LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • be studju 30 p. 186-p. 189 para. 4
  • Interess Muri fil-​Persuna l-​Oħra

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Interess Muri fil-​Persuna l-​Oħra
  • Ibbenefika mill-Edukazzjoni tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku
  • Materjal Simili
  • Ħu Interess Persunali f’Oħrajn
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1990
  • Kif Ittejjeb l-Abbiltà Tiegħek tal-Konversazzjoni
    Ibbenefika mill-Edukazzjoni tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku
  • Sforz Biex Tintlaħaq il-​Qalb
    Ibbenefika mill-Edukazzjoni tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku
  • Valur prattiku magħmul ċar
    Irsisti fil-qari u t-tagħlim
Ara Iżjed
Ibbenefika mill-Edukazzjoni tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku
be studju 30 p. 186-p. 189 para. 4

STUDJU 30

Interess Muri fil-​Persuna l-​Oħra

X’hemm bżonn tagħmel?

Uri li jimpurtak mill-​ħsibijiet taʼ nies oħrajn u li jinteressak mill-​benesseri tagħhom.

Għala importanti?

Dan hu mod wieħed kif nimitaw l-​imħabba li juri Ġeħova, u dan jistaʼ jippermettilna nilħqu qalb l-​individwu.

META naqsmu veritajiet Bibliċi maʼ oħrajn, għandna bżonn iktar milli sempliċement ninformaw il-​moħħ. Irridu mmissu l-​qalb. Mod wieħed kif nagħmlu dan hu billi nuru interess persunali sinċier fis-​semmiegħa tagħna. Interess bħal dan jintwera b’varjetà taʼ modi.

Qis il-​Ħarsa tas-​Semmiegħa Tiegħek. L-​appostlu Pawlu qies min kienu s-​semmiegħa tiegħu u kif kienu jaħsbuha. Hu spjega: “Għal-​Lhud sirt bħal Lhudi, biex nirbaħ lil-​Lhud; għal dawk taħt il-​liġi sirt bħal wieħed taħt il-​liġi, għalkemm jien innifsi m’iniex taħt il-​liġi, biex nirbaħ lil dawk taħt il-​liġi. Għal dawk mingħajr liġi sirt bħal wieħed mingħajr liġi, għalkemm m’iniex mingħajr il-​liġi taʼ Alla imma qiegħed taħt il-​liġi taʼ Kristu, biex nirbaħ lil dawk mingħajr liġi. Għad-​dgħajfin sirt dgħajjef, biex nirbaħ lid-​dgħajfin. Sirt kollox għal nies taʼ kull xorta, biex b’kull mezz insalva lil xi wħud. U nagħmel kollox minħabba l-​aħbar tajba, biex naqsam dan il-​messaġġ m’oħrajn.” (1 Kor. 9:20-​23) Kif nistgħu nsiru “kollox għal nies taʼ kull xorta” llum?

Jekk għandek l-​opportunità tosserva lil oħrajn, anki għal ftit, qabel ma tkellimhom, tistaʼ tinnota indikazzjonijiet tal-​interessi u ċ-​ċirkustanzi tagħhom. Tistaʼ tinduna x’inhu xogħolhom? Tara evidenza tat-​twemmin reliġjuż tagħhom? Hemm xi indikazzjoni tas-​sitwazzjoni tal-​familja tagħhom? Skont dak li tosserva, tistaʼ taġġusta l-​preżentazzjoni biex tolqot iktar lis-​semmiegħa tiegħek?

Biex il-​preżentazzjoni tolqot iktar lis-​semmiegħ hemm bżonn li taħseb minn qabel dwar kif se tkellem lin-​nies fit-​territorju tiegħek. F’xi nħawi dan jinkludi lil dawk li jiġu minn pajjiżi barranin. Jekk nies bħal dawn jgħixu fit-​territorju tiegħek, sibt int mod effettiv kif tagħtihom xhieda? Ladarba hija r-​rieda taʼ Alla li “bnedmin taʼ kull xorta jiġu salvati u jaslu għall-​għarfien eżatt dwar il-​verità,” agħmilha l-​mira tiegħek li tippreżenta l-​messaġġ tas-​Saltna b’mod li jolqot lil kull min tiltaqaʼ miegħu.—1 Tim. 2:4.

