Kapitlu 6
Il-Kwistjoni li l-Ħolqien Kollu Jrid Jiffaċċja
1. (a) Satana qajjem liema kwistjoni f’Għeden? (b) Dik il-kwistjoni kif inhi implikata b’dak li qal?
META faqqaʼ l-irvell f’Għeden ġiet imqajma kwistjoni serja li teffettwa l-ħolqien kollu. Waqt li resaq lejn Eva, Satana implika li hi u żewġha Adam kienu qegħdin jiġu mċaħħdin serjament. Huwa staqsa: “Huwa tassew hekk li Alla qal li ma tridux tieklu minn kull siġra tal-ġnien?” Eva wieġbet li kien biss dwar siġra waħda li Alla qal: “Ma tridux tieklu minnha, le, ma tridux tmissuha biex ma tmutux.” Għal dak Satana akkuża direttament lil Jehovah li hu giddieb, billi qal li la l-ħajja t’Eva u lanqas dik t’Adam ma kienet tiddependi fuq ubbidjenza lejn Alla. Huwa sostna li Alla kien qiegħed iżomm lura mill-ħlejjaq tiegħu xi ħaġa tajba—l-abbiltà li jfasslu l-livelli tagħhom stess fil-ħajja. “Intom żgur li m’intomx se tmutu,” iddikjara Satana. “Għax Alla jaf li fl-istess jum li tieklu minnha għajnejkom tassew se jinfetħu u intom tassew se ssiru bħal Alla, tafu t-tajjeb u l-ħażin.” (Ġen. 3:1-5) Satana wassal lil Eva biex temmen li jkun aħjar għaliha li tieħu deċiżjonijiet għaliha nfisha. B’implikazzjoni, hemmhekk sfida d-dritt t’Alla li jaħkem u l-mod kif jaħkem. Il-kwistjoni li tqajmet kienet attwalment tinvolvi s-sovranità universali.
2. X’setaʼ jissalvagwardja lill-ewwel koppja umana?
2 L-imħabba għal Jehovah setgħet issalvagwardjat lil Eva. Rispett lejn l-istat taʼ kap taʼ żewġha setaʼ wkoll żammha lura milli tagħmel il-ħażin. Imma hi ħasbet biss dwar dak li deher li kien taʼ benefiċċju immedjat. Dak li kien ipprojbit sar mixtieq f’għajnejha. Imqarrqa għalkollox mir-raġunar taʼ Satana, hi kisret il-liġi t’Alla. Imbagħad involviet lil Adam. Għalkemm ma ġiex imqarraq mill-gidba taʼ Satana, hu, ukoll, wera nuqqas enormi t’apprezzament lejn l-imħabba t’Alla. Hu injora l-istat taʼ kap taʼ Jehovah u għażel li jingħaqad b’ruħu u ġismu mal-mara ribelluża tiegħu.—Ġen. 3:6; 1 Tim. 2:13, 14.
3. (a) Liema kwistjoni oħra hija relatata mill-qrib maʼ l-attakk taʼ Satana fuq is-sovranità taʼ Jehovah? (b) Min huma effettwati b’dan?
3 L-attakk taʼ Satana fuq is-sovranità taʼ Jehovah ma waqafx maʼ dak li seħħ f’Għeden. Is-suċċess li kien jidher li kellu hemmhekk ġie segwit billi huwa xeħet dubju fuq il-lealtà t’oħrajn lejn Jehovah. Din, allura, saret kwistjoni sekondarja relatata mill-qrib. L-isfida tiegħu ġiet estiża biex tinkludi kemm lin-nisel t’Adam u kemm l-ulied spirti kollha t’Alla, saħansitra lill-iben imwieled l-ewwel li kien maħbub b’għożża minn Jehovah. Fi żmien Ġob, Satana ħaqqaqha li dawk li jaqdu lil Jehovah jagħmlu hekk, mhux għaliex iħobbu lil Alla u l-mod kif jaħkem, imma għal raġunijiet egoistiċi. Huwa argumenta li, meta jiġu ssuġġettati għat-tbatija, kollha kellhom iċedu għal xewqat egoistiċi. Kellu raġun?—Ġob 1:6-12; 2:1-6; Riv. 12:10.
KIF WIEĠBU GĦALL-KWISTJONI
4. Ħafna bnedmin għala m’appoġġjawx is-sovranità taʼ Jehovah?
