Kapitlu Sitta
Il-Kwistjoni li Lkoll Kemm Aħna Rridu Niffaċċjaw
1, 2. (a) Liema kwistjoni qajjem Satana fl-Għeden? (b) Din il-kwistjoni kif inhi implikata minn dak li qal?
INT involut fl-iktar kwistjoni importanti li l-umanità qatt iffaċċjat. Il-pożizzjoni tiegħek rigward din il-kwistjoni se tiddetermina l-futur etern tiegħek. Din tqajmet meta faqqgħet ir-ribelljoni fl-Għeden. Dak iż-żmien, Satana staqsa lil Eva: “Tassew li Alla qalilkom: ‘La tiklux mis-siġar kollha tal-ġnien’?” Hi wieġbet li rigward il-frott taʼ siġra waħda Alla qal: “La tiklux minnu, . . . inkella tmutu.” Imbagħad, Satana akkuża direttament lil Jehovah li kien giddieb, billi qal li la l-ħajja taʼ Eva u lanqas dik taʼ Adam ma kienet tiddependi mill-ubbidjenza lejn Alla. Satana sostna li Alla kien qed iċaħħad lill-ħlejjaq tiegħu minn xi ħaġa tajba—il-kapaċità li jistabbilixxu huma stess il-livelli fil-ħajja tagħhom. Satana qal: “Alla jaf li dak in-nhar li tieklu minnu jinfetħu għajnejkom u ssiru bħal allat, li jafu t-tajjeb u l-ħażin.”—Ġenesi 3:1-5.
2 Fi kliem ieħor, Satana kien qed jgħid li l-bnedmin ikunu f’pożizzjoni aħjar jekk jieħdu d-deċiżjonijiet għalihom infushom milli jekk jobdu l-liġijiet t’Alla. B’hekk, hu sfida l-mod kif Alla jaħkem. Dan qajjem l-iktar kwistjoni importanti li tirrigwarda s-sovranità universali t’Alla, jiġifieri, id-dritt tiegħu li jaħkem. Tqajmet il-mistoqsija: X’inhu l-aħjar għall-bniedem, il-mod kif Jehovah jaħkem jew ħakma indipendenti minnu? Aħseb ftit, Jehovah setaʼ qered lil Adam u Eva minnufih, imma dan ma kienx jissetilja l-kwistjoni tas-sovranità b’mod sodisfaċenti. Billi jħalli soċjetà umana tiżviluppa għall-perijodu taʼ żmien, Alla setaʼ juri eżattament x’kienet se tipproduċi l-indipendenza minnu u mil-liġijiet tiegħu.
3. Liema kwistjoni sekondarja qajjem Satana?
3 L-attakk taʼ Satana fuq id-dritt taʼ Jehovah biex jaħkem ma waqafx b’dak li seħħ fl-Għeden. Hu tefaʼ dubju fuq il-lealtà t’oħrajn lejn Jehovah. Din saret kwistjoni sekondarja li hi marbuta mill-qrib maʼ l-oħra. Bl-isfida tiegħu inkluda kemm lin-nisel taʼ Adam u Eva kif ukoll l-ulied spirti t’Alla, saħansitra l-Iben uniġenitu tant maħbub minn Jehovah. Per eżempju, fi żmien Ġob, Satana esprima l-fehma li dawk li jaqdu lil Jehovah jagħmlu hekk, mhux għax iħobbu lil Alla u l-mod kif jaħkem, imma għal raġunijiet egoistiċi. Hu argumenta li meta jesperjenzaw xi tbatija, kollha jċedu għax-xewqat egoistiċi.—Ġob 2:1-6; Apokalissi 12:10.
Il-Prova li Tat l-Istorja
4, 5. L-istorja liema prova tat dwar jekk il-bniedem jistax jidderieġi l-passi tiegħu stess?