Ismaʼ b’Attenzjoni. Għalkemm Ġeħova jistaʼ jkun jaf kulma jrid, hu jagħti widen lil ħaddieħor. Il-​profeta Mikaja rċieva viżjoni li fiha Ġeħova deher jinkuraġġixxi lill-​anġli biex jesprimu l-​ideat tagħhom dwar kif għandha tiġi trattata ċerta kwistjoni. Alla mbagħad ippermetta lil wieħed mill-​anġli jwettaq is-​suġġeriment tiegħu stess. (1 Slat. 22:19-​22) Meta Abraham esprima t-​tħassib tiegħu dwar il-​ġudizzju li kien se jsir fuq Sodoma, Ġeħova bil-​grazzja kollha ħallieh jesprimi s-​sentimenti tiegħu. (Ġen. 18:23-​33) Fil-​ministeru tagħna, kif nistgħu nimitaw l-​eżempju taʼ Ġeħova f’li nisimgħu?

Ħeġġeġ lil oħrajn jesprimu ruħhom. Staqsi mistoqsija adattata, u agħmel pawsa twila biżżejjed biex huma jagħtu tweġiba. Agħti widen tassew. L-​attenzjoni bil-​konsiderazzjoni li turihom se tinkuraġġihom iħossuhom komdi jitkellmu. Jekk it-​tweġiba tagħhom tikxef xi ħaġa dwar l-​interessi tagħhom, bit-​tattika kompli staqsi dwar is-​suġġett. Mingħajr ma ddawwar il-​konversazzjoni f’interrogazzjoni, ipprova sir afhom aħjar. Faħħarhom għall-​ħsibijiet tagħhom jekk tistaʼ tagħmel dan bis-​sinċerità. Anki jekk ma taqbilx mal-​ħarsa tagħhom, uri l-​ħlewwa billi tirrikonoxxi dak li jgħidu.—Kol. 4:6.

Madankollu, irridu noqogħdu attenti li l-​interess tagħna fin-​nies ma jaqbiżx il-​limitu xieraq. Il-​fatt li nkunu konċernati dwar oħrajn ma jagħtiniex il-​lala li nindaħlu fl-​affarijiet privati tagħhom. (1 Pt. 4:15) Irridu noqogħdu attenti li individwi tas-​sess oppost ma jifhmux ħażin l-​interess li nuruhom b’qalb tajba. Ladarba dak li hu kunsidrat bħala livell xieraq taʼ interess f’oħrajn ivarja minn pajjiż għal ieħor, anki minn persuna għal oħra, trid tuża d-​dehen.—Lq. 6:31.

Il-​preparazzjoni tgħinek tkun semmiegħ tajjeb. Meta l-​messaġġ tagħna jkun ċar f’moħħna niġu megħjunin nirrilassaw u nagħtu l-​attenzjoni lil oħrajn b’mod naturali. Dan jagħmilhom komdi u iktar lesti li jitkellmu magħna.

Aħna nonoraw lil oħrajn billi nagħtuhom widen. (Rum. 12:10) Dan juri li nistmaw il-​ħsibijiet u s-​sentimenti tagħhom. Jistaʼ saħansitra jqanqalhom joqogħdu iktar attenti għal dak li għandna x’ngħidu. Mela, mhux taʼ b’xejn li l-​Kelma taʼ Alla tagħtina l-​parir biex ‘inkunu ħfief biex nisimgħu, tqal biex nitkellmu.’—Ġak. 1:19.

Għin lil Oħrajn Jagħmlu Progress. It-​tħassib għal oħrajn se jġegħelna nibqgħu naħsbu dwar dawk li juru interess u biex nerġgħu nżuruhom ħalli naqsmu magħhom il-​veritajiet Bibliċi li l-​iktar jissodisfaw il-​bżonnijiet tagħhom direttament. Meta taħseb dwar iż-​żjara li jmiss, ikkunsidra x’tgħallimt dwarhom fiż-​żjajjar taʼ qabel. Ħejji informazzjoni dwar suġġett li jinteressahom. Enfasizza l-​valur prattiku tal-​materjal, għinhom jaraw kif jistgħu jibbenefikaw minn dak li qed jitgħallmu.—Is. 48:17.

