Kapitlu 49
Vjaġġ Ieħor taʼ Ppridkar fil-Galilija
WARA madwar sentejn taʼ ppridkar intensiv, se jibda Ġesù issa jillaxka u ma jitħabatx? Għall-kuntrarju, hu jkabbar l-attività tiegħu taʼ ppridkar billi jitlaq għal jerġaʼ vjaġġ ieħor, it-tielet wieħed fil-Galilija. Hu jżur l-ibliet u l-irħula kollha fit-territorju, igħallem fis-sinagogi u jippriedka l-aħbar tajba tas-Saltna. Dak li jara f’dan il-vjaġġ jikkonvinċih iktar minn qatt qabel dwar il-ħtieġa biex jintensifika x-xogħol taʼ ppridkar.
Kulfejn imur Ġesù, hu jara l-folol fi bżonn taʼ fejqan u faraġ spiritwali. Huma bħal ngħaġ mingħajr ragħaj, imqaxxrin u mitfugħin ’il hawn u ’l hinn, u hu jitħassarhom. Hu jgħid lid-dixxipli tiegħu: “Iva, il-ħsad hu kbir, imma l-ħaddiema huma ftit. Għalhekk, itolbu lil Sid il-ħsad biex jibgħat ħaddiema fil-ħsad tiegħu.”
Ġesù għandu pjan taʼ azzjoni. Hu jsejjaħ lit-12-il appostlu, li lilhom kien għażel kważi sena qabel. Hu jqassamhom tnejn tnejn, billi jagħmel sitt pari taʼ predikaturi, u jagħtihom xi struzzjonijiet. Hu jispjega: “Tmorrux fit-triq tal-ġnus, u tidħlux f’belt Samaritana; imma, minflok, morru kontinwament għand in-ngħaġ mitlufa taʼ dar Iżrael. Intom u sejrin, ippridkaw, tgħidu, ‘Is-saltna tas-smewwiet qorbot.’”
Din is-Saltna li dwarha huma jridu jippridkaw hija l-waħda li Ġesù għallimhom biex jitolbu għaliha fit-talba mudell. Is-Saltna qorbot fis-sens li Ġesù Kristu, is-Sultan maħtur t’Alla, huwa preżenti. Biex jistabbilixxi l-kredenzjali tad-dixxipli tiegħu bħala rappreżentanti taʼ dak il-gvern superuman, Ġesù jagħtihom il-qawwa li jfejqu lill-morda u saħansitra li jqajmu lill-mejtin. Hu jgħidilhom biex dawn is-servizzi jagħmluhom b’xejn.
Imbagħad hu jgħid lid-dixxipli tiegħu biex ma jagħmlux tħejjijiet materjali għall-vjaġġ tagħhom taʼ ppridkar. “Iżżommux deheb jew fidda jew ram għall-boroż taʼ ħżiemkom, jew ħorġa tal-ikel għall-vjaġġ, jew żewġt ilbiesi taʼ taħt, jew sandli jew bastun; għax il-ħaddiem jistħoqqlu l-ikel tiegħu.” Dawk li japprezzaw il-messaġġ se jwieġbu u jikkontribwixxu ikel u djar. Bħalma igħid Ġesù: “Tidħlu f’liema belt jew raħal tidħlu, fittxu lil min hemmhekk jistħoqqlu, u oqogħdu hemm sakemm titilqu.”
Ġesù mbagħad jagħti xi struzzjonijiet dwar kif wieħed għandu jersaq lejn in-nies tad-dar bil-messaġġ tas-Saltna. “Meta tkunu deħlin fid-dar,” igħid hu, “sellmu lil tad-dar; u jekk id-dar jistħoqqilha, ħallu l-paċi li tixtiqulha tiġi fuqha; imma jekk ma jistħoqqilhiex, ħallu l-paċi mingħandkom terġaʼ lura fuqkom. Kulfejn xi ħadd ma jdaħħalkomx jew ma jismax kliemkom, waqt li toħorġu minn dik id-dar jew dik il-belt farfru t-trab minn maʼ saqajkom.”
Dwar belt li ma taċċettax il-messaġġ tagħhom, Ġesù juri li l-ġudizzju fuqha se jkun tassew aħrax. Hu jispjega: “Verament ingħidilkom, Se jkun iktar li tissaportih għall-art taʼ Sodom u Gomorra f’Jum il-Ġudizzju milli għal dik il-belt.” Mattew 9:35–10:15; Mark 6:6-12; Luqa 9:1-5.
▪ Ġesù meta jibdieh it-tielet vjaġġ taʼ ppridkar fil-Galilija, u dwar liema ħaġa jikkonvinċih dan?
▪ Meta jibgħat lit-12-il appostlu tiegħu biex jippridkaw liema struzzjonijiet jagħtihom?
▪ Għala hija ħaġa korretta għad-dixxipli li jgħallmu li s-Saltna qorbot?