4 Jehovah m’eskludiex il-possibiltà li oħrajn kellhom jingħaqdu maʼ Satana fl-irvell. Fil-fatt, meta għadda l-ġudizzju f’Għeden, Alla rrefera għal dawk li kellhom jifformaw iż-‘żerriegħa tas-serpent.’ (Ġen. 3:15) Il-Fariżej li kkomplottaw il-mewt taʼ Ġesù u Ġuda l-Iskarjota, li ttradixxa lil Kristu, kienu fost dawk. Huma mhux sempliċement ħadu pass ħażin qabel ma ndunaw. Kienu jafu x’kien is-sewwa, u madankollu minn rajhom ħadu waqfa f’oppożizzjoni lejn Jehovah u l-qaddejja tiegħu. Madankollu, numru bla għadd t’oħrajn li ma kkonformawx mal-ħtiġijiet taʼ Jehovah aġixxew fl-injoranza.—Atti 17:29, 30.
5. (a) Kuntrarju għal Eva, dawk li baqgħu leali lejn Jehovah kif kienu jħarsu lejn il-kelma tiegħu? (b) Noè kif ta prova tal-lealtà tiegħu, u kif nistgħu aħna nibbenefikaw mill-eżempju tiegħu?
5 F’kuntrast maʼ dawn kollha kien hemm irġiel u nisa taʼ fidi li informaw ruħhom dwar il-Ħallieq tagħhom u taw prova tal-lealtà tagħhom lejh bħala Sovran. Huma emmnu lil Alla. Kienu jafu li ħajjiethom kienu jiddependu fuq li jagħtuh widen u jobduh. Noè kien dan it-tip taʼ raġel. Għalhekk, meta Alla qal lil Noè, “It-tmiem tal-laħam kollu ġie quddiemi . . . Agħmel għalik innifsek arka,” Noè ssottometta ruħu għad-direzzjoni taʼ Jehovah. Nies oħrajn taʼ dak iż-żmien, minkejja li ngħataw twissija, komplew bir-rutina normali tal-ħajja bħal li kieku ma kien se jiġri xejn li mhux tas-soltu. Imma Noè bena arka ġganteska u baqaʼ mehdi jippriedka lil oħrajn dwar il-mogħdijiet taʼ tjieba taʼ Jehovah. Bħalma jgħid ir-rakkont, “Noè ssokta jagħmel skond dak kollu li Alla kien ikkmandah. Hu għamel sewwa sew hekk.”—Ġen. 6:13-22; ara wkoll Ebrej 11:7 u 2 Pietru 2:5.
6. (a) X’hemm iktar li kkaratterizza lil uħud li żammew l-integrità? (b) Sara kif uriet dawn il-kwalitajiet, u b’liema mod nistgħu aħna nibbenefikaw mill-eżempju tagħha?
6 L-istima għolja għall-prinċipju taʼ l-istat taʼ kap, flimkien maʼ l-imħabba persunali lejn Jehovah, kienet u għada tispikka wkoll fost uħud li jżommu l-integrità. Ma kinux bħal Eva, li ġriet qabel żewġha. Lanqas bħal Adam, li ma tax kas il-liġi taʼ Jehovah. Sara, il-mara t’Abraham, uriet dawn il-kwalitajiet mill-aħjar. Mhux biss fil-kliem tagħha imma wkoll f’qalbha Abraham kien il-“mulej” tagħha. Iżjed minn hekk, hi ħabbet lil Jehovah personalment u kienet mara taʼ fidi. M’Abraham, kienet qiegħda ‘tistenna l-belt [is-saltna t’Alla] li għandha sisien reali, li l-bennej tagħha u dak li għamilha hu Alla.’—1 Piet. 3:5, 6; Eb. 11:10-16.
7. (a) Mosè taħt liema ċirkostanzi appoġġja s-sovranità taʼ Jehovah? (b) L-eżempju tiegħu kif jistaʼ jibbenefikana?
