Kapitlu 55
Ħafna Dixxipli Ma Jibqgħux Isegwu Lil Ġesù
ĠESÙ qed igħallem f’sinagoga ġo Kapernahum dwar il-parti tiegħu bħala l-ħobż veru mis-sema. It-taħdita tiegħu b’mod evidenti hija estensjoni tad-diskussjoni li bdiet man-nies meta sabuh huma u ġejjin lura min-naħa tal-Lvant tal-Baħar tal-Galilija, fejn huma kienu kielu mill-ħobż u mill-ħutiet ipprovduti b’mod mirakoluż.
Ġesù jissokta bir-rimarki tiegħu, billi jgħid: “Il-ħobż li se nagħti jien huwa laħmi għall-ħajja tad-dinja.” Sentejn biss qabel, fir-Rebbiegħa tas-sena 30 E.K., Ġesù qal lil Nikodemu li Alla tant ħabb lid-dinja li hu pprovda lil Ibnu bħala Salvatur. B’hekk, Ġesù issa qed juri li kull wieħed mid-dinja tal-bnedmin li jiekol b’mod simboliku mil-laħam tiegħu, billi jeżerċita fidi fis-sagrifiċċju li dalwaqt se jagħmel, jistaʼ jirċievi l-ħajja taʼ dejjem.
In-nies, madankollu, jitfixklu minħabba l-kliem taʼ Ġesù. “Kif jistaʼ dan ir-raġel jagħtina laħmu biex nikluh?” jistaqsu huma. Ġesù jrid li s-semmiegħa tiegħu jifhmu li l-ikel tal-laħam tiegħu kellu jsir b’mod figurattiv. Mela, biex jenfasizza dan, hu jgħid xi ħaġa li hi jerġaʼ iktar oġġezzjonabbli jekk tittieħed b’mod litterali.
“Jekk ma tiklux il-laħam taʼ Bin il-bniedem u ma tixorbux demmu,” jiddikjara Ġesù, “m’għandkom ebda ħajja fikom infuskom. Dak li jiekol minn laħmi u jixrob demmi għandu l-ħajja taʼ dejjem, u jien se nirxoxtah fl-aħħar jum; għax laħmi hu ikel veru, u demmi hu xorb veru. Dak li jiekol minn laħmi u jixrob demmi jibqaʼ f’għaqda miegħi, u jiena f’għaqda miegħu.”
Veru, it-tagħlim taʼ Ġesù kien ikun jinstemaʼ offensiv ferm kieku kien qed jissuġġerixxi l-kannibaliżmu. Imma, naturalment, Ġesù mhux qed igħid li wieħed irid jiekol il-laħam u jixrob id-demm b’mod litterali. Hu qed jenfasizza sempliċement li dawk kollha li jirċievu l-ħajja taʼ dejjem iridu jeżerċitaw fidi fis-sagrifiċċju li hu se jagħmel meta joffri l-ġisem uman u perfett tiegħu u jxerred id-demm tal-ħajja tiegħu. Iżda, saħansitra ħafna mid-dixxipli tiegħu ma jagħmlu ebda sforz biex jifhmu t-tagħlim tiegħu u għalhekk joġġezzjonaw: “Dan id-diskors ikexkex; min jistaʼ jisimgħu?”
Billi jaf li ħafna mid-dixxipli tiegħu qed igemgmu, Ġesù jgħid: “Ifixkilkom dan? Xi tgħidu, għalhekk, kieku kellkom tilmħu lil Bin il-bniedem tielaʼ lejn fejn kien qabel? . . . Il-qwiel li għedtilkom huma spirtu u huma ħajja. Imma hemm xi wħud minnkom li ma jemmnux.”
Ikompli Ġesù: “Dan hu għala għedtilkom, Ħadd ma jistaʼ jiġi għandi jekk ma jkunx ġie mogħti lilu mill-Missier.” Għal dan, ħafna mid-dixxipli tiegħu jitilqu u ma jsegwuhx iktar. Mela Ġesù jdur lejn it-12-il appostlu tiegħu u jistaqsi: “Ma tridux tmorru intom ukoll, hux?”
Iwieġeb Pietru: “Mulej, għand min se mmorru? Int għandek qwiel taʼ ħajja taʼ dejjem; u aħna emminna u sirna nafu li inti l-Qaddis t’Alla.” X’espressjoni mill-isbaħ taʼ lejaltà, saħansitra jekk Pietru u l-appostli l-oħra forsi ma fehmux għalkollox it-tagħlim taʼ Ġesù dwar din il-ħaġa!
Għalkemm ferħan bit-tweġiba taʼ Pietru, Ġesù josserva: “Jien għażiltkom lilkom it-tnax, mhux hekk? Madankollu wieħed minnkom huwa kalunnjatur.” Qed jitkellem dwar Ġuda l-Iskarjota. X’aktarx li f’dan il-punt Ġesù jiskopri f’Ġuda “bidu” taʼ korsa żballjata.
Ġesù għadu kif iddiżappunta lin-nies billi rreżista l-attentati tagħhom biex jagħmluh sultan, u huma forsi qed jirraġunaw, ‘Kif jistaʼ dan ikun il-Messija jekk mhux se jassumi l-pożizzjoni li tixraq lill-Messija?’ Din, ukoll, kellha tkun kwistjoni friska fl-imħuħ tan-nies. Ġwann 6:51-71; 3:16.
▪ Ġesù jagħti l-laħam tiegħu għal min, u dawn kif ‘jieklu laħmu’?
▪ Liema kliem ieħor taʼ Ġesù jkexkex lin-nies, madankollu hu x’qed jenfasizza?
▪ Meta ħafna ma jibqgħux isegwu lil Ġesù, Pietru x’iwieġeb?