Jekk is-​semmiegħ tiegħek jiftaħ qalbu dwar sitwazzjoni jew problema li kienet qed tinkwetah, ħares lejha bħala opportunità speċjali biex taqsam l-​aħbar tajba miegħu. Segwi l-​eżempju taʼ Ġesù li kien dejjem lest biex ifarraġ lil min kien inkwetat. (Mk. 6:31-​34) Irreżisti t-​tentazzjoni li toffri soluzzjoni taʼ malajr jew li tagħti parir superfiċjali. Dan jistaʼ jġiegħel lill-​persuna tħoss li l-​interess tiegħek mhuwiex sinċier. Minflok, uri li tħoss għalih. (1 Pt. 3:8) Imbagħad agħmel riċerka fil-​pubblikazzjonijiet ibbażati mill-​Bibbja, u aqsam informazzjoni li tibni biex tgħin lill-​persuna tittratta s-​sitwazzjoni tagħha. M’għandniex xi ngħidu, l-​interess bi mħabba li turi fis-​semmiegħ tiegħek se jżommok lura milli tikxef affarijiet kunfidenzjali li jgħidlek sakemm ma jkollokx raġuni tajba biex tagħmel dan.—Prov. 25:9.

Għandna speċjalment nuru interess persunali f’dawk li nikkonduċu studji tal-​Bibbja magħhom. Aħseb u itlob dwar il-​bżonnijiet taʼ kull student, u ħejji għall-​istudju b’dawk il-​bżonnijiet f’moħħok. Staqsi lilek innifsek, ‘Xi jmissu jagħmel issa biex ikompli jimxi ’l quddiem spiritwalment?’ Għin lill-​istudent bi mħabba ħalli jifhem x’tgħid il-​Bibbja u l-​pubblikazzjonijiet tal-​“ilsir leali u għaqli” dwar il-​kwistjoni. (Mt. 24:45) F’xi każi, li sempliċement tipprovdi spjegazzjoni jistaʼ ma jkunx biżżejjed. Forsi jkollok bżonn turi lill-​istudent kif japplika ċerti prinċipji Bibliċi, billi fil-​fatt tagħmlu xi ħaġa flimkien li turi kif jistgħu jiġu applikati.—Ġw. 13:1-​15.

Il-​bilanċ u d-​dehen huma meħtiġin meta ngħinu lil oħrajn iġibu ħajjithom fi qbil mal-​livelli taʼ Ġeħova. In-​nies għandhom sfondi u abbiltajiet differenti, u jagħmlu progress b’pass differenti. Kun raġunevoli f’dak li tistenna minn oħrajn. (Flp. 4:5) Tagħmlilhomx pressjoni biex jagħmlu bidliet f’ħajjithom. Ħalli l-​Kelma taʼ Alla u l-​ispirtu tiegħu jimmotivawhom. Ġeħova jrid li n-​nies jaqduh minn qalbhom u mhux bilfors. (Salm 110:3) Evita li tesprimi l-​opinjoni tiegħek stess dwar deċiżjonijiet persunali li jiffaċċjaw, u anki jekk oħrajn jitolbuk tagħmel dan, oqgħod attent li ma tiħux deċiżjonijiet għalihom.—Gal. 6:5.

Agħti Għajnuna Prattika. Għalkemm Ġesù kien primarjament konċernat dwar is-​saħħa spiritwali tas-​semmiegħa tiegħu, hu kien sensittiv għall-​bżonnijiet l-​oħrajn tagħhom ukoll. (Mt. 15:32) Anki jekk għandna mezzi limitati hemm ħafna modi prattiċi kif nistgħu nkunu taʼ għajnuna.