7 Madwar 430 sena wara li Abraham telaq minn art twelidu, Mosè kien ta l-appoġġ tiegħu lis-sovranità taʼ Jehovah meta kien ikkonfrontat wiċċ imb’wiċċ maʼ Farawni taʼ l-Eġittu. Mhux li Mosè kien kunfidenti fih innifsu. Għall-kuntrarju, hu ddubita l-abbiltà tiegħu li jitkellem tajjeb biżżejjed. Imma obda lil Jehovah. Bl-appoġġ taʼ Jehovah u bil-għajnuna taʼ ħuh Aronne, ripetutament Mosè wassal il-kelma taʼ Jehovah lil Farawni. Farawni kien stinat. Saħansitra ftit minn ulied Iżrael kienu qegħdin jikkritikaw bl-aħrax lil Mosè. Imma lealment Mosè għamel dak kollu li kkmandah Jehovah, u permezz tiegħu Iżrael ġie meħlus mill-Eġittu.—Eżo. 7:6; 12:50, 51.
8. (a) X’juri li l-lealtà lejn Jehovah tinvolvi iktar milli tagħmel dak li Alla semma speċifikament bil-kitba? (b) L-apprezzament lejn dan it-tip taʼ lealtà kif jistaʼ jgħinna napplikaw 1 Ġwann 2:15?
8 Dawk li kienu leali lejn Jehovah ma rraġunawx li kulma kien meħtieġ kien li wieħed jikkonforma maʼ l-ittra tal-liġi, u jobdi dak biss li Jehovah kien poġġa fil-kitba. Meta mart Potifar ipprovat tħajjar lil Ġużeppi biex ikollu relazzjonijiet adulterużi magħha, ma kien hemm ebda kmandament miktub mingħand Alla li kien jipprojbixxi speċifikament l-adulterju. Imma fuq il-bażi taʼ dak li Ġużeppi kien jaf dwar l-arranġament taż-żwieġ stabbilit minn Jehovah f’Għeden, kien konxju illi li jkollu relazzjonijiet sesswali mal-mara taʼ raġel ieħor kien se jkun taʼ dispjaċir għal Alla. Ġużeppi ma kienx interessat f’li jittestja l-limiti sa fejn Alla kien se jħallih ikun bħall-Eġizzjani. Hu appoġġja l-mogħdijiet taʼ Jehovah billi mmedita fuq il-mod kif Alla ttratta maʼ l-umanità u mbagħad applika kuxjenzjożament dik li hu għaraf li kienet ir-rieda t’Alla.—Ġen. 39:7-12; qabbel Salm 77:11, 12.
9. Ix-Xitan kif ġie ripetutament ipprovat li hu giddieb fl-allegazzjoni li qajjem fi żmien Ġob?
9 Saħansitra jekk jiġu ttestjati bl-aħrax, dawk li verament jafu lil Jehovah ma jdurux lura minnu. Satana allega li jekk Ġob kellu jitlef dak li kien jippossiedi jew jiġi abbużat fiżikament, saħansitra dan il-wieħed li dwaru Jehovah tkellem bi stima kellu jabbanduna lil Alla. Imma Ġob ta prova li Satana kien giddieb, u dan għamlu avolja ma kienx jaf il-kaġun għall-gwaj kollu li kien qiegħed jibilgħu. (Ġob 2:3, 9, 10) Waqt li baqaʼ jittanta jagħti prova tal-punt tiegħu, Satana iktar tard ġiegħel lis-sultan mgħaddab taʼ Babilonja jhedded lil tliet żgħażagħ Ebrej bil-mewt ġewwa kalkara tħeġġeġ jekk ma kinux se jmilu fil-qima quddiem xbiha mibnija mis-sultan. Billi ġew sforzati jagħżlu bejn il-kmand tas-sultan u l-liġi taʼ Jehovah kontra l-idolatrija, għamlu magħruf b’sodizza li huma qdew lil Jehovah u li hu kien is-Sovran Suprem tagħhom. Il-fedeltà tagħhom lejn Alla kienet iktar prezzjuża għalihom mill-ħajja.—Dan. 3:14-18.
