Kapitlu 64
Lezzjoni f’Dik li hi Maħfra
ĠESÙ mid-dehra għadu fid-dar ġo Kapernahum mad-dixxipli tiegħu. Hu kien qed jiddiskuti magħhom kif għandhom jittrattaw id-diffikultajiet li jqumu bejn l-aħwa, u għalhekk Pietru jistaqsi: “Mulej, kemm-il darba għandu ħija jidneb kontra tiegħi u jien għandi naħfirlu?” Peress li l-għalliema reliġjużi Lhud jipproponu li wieħed għandu jaħfer sa tliet darbiet, Pietru wisq probabbli jikkunsidra li jkun ġeneruż ħafna jekk jissuġġerixxi “sa sebaʼ darbiet?”
Imma l-ideja kollha taʼ dan ir-raġunar hija żballjata. Ġesù jikkorreġi lil Pietru: “Jien ingħidlek, mhux, Sa sebaʼ darbiet, imma, Sa sebgħa u sebgħin darba.” Hu qed juri li m’għandu jkun hemm ebda limitu fuq kemm-il darba Pietru għandu jaħfer lil ħuh.
Biex jenfasizza fuq id-dixxipli l-obbligu tagħhom li jaħfru, Ġesù jirrakkontalhom tixbieha. Hija dwar sultan li jrid jissetilja l-kontijiet mal-irsiera tiegħu. Jinġieb għandu wieħed irsir li għandu jagħti d-dejn enormi taʼ 60,000,000 dinier. Bl-ebda mod ma hu possibbli li jħallsu dan id-dejn. Mela, bħalma jispjega Ġesù, is-sultan jordna li l-irsir u l-mara tiegħu u wliedu jiġu mibjugħin biex isir il-pagament.
Għal dan, l-irsir jinżel għar-rkobbtejh quddiem sidu u jitlob: “Ħu paċenzja bija u se nħallas lura kollox lilek.”
Billi jitħassru, is-sid jikkanċella bi ħniena d-dejn enormi tal-irsir. Imma malli s-sid jagħmel hekk, Ġesù jkompli, dan l-irsir imur ifittex u jsib irsir sieħbu li għandu jagħtih biss 100 dinier. Ir-raġel jaħtaf lill-irsir sieħbu minn gerżumtu u jibda jifgah, billi jgħid: “Ħallas lura dak kollu li għandek tagħti.”
Imma l-irsir sieħbu m’għandux flus biex iħallas. Mela hu jinżel għar-rkobbtejh quddiem l-irsir li lilu għandu jagħti, u jitlob: “Ħu paċenzja bija u se nħallsek lura.” Kontra dak li għamel sidu, l-irsir ma jurix ħniena, u jitfaʼ lill-irsir sieħbu fil-ħabs.
Sewwa, Ġesù jkompli, l-irsiera l-oħra li raw x’kien ġara jmorru u jgħidu kollox lis-sid. Dan b’rabja kbira jsejjaħ lill-irsir. “Irsir mill-agħar,” hu jgħid, “jien ikkanċellajt dak id-dejn kollu għalik, meta int tlabtni bil-ħrara. Ma missekx int, mill-banda l-oħra, kellek ħniena mill-irsir sieħbek, bħalma jien ukoll kelli ħniena minnek?” Ipprovokat għall-korla, is-sid jagħti lill-irsir li ma weriex ħniena f’idejn il-kalzriera sakemm iħallas lura dak kollu li għandu jagħti.
Imbagħad Ġesù jikkonkludi: “Bl-istess manjiera Missieri tas-sema se jaġixxi wkoll magħkom jekk intom ma taħfrux kull wieħed lil ħuh minn qlubkom.”
X’lezzjoni mill-aħjar f’dik li hi maħfra! Imqabbel mad-dejn kbir taʼ dnubiet li Alla ħafrilna, kull nuqqas li jsir kontra tagħna minn xi ħu Kristjan huwa ċkejken tabilħaqq. Barra minn hekk, Alla Jehovah ħafrilna eluf taʼ drabi. Spiss, lanqas biss inkunu nafu li dnibna kontrih. Għalhekk, ma nistgħux aħna naħfru lil ħutna ftit drabi, saħansitra jekk għandna kawża leġittima għal ilment? Ftakar, bħalma Ġesù għallem fil-Priedka taʼ fuq il-Muntanja, li Alla se ‘jaħfrilna d-djun tagħna, bħalma aħna wkoll ħfirna lill-midjunin tagħna.’ Mattew 18:21-35; 6:12; Kolossin 3:13.
▪ X’inhu dak li jqanqal il-mistoqsija taʼ Pietru dwar li jaħfer lil ħuh, u għala jistaʼ hu jikkunsidra s-suġġeriment tiegħu taʼ li jaħfer lil xi ħadd sebaʼ darbiet bħala li hu ġeneruż?
▪ Ir-risposta tas-sultan għat-talba tal-irsir tiegħu kif inhi differenti mir-risposta tal-irsir għat-talba taʼ rsir sieħbu?
▪ X’nitgħallmu aħna mit-tixbieha taʼ Ġesù?