L-​interess f’oħrajn se jqanqalna nuru konsiderazzjoni. Pereżempju, jekk il-​kundizzjonijiet tat-​temp iġiegħlu lis-​semmiegħ tiegħek iħossu skomdu, morru f’post iktar adattat, jew irranġa biex tkompli d-​diskussjoni ħin ieħor. Jekk mort f’ħin ħażin, offri li tmur iktar tard. Jekk ġar jew xi ħadd li wera interess ma jiflaħx jew qiegħed l-​isptar, uri l-​konsiderazzjoni tiegħek billi tibgħatlu kartolina jew ittra qasira jew mur żuru. Jekk ikun xieraq, tistaʼ wkoll tipprovdi ikla sempliċi jew tagħmel xi att ieħor taʼ qalb tajba.

Hekk kif l-​istudenti tal-​Bibbja jagħmlu progress, għandhom mnejn iħossu vojt emozzjonali minħabba li ma jqattgħux daqshekk ħin mal-​ħbieb li kellhom qabel. Agħmel ħbieb magħhom. Qattaʼ l-​ħin titkellem magħhom wara l-​istudju tal-​Bibbja u f’ħinijiet oħrajn. Ħeġġiġhom jikkultivaw ħbiberiji tajbin. (Prov. 13:20) Għinhom jattendu l-​laqgħat Kristjani. Poġġi magħhom f’laqgħat bħal dawn, u għinhom jieħdu ħsieb it-​tfal ħalli lkoll tibbenefikaw iktar bis-​sħiħ mill-​programm.

Uri Interess mill-​Qalb. Hija kwalità tal-​qalb li turi interess fin-​nies, mhux xi teknika li trid titgħallem sew. L-​ammont taʼ interess tagħna f’oħrajn jidher b’ħafna modi. Jidher f’kif nisimgħu u f’dak li ngħidu. Jidher mill-​qalb tajba u l-​konsiderazzjoni li nuru lil oħrajn. Anki meta ma ngħidu jew nagħmlu xejn, dan jidher mill-​attitudni tagħna u mill-​espressjonijiet taʼ wiċċna. Jekk tassew jimpurtana minn oħrajn, huma se jkunu jistgħu jindunaw mingħajr ebda problema.

L-​iktar raġuni importanti għala għandna nuru interess sinċier f’oħrajn hi li billi nagħmlu hekk, aħna nimitaw l-​imħabba u l-​ħniena taʼ Missierna tas-​sema. Dan jgħinna rressqu lis-​semmiegħa tagħna lejn Ġeħova u lejn il-​messaġġ li tana biex inxerrduh. Għalhekk, int u taqsam l-​aħbar tajba maʼ oħrajn, stinka biex ma ‘tfittixx l-​interessi persunali tiegħek biss, imma wkoll l-​interessi persunali taʼ l-​oħrajn.’—Flp. 2:4.

KIF TURI INTERESS ĠENWIN

  • Ismaʼ meta l-​individwu l-​ieħor jitkellem. Irringrazzjah talli jkun esprima l-​ħsibijiet u s-​sentimenti tiegħu. Staqsi mistoqsijiet ħalli tifhem kif jaħsibha b’mod iktar ċar.

  • Aħseb dwar l-​individwu wara li tkunu tkellimtu flimkien. Erġaʼ kkuntattjah malajr.

  • Aqsam veritajiet Bibliċi li jolqtu l-​iktar il-​bżonnijiet tiegħu.

  • Agħmel affarijiet biex tgħinu. Ikkunsidra kemm il-​bżonnijiet immedjati u kemm dawk iktar fit-​tul.

TAĦRIĠ: (1) Qabel xi laqgħa tal-​kongregazzjoni, uri interess persunali f’xi ħadd li jkun hemm. Agħmel iktar milli sempliċement issellimlu. Stinka biex issir taf lill-​individwu aħjar. Urih li jimpurtak. Ħudha drawwa li tagħmel dan. (2) Fis-​servizz tal-​għalqa, uri interess persunali f’xi ħadd li tiltaqaʼ miegħu. Agħmel iktar milli sempliċement tagħti xhieda. Sir af il-​persuna. Adatta dak li tgħid u tagħmel għal dak li ssir taf dwar l-​individwu. Ibqaʼ fittex opportunitajiet biex tagħmel dan.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja