STUDJU 49
Jingħataw Raġunijiet Validi
META tagħmel stqarrija, is-semmiegħa tiegħek għandhom kull dritt jistaqsu: “Għala huwa minnu dan? Xi provi hemm li dak li qed jgħid il-kelliemi għandu jiġi aċċettat?” Bħala għalliem, int għandek l-obbligu li jew twieġeb mistoqsijiet bħal dawn jew inkella li tgħin lis-semmiegħa tiegħek isibu t-tweġibiet. Jekk il-punt hu vitali għall-argument tiegħek, kun ċert li tagħti lis-semmiegħa tiegħek raġunijiet konvinċenti biex jaċċettawh. Dan se jikkontribwixxi biex il-preżentazzjoni tiegħek tipperswadihom.
L-appostlu Pawlu uża l-persważjoni. Hu pprova jgħin lil dawk li kellem biex jibdlu fehmiethom billi uża argumenti f’lokhom, irraġunar loġiku, u billi talab bil-ħrara. Hu ħalla eżempju mill-aqwa għalina. (Atti 18:4; 19:8) M’għandniex xi ngħidu, xi kelliema pubbliċi jużaw il-persważjoni biex iqarrqu bin-nies. (Mt. 27:20; Atti 14:19; Kol. 2:4) Għandhom mnejn jibdew billi jgħidu li xi ħaġa żbaljata hi minnha, jistrieħu fuq sorsi preġudikati, jużaw argumenti superfiċjali, jinjoraw il-fatti li ma jaqblux mal-ħarsa tagħhom, jew jipprovaw jolqtu iktar is-sentimenti minflok l-irraġunar. Irridu noqogħdu attenti li nevitaw dawn il-metodi kollha taʼ rraġunar.
Ibbażat fis-Sod fuq il-Kelma taʼ Alla. Dak li ngħallmu m’għandux ikun minna nfusna. Aħna nistinkaw biex naqsmu maʼ oħrajn dak li tgħallimna mill-Bibbja. F’dan ix-xogħol ġejna megħjunin bil-kbir mill-pubblikazzjonijiet tal-klassi tal-ilsir leali u għaqli. Dawn il-pubblikazzjonijiet jinkuraġġuna neżaminaw l-Iskrittura bir-reqqa. Min-naħa tagħna, aħna nidderieġu lil oħrajn lejn il-Bibbja, u dan ma nagħmluhx bil-mira li nuruhom li għandna raġun, imma bix-xewqa umli li nħalluhom jaraw għalihom infushom x’tgħid il-Bibbja. Aħna naqblu maʼ Ġesù Kristu li qal f’talba lil Missieru: “Kelmtek hi l-verità.” (Ġw. 17:17) M’hemm ebda awtorità akbar minn Alla Ġeħova, il-Ħallieq tas-sema u l-art. Il-validità tal-argumenti tagħna tiddependi milli nibbażawhom fuq il-Kelma tiegħu.
Kultant għandek mnejn tkellem nies li mhumiex familjari mal-Bibbja jew li ma jqisuhiex bħala l-Kelma taʼ Alla. Għandek tuża l-għaqal biex tkun taf meta u kif għandek tintroduċi versi Bibliċi. Imma għandek tistinka biex malajr kemm jistaʼ jkun tidderieġi l-attenzjoni tagħhom lejn dan is-sors taʼ informazzjoni taʼ awtorità.
Għandek tikkonkludi li jekk sempliċement tikkwota skrittura rilevanti tkun qed tipprovdi argument li ma jistgħux jiċħduh? Mhux bilfors. Jistaʼ jkollok bżonn tidderieġi l-attenzjoni lejn il-kuntest biex turi li l-iskrittura tassew tappoġġa dak li qed tgħid. Jekk tkun sempliċement qed toħroġ prinċipju minn skrittura u l-kuntest ma jkunx qed jiddiskuti s-suġġett, forsi jkollok bżonn tipprovdi iktar evidenza. Għandu mnejn ikun meħtieġ li tuża skritturi oħrajn konnessi mal-kwistjoni biex tissodisfa lill-udjenza li dak li qed tgħid hu tassew ibbażat fis-sod fuq l-Iskrittura.
Evita li tisħaq iżżejjed fuq dak li l-Iskrittura tagħti prova dwaru. Aqraha bir-reqqa. Il-vers għandu mnejn jittratta dwar is-suġġett ġenerali li tkun qed tiddiskuti. Madankollu, biex l-argument tiegħek ikun konvinċenti, is-semmiegħ tiegħek għandu jifhem il-provi tal-argument tiegħek.
Agħti Iktar Evidenza li Hi fi Qbil. F’xi każi, jistaʼ jkun taʼ għajnuna li tuża evidenza minn sorsi taʼ min joqgħod fuqhom minbarra l-Bibbja biex tgħin lin-nies jifhmu kemm hi raġunevoli l-Iskrittura.
