Ħejji lil Uħud Ġodda Biex Jiffaċċjaw l-Oppożizzjoni
1 Meta individwi jibdew jistudjaw il-Bibbja u jkunu ‘jixtiequ jgħixu bid-devozzjoni lejn Alla,’ huma jsiru mira speċjali taʼ Satana. (2 Tim. 3:12) L-oppożizzjoni tistaʼ tiġi minn sħabhom tax-xogħol, taʼ l-iskola, jew mill-ġirien. Jistaʼ jkun speċjalment diffiċli meta qraba b’intenzjonijiet tajbin jopponu lill-uħud ġodda.—Mt. 10:21; Mk. 3:21.
2 L-Oppożizzjoni Mbassra: Il-ġodda jridu jifhmu li jridu jistennew il-persekuzzjoni u li din turi li huma qed isiru dixxipli ġenwini taʼ Kristu. (Ġw. 15:20) Kultant, l-oppożizzjoni minn oħrajn tistaʼ tkun minħabba ideat żbaljati dwar ix-Xhieda taʼ Ġeħova. Żomm f’moħħok li meta wieħed jiġi diżonorat minħabba li hu segwaċi taʼ Ġesù u minħabba li jobdi lil Alla, dan iġiblu ferħ kbir. (Atti 5:27-29, 40, 41) Żgura lil uħud ġodda li Ġeħova jappoġġahom bl-imħabba. (Salm 27:10; Mk. 10:29, 30) Minħabba li jżommu l-integrità tagħhom huma jiġu fuq in-naħa taʼ Ġeħova fil-kwistjoni tas-sovranità universali.—Prov. 27:11.
3 L-Irwol taʼ l-Għarfien Eżatt: Naqqax fl-istudenti tiegħek tal-Bibbja l-importanza li huma jkomplu jieħdu għarfien eżatt minkejja l-provi li forsi jkunu qed jiffaċċjaw. Permezz taʼ l-oppożizzjoni, Satana jipprova ma jħallix l-affarijiet li qed jitgħallmu jniżżlu l-għeruq fil-qalb figurattiva tagħhom. (Prov. 4:23; Lq. 8:13) Huma jridu jibqgħu jieħdu għarfien eżatt mill-Kelma t’Alla ħalli l-fidi tagħhom tniżżel l-għeruq fis-sod.—Salm 1:2, 3; Kol. 2:6, 7.
4 Il-Bżonn tas-Sabar: Fi kwalunkwe sitwazzjoni taʼ prova, is-sabar hu essenzjali u jistaʼ jipproduċi riżultati mill-aqwa. (Lq. 21:16-19) Meta l-uħud ġodda jissaportu l-oppożizzjoni, jibbenefikaw kemm huma u kemm oħrajn. Huma jesperjenzaw l-abbiltà taʼ Ġeħova li jbierek bil-kbir lil dawk li jissaportu lealment.—Ġk. 1:12.
5 L-appostlu Pawlu feraħ minħabba l-progress spiritwali taʼ ħutu f’Tessalonika. Hu rringrazzja lil Alla minħabba dawn l-aħwa, li kien għen lil ħafna minnhom jidħlu fil-verità. (2 Tess. 1:3-5) Aħna wkoll nistgħu nesperjenzaw l-istess ferħ u sodisfazzjon jekk nippreparaw lill-istudenti tagħna tal-Bibbja biex jiffaċċjaw l-oppożizzjoni u jissaportu.