L-Ippridkar Jeħtieġ is-Sabar
1 Għal iktar minn 30 sena, l-appostlu Pawlu gawda karriera sodisfaċenti bħala evanġelizzatur. Bħal kull ħaġa oħra li teħtieġ sforz, l-attività taʼ l-ippridkar kellha l-isfidi tagħha. (2 Kor. 11:23-29) Madankollu, Pawlu ma qatax qalbu. (2 Kor. 4:1) Hu fehem li s-saħħa biex jissaporti waqt li kien qed iwettaq il-ministeru tiegħu kienet se tiġi mingħand Ġeħova. (Flp. 4:13) Minħabba l-eżempju tiegħu taʼ sabar leali, Pawlu setaʼ jgħid: “Imitaw lili, bħalma jien nimita lil Kristu.”—1 Kor. 11:1.
2 Nissaportu l-Provi Llum: Kuljum, ħafna minn ħutna jiffaċċjaw twaqqigħ għaċ-ċajt, oppożizzjoni, jew indifferenza mill-membri tal-familja, minn sħabhom tax-xogħol, jew minn sħabhom taʼ l-iskola. (Mt. 10:35; Ġw. 15:20) Forsi dan hu minnu fil-kas tiegħek. Mill-banda l-oħra, forsi qiegħed tissielet maʼ problema tas-saħħa, jew forsi għandek ġlieda kuljum biex ma tiġix influwenzat mill-aljenazzjonijiet u t-tentazzjonijiet li jittestjaw il-fidi u s-sabar tiegħek. Nistgħu niksbu s-saħħa billi nikkunsidraw l-eżempji taʼ qaddejja leali tal-passat kif ukoll taʼ Kristjani sħabna llum li ffaċċjaw u għelbu l-isfidi.—1 Pt. 5:9.
3 Nistgħu niksbu l-qawwa biex nibqgħu sodi fil-ministeru tagħna billi nkunu ċerti li ‘nilbsu l-armatura sħiħa t’Alla.’ (Efes. 6:10-13, 15) It-talb ukoll huwa essenzjali biex nissaportu. Alla jagħti l-ispirtu qaddis tiegħu biex inkunu nistgħu nissaportu l-provi. (2 Kor. 6:4-7) Biex nirnexxu fil-ġlieda tagħna kontra Satana u d-dinja tiegħu, għandna noqogħdu attenti ħafna għat-tfakkiriet t’Alla biex inġeddu l-ispirtu tagħna. (Salm 119:24, 85-88) Sewwasew bħalma tifel jistaʼ jaqra għal darba wara l-oħra ittra persunali mingħand missier li jħobb, il-qari tal-Bibbja kuljum isaħħaħ ir-relazzjoni tagħna maʼ Ġeħova. Aħna nakkwistaw l-għerf biex inkampaw mal-provi permezz taʼ studju persunali regulari, u b’hekk inħallu l-ħsibijiet t’Alla jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tagħna u jsaħħu l-lealtà tagħna lejn Ġeħova.—Prov. 2:10, 11.
4 Is-Sabar Iġib Barkiet: Bħalma kien minnu fil-kas taʼ Pawlu, jekk nissaportu lealment waqt li nwettqu l-ministeru tagħna se nferrħu qalb Ġeħova u dan se jirriżulta f’barkiet għalina u għal oħrajn. (Prov. 27:11) Jalla nkunu determinati biex nipperseveraw fil-ministeru, u b’hekk nuru li l-fidi tagħna tiflaħ tissaporti u hi “taʼ kwalità li tiswa ferm iktar mid-deheb li jintemm minkejja li jgħaddi mill-prova tan-nar.”—1 Pt. 1:6, 7.