Kapitlu 52
Ġesù Jitmaʼ Lil Eluf b’Mod Mirakoluż
IT-12-il appostlu gawdew vjaġġ straordinarju taʼ ppridkar fil-partijiet kollha tal-Galilija. Issa, ftit wara l-qtil taʼ Ġwanni, huma jiġu lura għand Ġesù u jirrakkontaw l-esperjenzi tal-għaġeb tagħhom. Billi jara li huma għajjenin u li ħafna nies ġejjin u sejrin li lanqas biss għandhom ħin biex jieklu, Ġesù jgħid: ‘Ejjew immorru waħedna f’post imwarrab fejn intom tistgħu tistrieħu.’
Billi jitilgħu fuq id-dgħajsa tagħhom, x’aktarx ħdejn Kapernahum, huma jitilqu lejn post imwarrab, evidentement in-naħa tal-Lvant tal-Ġordan iktar lil hemm minn Betsajda. Ħafna nies, madankollu, jarawhom jitilqu, u oħrajn isiru jafu b’dan. Dawn kollha jiġru qabilhom matul ix-xatt, u meta d-dgħajsa tasal, in-nies qegħdin hemm biex jilqgħuhom.
Billi jinżel minn fuq id-dgħajsa u jara l-folla kbira, Ġesù jiġi mqanqal mill-ħniena għaliex in-nies huma bħal ngħaġ mingħajr ragħaj. Mela hu jfejjaq il-morda tagħhom u jibda jgħallimhom ħafna affarijiet.
Il-ħin igħaddi malajr, u d-dixxipli taʼ Ġesù jiġu għandu u jgħidu: “Il-post hu mwarrab, u diġà sar tard. Ibgħathom ’il hemm, biex ikunu jistgħu jmorru fil-kampanja u fl-irħula taʼ madwar u jixtru għalihom infushom xi ħaġa x’jieklu.”
Madankollu, bi tweġiba Ġesù jgħid: “Agħtuhom intom xi ħaġa x’jieklu.” Imbagħad, billi Ġesù diġà jaf x’se jagħmel, hu jittestja lil Filippu billi jistaqsih: “Fejn se nixtru l-ħobż biex dawn jieklu?”
Minn kif jaraha Filippu s-sitwazzjoni hija impossibbli. Hemm madwar 5,000 raġel, u x’aktarx ’il fuq minn 10,000 persuna jekk ingħoddu wkoll in-nisa u t-tfal! Filippu jwieġeb li “mitejn dinier ħobż [dinier kien jiswa dak iż-żmien il-paga taʼ ġurnata] m’humiex biżżejjed għalihom, biex kull wieħed jistaʼ jieħu naqra.”
Forsi biex juri kemm hu impossibbli li titmaʼ lil tant nies, Indri̇̀ joffri: “Hawnhekk hawn tifel żgħir li għandu ħames ħobżiet tax-xgħir u żewġ ħutiet żgħar,” u jżid, “imma x’inhuma dawn fost tant uħud?”
Peress li qegħdin fir-Rebbiegħa eżatt qabel il-Qbiż tas-sena 32 E.K., hemm ħafna ħaxix aħdar. Mela Ġesù jordna lid-dixxipli tiegħu jgħidu lin-nies biex joqogħdu bil-qiegħda fuq il-ħaxix fi gruppi taʼ 50 u taʼ 100. Hu jieħu l-ħames ħobżiet u ż-żewġ ħutiet, iħares lejn is-sema, u jgħid talba. Imbagħad hu jibda jaqsam il-ħobżiet u jqassam il-ħutiet. Hu jagħti dawn lid-dixxipli tiegħu, li, imbagħad, iqassmuhom lin-nies. Oħroġ il-għaġeb, in-nies kollha jieklu sakemm ikunu ħadu biżżejjed!
Wara dan, Ġesù jgħid lid-dixxipli tiegħu: “Iġbru flimkien il-loqom li fadal, biex xejn ma jinħela.” Meta jiġbruhom, huma jimlew 12-il qoffa b’dak li baqaʼ minn dak li kielu! Mattew 14:13-21; Mark 6:30-44; Luqa 9:10-17; Ġwann 6:1-13.
▪ Ġesù għala jfittex post privat għall-appostli tiegħu?
▪ Ġesù fejn jeħodhom lid-dixxipli tiegħu, u l-ħtieġa taʼ mistrieħ tagħhom għala ma titwettaqx?
▪ Meta jsir tard, id-dixxipli x’iħeġġu, imma Ġesù kif jieħu ħsiebhom in-nies?