Kapitlu Tlettax
Kotra Kbira Quddiem it-Tron taʼ Jehovah
1. (a) Il-qaddejja t’Alla taʼ qabel il-Kristjanità u l-144,000 xi jridu jesperjenzaw qabel ma jirċievu l-premju tagħhom? (b) X’se jkun possibbli għal “kotra kbira” li qed tgħix bħalissa?
QADDEJJA leali t’Alla minn Abel sa Ġwanni lGħammied poġġew it-twettiq tar-rieda t’Alla l-ewwel f’ħajjithom. Madankollu, kollha mietu u qed jistennew l-irxoxt tagħhom għal ħajja fuq l-art fid-dinja l-ġdida t’Alla. Il-144,000, li se jaħkmu maʼ Kristu fis-Saltna t’Alla fis-sema, ukoll iridu jmutu qabel ma jistgħu jirċievu l-premju tagħhom. Madankollu, Apokalissi 7:9 juri li f’dawn l-aħħar jiem, se jkun hemm “kotra kbira” taʼ nies minn kull ġens li mhix se tesperjenza l-mewt imma se jkollha l-prospett li tgħix għal dejjem fuq l-art. Int parti minnha?
Tiġi Identifikata l-Kotra Kbira
2. Kif wasalna għal fehma ċara dwar l-identità tal-kotra kbira t’Apokalissi 7:9?
2 Fl-1923, il-qaddejja taʼ Jehovah għarfu li “n-nagħaġ” tal-parabbola taʼ Ġesù li nsibu f’Mattew 25:31-46 u n-“nagħaġ oħrajn” li hu rrefera għalihom kif insibu fi Ġwann 10:16 huma nies li se jkollhom l-opportunità li jgħixu għal dejjem fuq l-art. Fl-1931 deher ċar ukoll li dawk deskritti f’Eżekjel 9:1-11 bħala li jiġu mmarkati fuq ġbinhom huma dawk bit-tama għall-art. Imbagħad, fl-1935 sar mifhum li l-kotra kbira tifforma parti mill-klassi tan-nagħaġ oħra li tkellem dwarha Ġesù. Illum, din il-kotra kbira li tgawdi l-favur t’Alla tgħodd bil-miljuni.
3. Għala l-espressjoni ‘wieqfa quddiem it-tron’ ma tirreferix għall-klassi tas-sema?
3 Apokalissi 7:9 ma jgħidx li l-kotra kbira qiegħda fis-sema. Il-fatt li tinsab ‘wieqfa quddiem it-tron’ t’Alla ma jirrikjedix li din tkun fis-sema. Dan sempliċement jindika li Alla jitfaʼ ħarstu fuqha. (Salm 11:4) Il-fatt li l-kotra kbira, “li ħadd ma jistaʼ jgħoddha,” m’hijiex klassi tas-sema jidher meta wieħed iqabbel l-għadd tagħha, li mhux speċifikat, maʼ dak li hemm miktub f’Apokalissi 7:4-8 u Apokalissi 14:1-4. Hemmhekk, l-għadd taʼ dawk meħudin mill-art għas-sema huwa rivelat bħala li hu 144,000.
4. (a) X’inhi t-“tribulazzjoni l-kbira” li l-kotra kbira se ssalva minnha? (b) Skond Apokalissi 7:11, 12, min josserva lill-kotra kbira u jieħu sehem magħha fil-qima?
4 Apokalissi 7:14 jgħid dwar il-kotra kbira: “Dawn huma dawk li ġejjin mit-taħbit il-kbir [“mit-tribulazzjoni l-kbira,” NW].” Huma jsalvaw mill-agħar inkwiet li qatt ġie esperjenzat fl-istorja umana. (Mattew 24:21) Meta b’ringrazzjament, huma jagħtu l-kredtu lil Alla u lil Kristu għas-salvazzjoni tagħhom, imbagħad il-ħlejjaq kollha leali fis-sema se jingħaqdu magħhom u jgħidu: “Amen. It-tifħir u l-glorja, l-għerf, ir-radd taʼ ħajr u l-ġieħ, il-qawwa u s-saħħa lil Alla tagħna, għal dejjem taʼ dejjem! Amen.”—Apokalissi 7:11, 12.