4 Punt vitali fil-kwistjoni tas-sovranità huwa dan: Alla ma ħalaqx lill-bnedmin biex jgħixu indipendenti mill-ħakma tiegħu u jkollhom suċċess. Għall-benefiċċju tagħhom hu għamilhom jiddependu mil-liġijiet ġusti u sewwa tiegħu. Il-profeta Ġeremija għaraf: “Jien naf, Mulej, triq il-bniedem m’hijiex f’idejh, anqas min jimxi ma jistaʼ jiddirieġi l-passi tiegħu. Għakkisni [“Ikkoreġini,” NW] Mulej.” (Ġeremija 10:23, 24) Għalhekk, il-Kelma t’Alla tħeġġeġ: “Ittama fil-Mulej b’qalbek kollha, u tafdax fl-għaqal tiegħek.” (Proverbji 3:5) Sewwa sew bħalma Alla għamel lill-bnedmin kollha suġġetti għal-liġijiet fiżiċi tiegħu biex jibqgħu ħajjin, hu għamel ukoll liġijiet morali, li jekk jiġu obduti jirriżultaw f’soċjetà magħquda.
5 B’mod ċar, Alla kien jaf li l-familja umana ma setaʼ qatt ikollha s-suċċess li tirregola lilha nfisha mingħajr il-ħakma tiegħu. F’attentat fieragħ biex ikunu indipendenti mill-ħakma t’Alla, il-bnedmin għamlu sistemi politiċi, ekonomiċi, u reliġjużi differenti. Dawn id-differenzi wasslu lin-nies f’konflitt kontinwu bejniethom, u dan irriżulta fi vjolenza, gwerer, u mewt. “Bniedem jaħkem fuq ieħor u jagħmillu l-ħsara.” (Koħèlet 8:9) Ġara eżatt hekk matul l-istorja umana. Kif imbassar fil-Kelma t’Alla, in-nies ħżiena u l-imposturi komplew “imorru mill-ħażin għall-agħar.” (2 Timotju 3:13) Barra minn hekk, is-seklu 20, li ra lill-umanità tilħaq riżultati kbar f’dik li hi xjenza u industrija, ra l-agħar gwajijiet li qatt kien hawn. Il-kliem taʼ Ġeremija 10:23 ngħata prova bil-kbir—il-bnedmin ma nħolqux biex jidderieġu l-passi tagħhom stess.
6. Alla kif dalwaqt se jsolvi l-indipendenza tal-bnedmin minnu?
6 Il-konsegwenzi traġiċi u fit-tul taʼ l-indipendenza minn Alla wrew darba għal dejjem li l-ħakma mill-bnedmin qatt ma jistaʼ jkollha suċċess. Il-ħakma t’Alla hija l-unika triq għall-hena, l-unità, is-saħħa, u l-ħajja. U l-Kelma t’Alla turi li Jehovah mhux se jibqaʼ jittollera l-ħakma indipendenti tal-bniedem; din qed toqrob lejn tmiemha. (Mattew 24:3-14; 2 Timotju 3:1-5) Dalwaqt se jintervieni fil-ġrajjiet umani biex jistabbilixxi l-ħakma tiegħu fuq l-art. Il-profezija Biblika tistqarr: “Fi żmien dawn is-slaten [il-ħakmiet umani li jeżistu llum], Alla tas-sema jqajjem saltna [fis-sema] li ma tinqered qatt, u li l-ħakma tagħha ma tgħaddix għal poplu ieħor [il-bnedmin qatt iktar ma se jaħkmu fuq l-art]. Hija tfarrak u ttemm is-saltniet l-oħra kollha [taʼ llum], waqt li hi tibqaʼ wieqfa għal dejjem.”—Danjel 2:44.