Pereżempju, tistaʼ tipponta lejn l-univers viżibbli bħala prova li hemm Ħallieq. Int tistaʼ tiġbed l-attenzjoni lejn il-liġijiet naturali, bħall-gravità, u tirraġuna li minħabba l-eżistenza taʼ liġijiet bħal dawn nistgħu nissopponu li hemm Leġislatur. Il-loġika se tkun korretta jekk tkun fi qbil maʼ dak li hu mistqarr fil-Kelma taʼ Alla. (Ġob 38:31-33; Salm 19:1; 104:24; Rum. 1:20) Evidenza bħal din hi taʼ għajnuna għaliex turi li dak li tgħid il-Bibbja hu konsistenti maʼ fatti li kulħadd jistaʼ jarahom.
Qed tistinka biex tgħin lil xi ħadd jirrealizza li l-Bibbja hi tassew il-Kelma taʼ Alla? Tistaʼ tikkwota x’jgħidu l-istudjużi dwar dan, imma hu dan prova biżżejjed? Kwotazzjonijiet bħal dawn sempliċement jgħinu lin-nies li jirrispettaw lil dawk l-istudjużi. Tistaʼ tuża x-xjenza biex turi li l-Bibbja hi vera? Kieku kellek tuża l-opinjoni taʼ xjenzati imperfetti bħala l-awtorità tiegħek, int tkun qed tibni fuq bażi dgħajfa. Mill-banda l-oħra, jekk tibda bil-Kelma taʼ Alla u mbagħad tidderieġi l-attenzjoni lejn is-sejbiet tax-xjenza li jenfasizzaw l-eżattezza tal-Bibbja, l-argumenti tiegħek se jkunu stabbiliti fuq bażi soda.
Tkun xi tkun qed tistinka biex turi, agħti biżżejjed evidenza. L-ammont taʼ evidenza meħtieġ se jiddependi mill-udjenza tiegħek. Pereżempju, jekk qed tiddiskuti l-aħħar jiem kif inhuma deskritti fit-2 Timotju 3:1-5, għandek mnejn tiġbed l-attenzjoni tal-udjenza tiegħek lejn rapport fl-aħbarijiet magħruf sew li jindika li l-bnedmin huma “mingħajr imħabba naturali.” Dan l-eżempju wieħed jistaʼ jkun biżżejjed biex turi li dan l-aspett tas-sinjal tal-aħħar jiem issa qed jitwettaq.
L-analoġija—taqbila bejn żewġ affarijiet li għandhom aspetti importanti komuni bejniethom—spiss tistaʼ tkun taʼ għajnuna. L-analoġija fiha nfisha ma turix li xi ħaġa hi minnha; biex tkun valida trid tkun taqbel maʼ dak li tgħid il-Bibbja nfisha. Imma l-analoġija tistaʼ tgħin lill-individwu jara kemm hu raġunevoli l-ħsieb. Pereżempju, analoġija bħal din tistaʼ tintuża meta tispjega li s-Saltna taʼ Alla hi gvern. Tistaʼ turi li bħall-gvernijiet umani, is-Saltna taʼ Alla għandha ħakkiema, sudditi, liġijiet, sistema ġudizzjarja, u sistema taʼ edukazzjoni.
Spiss jistgħu jintużaw esperjenzi li seħħew fir-realtà biex jintwera l-għerf li hemm f’li jiġu applikati l-pariri tal-Bibbja. Ukoll, l-esperjenzi persunali jistgħu jintużaw biex jappoġġaw l-istqarrijiet li jsiru. Pereżempju, meta turi lil individwu kemm hu importanti li jaqra u jistudja l-Bibbja, tistaʼ tispjega li meta int għamilt dan ħajtek marret għall-aħjar. Biex jinkuraġġixxi lil ħutu, l-appostlu Pietru rrefera għat-trasfigurazzjoni, li hu kien raha b’għajnejh stess. (2 Pt. 1:16-18) Pawlu wkoll semma l-esperjenzi tiegħu stess. (2 Kor. 1:8-10; 12:7-9) M’għandniex xi ngħidu, għandek tuża l-esperjenzi persunali tiegħek b’mod moderat għaliex ma tridx tiġbed attenzjoni żejda lejk innifsek.
Ladarba n-nies ġejjin minn sfondi differenti u jaħsbu b’modi differenti, l-evidenza li tikkonvinċi lil individwu wieħed mhux dejjem tikkonvinċi lil ieħor. Għalhekk, ikkunsidra l-opinjonijiet tas-semmiegħa tiegħek meta tiddeċiedi liema argumenti se tuża u kif se tippreżentahom. Proverbji 16:23 jgħid: “Qalb l-għaref iġġiegħel lil fommu juri d-dehen, u żżid il-persważjoni lil xofftejh.”