10. Kif inhu possibbli għalina bħala bnedmin imperfetti li nagħtu prova li aħna verament leali lejn Jehovah?
10 Għandna aħna nikkonkludu minn dan li biex tkun leali lejn Jehovah persuna trid tkun perfetta, li wieħed li jagħmel żball falla kompletament? Bl-ebda mod! Il-Bibbja tgħidilna speċifikament dwar mumenti meta Mosè naqas. Jehovah kien iddispjaċut, imma ma warrabx lil Mosè. L-appostli, għalkemm kienu eżemplari f’diversi modi, kellhom id-dgħjufijiet tagħhom. Il-lealtà tirrikjedi ubbidjenza konsistenti mill-qalb. Imma, meta jieħu inkunsiderazzjoni l-imperfezzjoni li writna, Jehovah jieħu pjaċir jekk aħna ma ninjorawx apposta r-rieda tiegħu bi kwalunkwe mod. Jekk, minħabba dgħjufija, niġu involuti fil-ħażen, huwa importanti li nindmu sinċerament u għalhekk ma nagħmluhx bi drawwa. B’hekk nuru biċ-ċar li verament inħobbu dak li Jehovah jgħid li huwa tajjeb u nobogħdu dak li hu juri li huwa ħażin. Fuq il-bażi tal-fidi tagħna fil-valur tas-sagrifiċċju taʼ Ġesù li jpatti għad-dnub, nistgħu ngawdu waqfa nadifa quddiem Alla.—Amos 5:15; Atti 3:19; Eb. 9:14.
11. (a) Min fost il-bnedmin żamm devozzjoni perfetta lejn Alla, u din taʼ liema ħaġa tat prova? (b) Kif niġu mgħejjunin b’dak li hu għamel?
11 Minkejja dan, jistaʼ jkun li devozzjoni perfetta lejn Alla sempliċement m’hijiex possibbli għall-bnedmin? Għal xi 4,000 sena t-tweġiba għal dan kienet “sigriet sagru.” (1 Tim. 3:16) Adam, għalkemm maħluq perfett, ma stabbiliex eżempju perfett taʼ devozzjoni lejn Alla. Min setaʼ? Ċertament ebda wieħed min-nisel midneb tiegħu. Ġesù Kristu kien l-uniku bniedem li għamel hekk. Dak li wettaq Ġesù ta prova li Adam, li kellu ċirkostanzi iktar favorevoli, setaʼ jżomm integrità perfetta li kieku ried. Id-difett ma kienx fix-xogħol kreattiv t’Alla. Ġesù Kristu hu għalhekk l-eżempju li aħna nfittxu biex nimitaw f’li nuru mhux biss ubbidjenza lejn il-liġi divina imma wkoll devozzjoni persunali lejn Jehovah, is-Sovran Universali.
X’INHI T-TWEĠIBA PERSUNALI TAGĦNA?
12. Għala għandna nkunu kontinwament attenti għall-attitudni tagħna lejn is-sovranità taʼ Jehovah?
12 Kull wieħed u waħda minna llum irid jiffaċċja l-kwistjoni universali. Ma nistgħux niskansawha. Jekk aħna stqarrejna bil-miftuħ li qegħdin fuq in-naħa taʼ Jehovah, Satana jagħmilna mira. Iġib pressjoni minn kull direzzjoni immaġinabbli u se jkompli jagħmel dan dritt sat-tmiem tas-sistema mill-agħar tiegħu. Ma rridux nillaxkaw l-għassa tagħna. (1 Piet. 5:8) Il-kondotta tagħna turi fejn ninstabu f’relazzjoni mal-kwistjoni suprema.
13. (a) X’hemm dwar l-oriġini tal-gideb u s-serq li għandu jġegħilna naħarbuhom? (b) Wieġeb il-mistoqsijiet fl-aħħar taʼ dan il-paragrafu, waħda wara l-oħra, rigward sitwazzjonijiet li jinklinaw lil xi nies lejn ħażen bħal dan.
13 Ma nistgħux naffordjaw li nittrattaw il-kondotta żleali bħala bla importanza sempliċement għaliex dan huwa komuni fid-dinja. Li nżommu l-integrità jitlob minna li napplikaw il-modi taʼ tjieba taʼ Jehovah f’kull aspett tal-ħajja. Bħala eżempju, ikkunsidra dan li ġej:
(1) Satana nqeda b’gidba sabiex iwassal lill-ewwel ġenituri tagħna għad-dnub. Sar “missier il-gidba.” (Ġwn. 8:44)
Iż-żgħażagħ kultant taħt liema ċirkostanzi jonqsu li jgħidu l-verità lill-ġenituri tagħhom? Għala huwa importanti għaż-żgħażagħ Kristjani li jevitaw dan? (Prov. 6:16-19)
Liema prattiċi fin-negozju jistgħu jidentifikaw lil persuna maʼ “missier il-gidba” minflok maʼ dak Alla tal-verità? (Mik. 6:11, 12)
Jekk ngħidu affarijiet li jagħtu impressjoni aħjar minn dak li huwa veru dwarna nfusna, huwa dak ħażin dment li ma nweġġgħux lil ħaddieħor? (Salm 119:163; qabbel Atti 5:1-11.)