Insalvaw għad-Dinja l-Ġdida t’Alla
7. Meta l-ħakma t’Alla ttemm il-ħakma tal-bniedem, min se jibqaʼ ħaj?
7 Meta l-ħakma t’Alla ttemm il-ħakma tal-bniedem, min se jsalva? Il-Bibbja twieġeb: “It-tajbin [dawk li jappoġġaw id-dritt t’Alla li jaħkem] jgħammru fl-art, u n-nies sewwa joqogħdu fiha; imma l-ħżiena [dawk li ma jappoġġawx id-dritt t’Alla li jaħkem] mill-art jitqaċċtu, u l-qarrieqa jinqalgħu minnha.” (Proverbji 2:21, 22) B’mod simili, is-salmista stqarr: “Ftit ieħor, u l-ħażin ma jkunx aktar . . . Il-ġusti jirtu l-art, u jgħammru fiha għal dejjem.”—Salm 37:10, 29.
8. Alla kif se jivvindika bis-sħiħ is-sovranità tiegħu?
8 Wara li s-sistema taʼ Satana tiġi meqruda, Alla se jġib id-dinja l-ġdida tiegħu, li se telimina kompletament il-vjolenza qerrieda, il-gwerer, il-faqar, is-sofferenza, il-mard, u l-mewt li żammew lill-umanità fil-jasar għal eluf taʼ snin. Il-Bibbja tiddeskrivi bi kliem sabiħ il-barkiet li qed jistennew lill-umanità ubbidjenti: “Hu [Alla] jixxuttalhom kull demgħa minn għajnejhom: ma jkunx hemm iżjed mewt, anqas biki jew għajat jew tbatija ma jkun hemm iżjed, għax għabu l-ħwejjeġ taʼ qabel.” (Apokalissi 21:3, 4) Permezz tal-gvern tas-Saltna tiegħu fis-sema taħt Kristu, Alla se jivvindika (jiġġustifika, jew jagħti prova) bis-sħiħ id-dritt Tiegħu li jkun is-Sovran tagħna, jiġifieri, il-Ħakkiem tagħna.—Rumani 16:20; 2 Pietru 3:10-13; Apokalissi 20:1-6.
Kif Xi Nies Wieġbu għall-Kwistjoni
9. (a) Dawk li baqgħu leali lejn Jehovah kif kienu jqisuha l-kelma tiegħu? (b) Noè kif ta prova tal-lealtà tiegħu, u kif nistgħu nibbenefikaw mill-eżempju tiegħu?
9 Matul l-istorja kollha tal-bniedem, kien hemm irġiel u nisa leali li taw prova tal-lealtà tagħhom lejn Jehovah bħala s-Sovran. Kienu jafu li ħajjithom kienet tiddependi milli jisimgħu minnu u jobduh. Noè kien wieħed minnhom. Għalhekk, Alla qal lil Noè: “Għalija tmiem il-ħajjin kollha wasal . . . Agħmel għalik arka.” U Noè ssottometta ruħu għad-direzzjoni taʼ Jehovah. Minkejja li kienu mwissijin, nies oħra fi żmienu komplew jgħixu ħajjithom bħallikieku ma kien se jiġri xejn mhux tas-soltu. Imma Noè bena arka enormi u kompla jippriedka lil oħrajn dwar il-mogħdijiet ġusti u sewwa taʼ Jehovah. Ir-rakkont ikompli jgħid: “Hekk għamel Noè, għamel kull ma ordnalu Alla.”—Ġenesi 6:13-22; Lhud 11:7; 2 Pietru 2:5.
10. (a) Abraham u Sara kif appoġġaw is-sovranità taʼ Jehovah? (b) B’liema mod nistgħu nibbenefikaw mill-eżempji t’Abraham u Sara?
10 Abraham u Sara wkoll kienu taʼ eżempju mill-aħjar billi appoġġaw is-sovranità taʼ Jehovah, filwaqt li għamlu kulma kkmandahom. Kienu jgħixu f’Ur tal-Kaldin, li kienet belt prosperuża. Imma meta Jehovah qal lil Abraham biex imur f’art oħra, art li ma kienx familjari magħha, Abraham ‘telaq kif kien qallu l-Mulej.’ Mingħajr ebda dubju, Sara kienet tgħix ħajja komda—kellha dar, ħbieb, u qraba. Madankollu, kienet sottomessa lejn Jehovah u lejn żewġha u marret fl-art taʼ Kangħan, għalkemm ma kinitx taf x’sitwazzjoni se ssib hemmhekk.—Ġenesi 11:31–12:4; Atti 7:2-4.
