reġjun qrib Ċesarija Filippi, Ġesù jixtieq imur lura d-dar lejn Kapernahum. Madankollu, hu jrid li jkun waħdu mad-dixxipli tiegħu fil-vjaġġ sabiex ikun jistaʼ jkompli jħejjihom għall-mewt tiegħu u għar-responsabbiltajiet tagħhom taʼ wara. “Bin il-bniedem għandu jingħata f’idejn il-bnedmin,” hu jispjegalhom, “u huma se joqtluh, imma, minkejja li jiġi maqtul, hu se jqum tlett ijiem wara.”
Għalkemm Ġesù tkellem qabel dwar dan, u tliet appostli fil-fatt raw it-trasfigurazzjoni li matulha t-“tluq” tiegħu ġie diskuss, is-segwaċi tiegħu xorta waħda għadhom ma jifhmuhiex din il-kwistjoni. Għalkemm ħadd minnhom ma jipprova jiċħad li hu se jiġi maqtul, bħalma għamel Pietru iktar kmieni, huma qed jibżgħu jistaqsuh iktar dwar dan.
Eventwalment huma jidħlu ġo Kapernahum, il-post li fih Ġesù kellu daru matul il-ministeru tiegħu. Hawnhekk joqgħod ukoll Pietru u għadd taʼ appostli oħra. Hemmhekk, irġiel li jiġbru t-taxxa tat-tempju jersqu lejn Pietru. Forsi biex jippruvaw jinvolvu lil Ġesù f’xi ksur taʼ drawwa aċċettata, huma jistaqsu: “L-imgħallem tagħkom ma jħallashomx iż-żewġ drakmi taxxa [tat-tempju]?”
“Iva,” jwieġeb Pietru.
Ġesù, li forsi wasal id-dar ftit wara, jaf x’ġara. Mela saħansitra qabel ma Pietru jistaʼ jqajjem il-kwistjoni, Ġesù jistaqsi: “X’taħseb int, Xmun? Is-slaten tal-art mingħand min jirċievu d-dazji jew it-taxxa tar-ras? Mingħand uliedhom jew mingħand l-istranġieri?”
“Mingħand l-istranġieri,” iwieġeb Pietru.
“Tassew, mela, l-ulied huma ħielsa mit-taxxa,” josserva Ġesù. Ladarba Missier Ġesù huwa s-Sultan tal-univers, Dak li huwa meqjum fit-tempju, mhix tassew ħtieġa legali għall-Iben t’Alla li jħallas it-taxxa tat-tempju. “Imma biex ma jkunx hemm kawża għall-gambetta,” jgħid Ġesù, “int mur sal-baħar, ixħet sunnara, u ħu l-ewwel ħuta li titlaʼ u, meta tiftħilha ħalqha, se ssib munita tal-piż [taʼ erbaʼ drakmi]. Ħu dik u agħtihielhom għalija u għalik.”
Meta d-dixxipli jinġabru flimkien wara li jiġu lura lejn Kapernahum, forsi fid-dar taʼ Pietru, huma jistaqsu: “Min tassew hu l-akbar fis-saltna tas-smewwiet?” Ġesù jaf x’inhu li qed iqanqal il-mistoqsija tagħhom, għaliex hu nduna x’kien għaddej bejniethom waqt li kienu ġejjin warajh huma u sejrin lura minn Ċesarija Filippi. Mela hu jistaqsi: “Fuqiex kontu qed targumentaw fit-triq?” Mifxulin, id-dixxipli jibqgħu siekta, għax huma kienu argumentaw bejniethom fuq min kien se jkun l-akbar.
Wara kważi tliet snin taʼ tagħlim minn Ġesù, tidher ħaġa inkredibbli li d-dixxipli jkollhom argument bħal dan? Tajjeb, dan jirrivela l-influwenza qawwija taʼ imperfezzjoni umana, kif ukoll dik taʼ sfond reliġjuż. Ir-reliġjon Lhudija li fiha d-dixxipli ġew imrobbijin enfasizzat il-pożizzjoni jew il-grad f’kull ħaġa. Barra minn hekk, forsi Pietru, minħabba l-wegħda taʼ Ġesù taʼ li jirċievi ċerti “mfietaħ” għas-Saltna, kien iħossu superjuri. Ġakbu u Ġwanni forsi kellhom idejat bħal dawn peress li kienu ġew iffavoriti b’li raw b’għajnejhom it-trasfigurazzjoni taʼ Ġesù.
Hu x’inhu l-każ, Ġesù jagħti dimostrazzjoni li tqanqal fi sforz biex jikkorreġi l-attitudnijiet tagħhom. Hu jsejjaħ lil tifel, ipoġġih f’nofshom, ipoġġi dirgħajh madwaru, u jgħid: “Jekk ma ddurux u ssiru bħal tfal żgħar, bl-ebda mod ma se tidħlu fis-saltna tas-smewwiet. Għalhekk, kulmin se jumilja lilu nnifsu bħal dan it-tifel żgħir huwa dak li hu l-akbar fis-saltna tas-smewwiet; u kulmin jirċievi tifel żgħir bħal dan fuq il-bażi taʼ ismi jirċievi lili wkoll.”
X’mod meraviljuż biex jikkorreġi lid-dixxipli tiegħu! Ġesù ma jirrabjax magħhom u ma jsejħilhomx imkabbrin, rgħiba, jew ambizzjużi. Le, imma hu jagħti stampa tat-tagħlim tiegħu taʼ korrezzjoni billi juża l-eżempju taʼ tfal żgħar, li huma minnhom infushom modesti u ħielsa mill-ambizzjoni u li ġeneralment m’għandhom ebda ħsieb taʼ gradi bejniethom. B’hekk Ġesù juri li d-dixxipli tiegħu għandhom bżonn jiżżviluppaw dawn l-istess kwalitajiet li għandhom it-tfal umlin. Bħalma jikkonkludi Ġesù: “Dak li jġib ruħu bħala wieħed iżgħar fostkom ilkoll huwa l-wieħed li huwa kbir.” Mattew 17:22-27; 18:1-5; Mark 9:30-37; Luqa 9:43-48.
▪ Huma u sejrin lura lejn Kapernahum, Ġesù liema tagħlim jirrepeti, u kif jiġi milqugħ?
▪ Ġesù għala mhux taħt obbligu li jħallas it-taxxa tat-tempju, imma għala jħallasha?
▪ X’setaʼ kien li kkontribwixxa għall-argument tad-dixxipli, u Ġesù kif ikkorreġihom?