Jagħtu Prova li Jistħoqqilhom
5. Kif nistgħu niddeterminaw x’inhu meħtieġ biex inkunu parti mill-kotra kbira?
5 Is-salvazzjoni tal-kotra kbira mit-tribulazzjoni l-kbira sseħħ fi qbil mal-livelli ġusti u sewwa taʼ Jehovah. Il-kwalitajiet li jidentifikaw lil dawk li se jiġu meħlusin huma diskussi b’mod ċar fil-Bibbja. B’hekk, huwa possibbli għal dawk li jħobbu s-sewwa li jaġixxu issa biex jagħtu prova li jistħoqqilhom isalvaw. Xi jridu jagħmlu dawn?
6. Għala l-kotra kbira tistaʼ bix-xieraq tiġi mxebbha man-nagħaġ?
6 In-nagħaġ huma mansi u sottomessi. Għalhekk, meta Ġesù qal li kellu nagħaġ oħra li ma kinux mill-klassi tas-sema, hu kien qed jirreferi għal nies li mhux biss ikunu jridu jgħixu għal dejjem fuq l-art imma li se jkunu wkoll sottomessi għat-tagħlim tiegħu. “In-nagħaġ tiegħi jisimgħu leħni, u jiena nagħrafhom, u huma jimxu warajja,” hu qal. (Ġwann 10:16, 27) Dawn huma nies li tassew jagħtu widen għal dak li jgħid Ġesù u b’ubbidjenza jagħmluh. B’hekk isiru dixxipli tiegħu.
7. Liema kwalitajiet għandhom bżonn jiżviluppaw is-segwaċi taʼ Ġesù?
7 Liema kwalitajiet oħra għandu bżonn jiżviluppa kull wieħed mis-segwaċi taʼ Ġesù? Il-Kelma t’Alla twieġeb: “Għandkom twarrbu l-ħajja tagħkom taʼ qabel u tinżgħu l-bniedem il-qadim, . . . u tilbsu l-bniedem il-ġdid, maħluq skond Alla, fil-ġustizzja u l-qdusija [“lealtà,” NW].” (Efesin 4:22-24) Huma jiżviluppaw kwalitajiet li jżidu l-unità tal-qaddejja t’Alla—“l-imħabba, l-hena, is-sliem, is-sabar, il-ħniena, it-tjieba, il-fidi, il-ħlewwa, ir-rażan.”—Galatin 5:22, 23.
8. X’se tiffaċċja l-kotra kbira hekk kif tappoġġa lill-fdal?
8 Il-kotra kbira tappoġġa lill-għadd żgħir taʼ dawk li t-tama tagħhom hija għas-sema, u li jieħdu t-tmexxija fix-xogħol taʼ l-ippridkar. (Mattew 24:14; 25:40) In-nagħaġ l-oħra jagħtu dan l-appoġġ, għalkemm jafu li se jiffaċċjaw oppożizzjoni peress li fil-bidu taʼ dawn l-aħħar jiem, Kristu Ġesù u l-anġli tiegħu keċċew lil Satana u d-demonji tiegħu mis-sema. Dan kien ifisser gwaj ‘għall-art għax fiha niżel id-Demonju, b’korla kbira fuqu, għax jaf li żmien ftit baqagħlu.’ (Apokalissi 12:7-12) B’hekk, Satana se jkompli jżid l-oppożizzjoni lill-qaddejja t’Alla iżjed ma joqrob it-tmiem taʼ din is-sistema.
9. Kemm qed ikollhom suċċess il-qaddejja t’Alla f’li jippridkaw l-aħbar tajba, u għala?
9 Minkejja l-persekuzzjoni ħarxa, ix-xogħol taʼ l-ippridkar jibqaʼ jimxi ’l quddiem. Minn biss ftit eluf taʼ predikaturi tas-Saltna fi tmiem l-Ewwel Gwerra Dinjija, issa hawn miljuni, għax Jehovah wiegħed: “Ebda arma magħmula kontrik ma tiswa.” (Isaija 54:17) Anki membru tal-qorti superjuri Lhudija rrikonoxxa li l-ebda xogħol t’Alla ma jistaʼ jinġieb fix-xejn. Hu qal lill-Fariżej fl-ewwel seklu rigward id-dixxipli: “Itilquhom. Għax dan il-ħsieb jew ħidma tagħhom, jekk hi ġejja mill-bnedmin, għad tisfaʼ fix-xejn; iżda jekk hi ġejja minn Alla, ma jseħħilkomx teqirduhom. Araw li ma ssibux ruħkom li qegħdin teħduha kontra Alla!”—Atti 5:38, 39.