11. (a) F’liema ċirkustanzi Mosè appoġġa s-sovranità taʼ Jehovah? (b) Kif nistgħu nibbenefikaw mill-eżempju taʼ Mosè?
11 Mosè kien bniedem ieħor li appoġġa s-sovranità taʼ Jehovah. Hu għamel dan fl-iktar ċirkustanzi diffiċli—billi ffaċċja wiċċ imbwiċċ lil Fargħun taʼ l-Eġittu. Mhux għax Mosè kien fiduċjuż fih innifsu. Għall-kuntrarju, hu ddubita mill-kapaċità tiegħu li jitkellem tajjeb. Imma xorta obda lil Jehovah. Bl-appoġġ taʼ Jehovah u bl-għajnuna taʼ ħuh, Aron, Mosè wassal kemm-il darba l-kelma taʼ Jehovah lil Fargħun li kien stinat. Saħansitra ftit minn ulied Iżrael kienu jikkritikaw lil Mosè bl-aħrax. Madankollu, Mosè għamel kulma kkmandalu Jehovah bil-lealtà, u permezz tiegħu, Iżrael inħareġ mill-Eġittu.—Eżodu 7:6; 12:50, 51; Lhud 11:24-27.
12. (a) X’juri li l-lealtà lejn Jehovah tinvolvi iktar milli tagħmel dak li Alla speċifika bil-miktub? (b) Jekk nifhmu dan it-tip taʼ lealtà kif jistaʼ jgħinna napplikaw l-1 Ġwann 2:15?
12 Dawk li kienu leali lejn Jehovah ma rraġunawx li kulma kien meħtieġ hu li jobdu dak li Alla tahom bil-miktub. Meta mart Putifar ipprovat tħajjar lil Ġużeppi biex jagħmel l-adulterju magħha, ma kien hemm l-ebda kmandament minn Alla bil-miktub li kien jipprojbixxi dan. Madankollu, Ġużeppi kien jaf dwar l-arranġament taż-żwieġ stabbilit minn Jehovah fl-Għeden. Hu kien konxju li jekk ikollu relazzjonijiet sesswali mal-mara taʼ raġel ieħor ma kienx se jogħġob lil Alla. Ġużeppi ma kienx interessat li jipprova jara sa liema punt Alla se jħallih ikun bħall-Eġizzjani. Appoġġa l-mogħdijiet taʼ Jehovah billi mmedita fuq kif Alla ttratta maʼ l-umanità u mbagħad applika skond il-kuxjenza dak li għaraf li hi r-rieda t’Alla.—Ġenesi 39:7-12; Salm 77:12, 13 (77:11, 12, NW).
13. Ix-Xitan kif ġie provat li hu giddieb rigward (a) Ġob? (b) it-tliet Ebrej?
13 Anki jekk ikunu għaddejjin minn xi prova ħarxa, dawk li tassew jafu lil Jehovah ma jwarrbux lil hinn minnu. Satana allega li jekk Ġob jitlef ħafna mill-ġid jew is-saħħa tiegħu, saħansitra hu jwarrab lil Alla, minkejja li Jehovah kien japprovah. Imma Ġob ta prova li x-Xitan huwa giddieb, avolja Ġob innifsu ma kienx jaf għala kienu ġew fuqu dawk id-diżastri kollha. (Ġob 2:9, 10) Sekli wara, waqt li kien għadu jipprova juri l-punt tiegħu, Satana ġiegħel lis-sultan irrabjat taʼ Babilonja jhedded lil tliet żgħażagħ Ebrej bil-mewt ġewwa forn tan-nar jekk ma jqimux statwa mpoġġija mis-sultan. Imġagħlin jagħżlu bejn l-ubbidjenza għall-kmand tas-sultan u l-ubbidjenza għal-liġi taʼ Jehovah kontra l-idolatrija, huma wrew b’determinazzjoni li kienu jaqdu lil Jehovah u li hu kien is-Sovran Suprem tagħhom. Il-fedeltà tagħhom lejn Alla kienet iktar prezzjuża għalihom minn ħajjithom tal-preżent!—Danjel 3:14-18.