Jekk xi ħadd ġie involut f’ħażen serju, għala huwa importanti li ma tipprovax tgħattilu billi tgħid ħaġa b’oħra? (Prov. 28:13)
(2) Meta Eva u mbagħad Adam aġixxew fuq it-tħeġġiġ taʼ Satana biex jieħdu deċiżjonijiet għalihom infushom inkwantu għal dak li huwa tajjeb u ħażin, l-ewwel ħaġa li għamlu kienet li ħadu xi ħaġa li ma kenitx tappartjeni lilhom. Saru ħallelin.
Huwa s-serq iġġustifikat jekk persuna hi fil-bżonn jew jekk dak li mingħandu qegħdin jittieħdu l-oġġetti għandu ħafna? (Prov. 6:30, 31; 1 Piet. 4:15)
Huwa inqas oġġezzjonabbli jekk fejn noqogħdu din hija prattika komuni jew dak li jittieħed huwa żgħir? (Rum. 12:2; Ef. 4:28; Luqa 16:10)
14, 15. (a) Fl-aħħar tar-Renju t’Elf Sena taʼ Kristu liema prova se tiġi fuq l-ispeċi umana kollha? (b) Dak li nagħmlu issa kif se jeffettwa r-riżultat għalina f’dak iż-żmien?
14 Matul ir-Renju t’Elf Sena taʼ Kristu, Satana u d-demonji tiegħu se jkunu fl-abbissi, mingħajr il-kapaċità li jinfluwenzaw lill-umanità. X’serħan se jkun dak! Imma wara l-elf sena, se jiġu meħlusin għal ftit żmien. Satana u dawk li jimxu warajh se jagħmlu pressjoni fuq l-“uħud qaddisin,” dawk taʼ l-umanità restawrata li qegħdin iżommu l-integrità tagħhom. Se javanza bħal li kieku fi gwerra kontra “l-belt maħbuba,” Ġerusalemm il-Ġdida tas-sema, billi jipprova jelimina għalkollox it-tjieba li din stabbiliet fuq l-art.—Riv. 20:7-10.
15 Wisq probabbli, bħalma għamel fil-passat, Satana se juża l-qerq, flimkien maʼ appelli għall-egoiżmu u l-kburija, sabiex iħajjar il-bnedmin għal atti taʼ nuqqas taʼ lealtà lejn Jehovah. Jekk inhu l-privileġġ tagħna li nkunu ħajjin f’dak iż-żmien, personalment kif se nirreaġixxu? Fejn se jkunu qlubna rigward il-kwistjoni universali? Ladarba l-umanità kollha dak iż-żmien se tkun perfetta, kwalunkwe att taʼ nuqqas taʼ lealtà se jkun apposta u se jirriżulta f’qerda eterna. Sabiex inkunu nistgħu nagħtu prova tal-lealtà f’dak iż-żmien, kemm huwa vitali li nikkultivaw issa d-drawwa li naġixxu malajr u b’mod pożittiv għal kwalunkwe direzzjoni li jagħti Jehovah, kemm jekk hija permezz tal-Kelma tiegħu u kemm jekk hija permezz taʼ l-organizzazzjoni tiegħu! Billi nagħmlu hekk, aħna nuru d-devozzjoni ġenwina tagħna lejh bħala s-Sovran Universali.
Diskussjoni Bħala Reviżjoni
● Liema hija l-kwistjoni l-kbira li l-ħolqien kollu jrid jiffaċċja? Aħna kif ġejna involuti?
● X’jispikka dwar il-modi taʼ kif kull wieħed u waħda mill-irġiel u n-nisa murijin f’paġna 49 ta prova taʼ l-integrità tiegħu lejn Jehovah?
● Għala huwa vitali li kuljum noqogħdu attenti li nonoraw lil Jehovah bil-kondotta tagħna?
[Stampi f’paġna 49]
APPOĠĠJAW IS-SOVRANITÀ TAʼ JEHOVAH
NOÈ
SARA
MOSÈ
ĠUŻEPPI
ĠOB
Kif Nistgħu Nibbenefikaw Mill-Eżempju Tagħhom?