10. (a) Xi tfisser “il-marka” fuq dawk li jifformaw il-kotra kbira? (b) Il-qaddejja t’Alla kif jobdu ‘l-leħen mis-sema’?
10 Dawk li jifformaw il-kotra kbira huma deskritti bħala li ġew immarkati għas-salvazzjoni. (Eżekjel 9:4-6) “Il-marka” hija l-evidenza li huma dedikati lil Jehovah, mgħammdin bħala dixxipli taʼ Ġesù, u qed jistinkaw biex jikkultivaw personalità bħal taʼ Kristu. Huma jobdu ‘l-leħen mis-sema’ li jgħid rigward l-imperu dinji taʼ reliġjon falza taʼ Satana: “Oħorġu minnha, poplu tiegħi, biex ma jkollkomx x’taqsmu magħha fi dnubietha, u biex mill-kastigi tagħha ma tiħdux sehem.”—Apokalissi 18:1-5.
11. Dawk li jifformaw il-kotra kbira, b’liema mod importanti juru li huma qaddejja taʼ Jehovah?
11 Barra minn hekk, Ġesù qal lis-segwaċi tiegħu: “Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jiġifieri, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom.” (Ġwann 13:35) B’kuntrast, membri tar-reliġjonijiet taʼ din id-dinja joqtlu membri oħrajn fil-gwerra, taʼ spiss sempliċement għax huma taʼ nazzjonalitajiet differenti! Il-Kelma t’Alla tistqarr: “B’dan jidhru min huma wlied Alla u min huma wlied ix-Xitan; għax min ma jagħmilx il-ġustizzja m’huwiex minn Alla, anqas min ma jħobbx lil ħuh. . . . [Għandna] nħobbu lil xulxin. Mhux bħal Kajjin, li kien mill-Ħażin u qatel lil ħuh.”—1 Ġwann 3:10-12.
12. Fit-tribulazzjoni l-kbira, Jehovah x’se jagħmlilhom lis-‘siġar’ reliġjużi li jagħmlu frott li ma jiswa xejn?
12 Ġesù ddikjara: “Kull siġra tajba frott tajjeb tagħmel, imma s-siġra l-ħażina frott ħażin tagħmel. Siġra tajba ma tistax tagħmel frott ħażin, anqas siġra ħażina ma tagħmel frott tajjeb. Kull siġra li ma tagħmilx frott tajjeb titqaċċat u tinxteħet fin-nar. Għalhekk mill-frott tagħhom tagħrfuhom.” (Mattew 7:17-20) Il-frott tar-reliġjonijiet taʼ din id-dinja jidentifikahom bħala ‘siġar’ ħżiena, li dalwaqt se jinqerdu minn Jehovah fit-tribulazzjoni l-kbira.—Apokalissi 17:16.
13. Magħqudin flimkien, dawk li jifformaw il-kotra kbira kif juru li huma “weqfin quddiem it-tron” taʼ Jehovah?
13 Apokalissi 7:9-15 jiġbed l-attenzjoni lejn fatturi li jwasslu għas-salvazzjoni tal-kotra kbira. Magħqudin flimkien, huma jidhru “weqfin quddiem it-tron” taʼ Jehovah, billi jappoġġaw is-sovranità universali tiegħu. “L-ilbiesi tagħhom ħasluhom u bajjduhom fid-demm tal-Ħaruf,” u b’hekk juru li jirrikonoxxu s-sagrifiċċju taʼ Ġesù li jpatti għad-dnub. (Ġwann 1:29) Huma ddedikaw lilhom infushom lil Alla u ssimbolizzaw dan bit-tgħaddis fl-ilma. Għalhekk igawdu l-approvazzjoni t’Alla, simbolizzata mill-ilbiesi bojod, u mill-fatt li “lejl u nhar jaqduh.” Hemm modi li bihom int tistaʼ ġġib ħajtek iktar fi qbil maʼ dan li hawn deskritt?