14. Kif inhu possibbli għalina bħala bnedmin imperfetti li nagħtu prova li aħna tassew leali lejn Jehovah?
14 Għandna nikkonkludu minn dawn l-eżempji li biex tkun leali lejn Jehovah trid tkun perfett, jew li min jagħmel żball ikun falla kompletament? Dażgur li le! Il-Bibbja tgħidilna li xi drabi Mosè naqas. Għalkemm Jehovah ma ħax pjaċir, hu ma warrbux lil Mosè. L-appostli taʼ Ġesù Kristu wkoll kellhom id-dgħjufijiet tagħhom. Waqt li jqis l-imperfezzjoni li writna, Jehovah jieħu pjaċir jekk ma ninjorawx apposta r-rieda tiegħu fi kwalunkwe rispett. Jekk minħabba d-dgħjufija niġu involuti f’xi ħażen, huwa importanti li nindmu sinċerament u ma naqgħux fid-drawwa li nirrepetu l-iżball. B’dan il-mod, aħna nuru li tassew inħobbu dak li Jehovah jgħid li hu tajjeb u nobogħdu dak li jurina li hu ħażin. Fuq il-bażi tal-fidi tagħna fil-valur tas-sagrifiċċju taʼ Ġesù li jpatti għad-dnub, aħna nistgħu niġu approvati minn Alla bħala l-qaddejja nodfa tiegħu.—Għamos 5:15; Atti 3:19; Lhud 9:14.
15. (a) Min fost il-bnedmin kollha żamm integrità perfetta lejn Alla, u dan xi prova ta? (b) Kif aħna megħjunin minn dak li għamel Ġesù?
15 Minkejja dan, jistaʼ jkun li ubbidjenza perfetta lejn is-sovranità taʼ Jehovah hija sempliċement impossibbli għall-bnedmin? It-tweġiba għal din il-mistoqsija kienet bħal “misteru” għal xi 4,000 sena. (1 Timotju 3:16) Adam, għalkemm kien maħluq perfett, ma ħalliex eżempju perfett taʼ devozzjoni lejn Alla. Mela min setaʼ? Żgur li ħadd min-nisel midneb tiegħu. L-uniku raġel li setaʼ jagħmel dan kien Ġesù Kristu. (Lhud 4:15) Dak li wettaq Ġesù ta prova li Adam, li kellu iktar ċirkustanzi favorevoli, li kieku ried setaʼ żamm integrità perfetta. It-tort ma kienx fix-xogħol tal-ħolqien t’Alla. Għalhekk, Ġesù Kristu huwa l-eżempju li nipprovaw nimitaw biex nuru mhux biss ubbidjenza lejn il-liġi divina imma wkoll devozzjoni persunali lejn Jehovah, is-Sovran Universali.—Dewteronomju 32:4, 5.
X’Inhi t-Tweġiba Persunali Tagħna?
16. Għala għandna bżonn noqogħdu għassa l-ħin kollu dwar l-attitudni tagħna lejn is-sovranità taʼ Jehovah?
16 Kull wieħed u waħda minna llum irid jiffaċċja l-kwistjoni tas-sovranità universali. Jekk stqarrejna fil-beraħ li aħna fuq in-naħa taʼ Jehovah, Satana se jagħmilna l-mira tiegħu. Se jagħmel pressjoni minn kull direzzjoni u se jibqaʼ jagħmel dan sat-tmiem tas-sistema mill-agħar tiegħu. Għandna nibqgħu dejjem għassa. (1 Pietru 5:8) Il-kondotta tagħna turi fuq liema naħa qegħdin fil-kwistjoni suprema tas-sovranità taʼ Jehovah u l-kwistjoni sekondarja taʼ integrità lejn Alla taħt prova. Ma nistgħux inqisu l-kondotta żleali bħala mhux importanti sempliċement għax hija komuni fid-dinja. Li nżommu l-integrità jirrikjedi li nħabirku biex napplikaw il-mogħdijiet ġusti u sewwa taʼ Jehovah f’kull aspett tal-ħajja.
17. X’hemm dwar l-oriġini tal-gideb u s-serq li għandhom iġagħluna nwarrbuhom?
17 Per eżempju, ma nistgħux nimitaw lil Satana, li hu “missier il-gideb.” (Ġwann 8:44) Irridu dejjem ngħidu l-verità f’dak kollu li nagħmlu. Fis-sistema taʼ Satana, iż-żgħażagħ taʼ spiss ma jgħidux il-verità lill-ġenituri tagħhom. Imma ż-żgħażagħ Kristjani jevitawh dan, u b’hekk jagħtu prova li m’hijiex vera l-akkuża taʼ Satana li n-nies t’Alla jabbandunaw l-integrità tagħhom meta jiġu taħt prova. (Ġob 1:9-11; Proverbji 6:16-19) Imbagħad hemm il-prattiċi tan-negozju li jistgħu jidentifikaw persuna man-naħa taʼ “missier il-gideb” minflok man-naħa t’Alla tal-verità. Dawn il-prattiċi għandna nwarrbuhom. (Mikea 6:11, 12) Ukoll, is-serq qatt m’hu ġustifikat, anki jekk persuna tkun fil-bżonn jew jekk dak li jinsteraq ikun taʼ xi ħadd għani. (Proverbji 6:30, 31; 1 Pietru 4:15) Anki jekk is-serq ikun komuni fejn ngħixu jew jekk dak li nieħdu jkun insinifikanti, xorta waħda dan huwa kontra l-liġijiet t’Alla.—Luqa 16:10; Rumani 12:2; Efesin 4:28.
18. (a) Fi tmiem ir-Renju t’Elf Sena taʼ Kristu, liema prova se tiġi fuq l-umanità kollha? (b) Liema drawwa rridu nikkultivaw issa?
18 Matul ir-Renju t’Elf Sena taʼ Kristu, Satana u ddemonji tiegħu se jkunu fl-abbiss, u ma jkunux jistgħu jinfluwenzaw lill-umanità. X’serħan se jkun dan! Imma wara l-elf sena, se jinħallu għal ftit żmien. Satana u dawk li jsegwuh se jagħmlu pressjoni fuq dawk il-bnedmin li jkunu kisbu l-perfezzjoni u qed iżommu l-integrità lejn Alla. (Apokalissi 20:7-10) Jekk ikollna l-privileġġ li nkunu ħajjin dak iż-żmien, kif se nirreaġixxu rigward il-kwistjoni tas-sovranità universali? Ladarba mbagħad l-umanità kollha se tkun perfetta, kwalunkwe azzjoni taʼ żlealtà se tkun magħmula bi ħsieb u tirriżulta f’qerda eterna. Kemm huwa vitali li nikkultivaw id-drawwa issa li nwieġbu b’mod pożittiv għal kwalunkwe direzzjoni li Jehovah jagħtina, kemm jekk tiġi mill-Kelma tiegħu u kemm jekk mill-organizzazzjoni tiegħu! Meta nagħmlu dan, inkunu qed nuru d-devozzjoni ġenwina tagħna lejh bħala s-Sovran Universali.
Diskussjoni Bħala Reviżjoni
• Liema hi l-akbar kwistjoni li lkoll kemm aħna rridu niffaċċjaw? Kif ġejna involuti fiha?
• X’inhu notevoli dwar kif l-irġiel u n-nisa tal-qedem taw prova taʼ l-integrità tagħhom lejn Jehovah?
• Għala huwa vitali li nonoraw lil Jehovah kuljum permezz tal-kondotta tagħna?