Benefiċċji Issa
14. X’inhuma xi ftit mill-benefiċċji uniċi li jesperjenzaw il-qaddejja taʼ Jehovah saħansitra issa?
14 X’aktarx li int osservajt il-benefiċċji uniċi li jesperjenzaw saħansitra issa dawk li jaqdu lil Jehovah. Bħala eżempju, meta tgħallimt dwar l-iskopijiet ġusti u sewwa taʼ Jehovah, int fhimt li kien hemm tama sabiħa għall-futur. Mela issa għandek skop veru f’ħajtek—li taqdi lil Alla veru bil-prospett ferrieħi taʼ ħajja taʼ dejjem fuq l-art magħmula ġenna. Iva, is-Sultan Ġesù Kristu “jwassalhom [lil dawk li jifformaw il-kotra kbira] ħdejn ilmijiet taʼ l-għejun tal-ħajja.”—Apokalissi 7:17.
15. Kif jibbenefikaw ix-Xhieda taʼ Jehovah billi jappoġġaw il-prinċipji Bibliċi rigward kwistjonijiet politiċi u morali?
15 Benefiċċju meraviljuż li tgawdi l-kotra kbira huwa l-fatt li l-imħabba, l-unità, u l-armonija qed jgħaqqdu lill-qaddejja taʼ Jehovah mad-dinja kollha. Ladarba niġu mitmugħin l-istess ikel spiritwali, aħna lkoll nobdu l-istess liġijiet u prinċipji li nsibu fil-Kelma t’Alla. Għalhekk m’aħniex mifrudin minn ideoloġiji politiċi jew nazzjonali. Ukoll, aħna nżommu mal-livelli morali għoljin li Alla jirrikjedi min-nies tiegħu. (1 Korintin 6:9-11) B’hekk, minflok ma jesperjenzaw il-ġlied, il-firda, u l-immoralità li jirrenjaw fid-dinja, in-nies taʼ Jehovah igawdu dik li nistgħu nsejħulha ġenna spiritwali. Innota kif din hija deskritta f’Isaija 65:13, 14.
16. Minkejja l-problemi komuni tal-ħajja, dawk li jifformaw il-kotra kbira liema tama għandhom?
16 Le, il-qaddejja umani taʼ Jehovah m’humiex perfetti. Huma jiġu effettwati mill-problemi komuni tal-ħajja f’din id-dinja, bħal li jesperjenzaw tbatijiet jew jispiċċaw vittmi innoċenti fil-gwerer tal-ġnus. Huma jiffaċċjaw ukoll il-mard, is-sofferenza, u l-mewt. Imma għandhom fidi li fid-dinja l-ġdida, Alla “jixxuttalhom kull demgħa minn għajnejhom: ma jkunx hemm iżjed mewt, anqas biki jew għajat jew tbatija ma jkun hemm iżjed.”—Apokalissi 21:4.
17. Minkejja dak kollu li jistaʼ jiġrilna issa, liema futur meraviljuż hemm jistenna lil dawk li jqimu lil Alla veru?
17 Anki jekk titlef ħajtek issa minħabba l-età avanzata, il-mard, xi inċident, jew il-persekuzzjoni, Jehovah se jirxoxtak għall-ħajja fil-Ġenna taʼ l-art. (Atti 24:15) Imbagħad, int se tibqaʼ tgawdi festa spiritwali matul ir-Renju Millennjali taʼ Kristu. L-imħabba tiegħek għal Alla se tikber hekk kif tara l-iskopijiet tiegħu jseħħu b’mod glorjuż. U l-barkiet materjali li Jehovah imbagħad se jipprovdi se jkabbrulek iżjed l-imħabba għalih. (Isaija 25:6-9) X’futur meraviljuż hemm jistenna lin-nies t’Alla!
Diskussjoni Bħala Reviżjoni
• Maʼ liema ġrajja straordinarja l-Bibbja tassoċja lill-kotra kbira?
• Jekk tassew irridu nkunu fost dawk li jgawdu l-favur t’Alla bħala parti mill-kotra kbira, x’irridu nagħmlu issa?
• Kemm huma importanti għalik il-barkiet li l-kotra kbira qed tgawdi issa u li għad trid tgawdi fid-dinja l-ġdida t’Alla?
[Stampa f’paġna 123]
Magħqudin flimkien, miljuni taʼ nies li jifformaw il-kotra kbira jqimu lil Alla veru