LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • lv kap. 8 pp. 86-96
  • Alla Jħobb Nies Nodfa

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Alla Jħobb Nies Nodfa
  • “Żommu Ruħkom fl-Imħabba t’Alla”
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • GĦALA HEMM BŻONN NIBQGĦU NODFA?
  • X’JINVOLVI LI NKUNU NODFA F’GĦAJNEJN ALLA
  • KIF NISTGĦU NIBQGĦU NODFA FIŻIKAMENT?
  • NITNADDFU MINN DRAWWIET U PRATTIKI LI JNIĠĠSU
  • Ġeħova jrid li n-nies tiegħu jkunu nodfa
    Kif tibqa’ fl-imħabba t’Alla
  • Il-Qaddejja t’Alla Jridu Jkunu Nodfa
    Alla X’Jirrikjedi Minna?
  • Imnaddfin Bħala Poplu Għal Opri Tajba
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • Kif Nistgħu Nkunu Nodfa għal Ġeħova?
    Għix Ħajja Ferħana għal Dejjem!—Il-Bibbja Turik Kif
Ara Iżjed
“Żommu Ruħkom fl-Imħabba t’Alla”
lv kap. 8 pp. 86-96

Kapitlu 8

Alla Jħobb Nies Nodfa

“Maʼ dak li qed iżomm nadif int se tkun nadif.”—SALM 18:26.

1-3. (a) Omm għala trid tkun ċerta li binha jkun pulit u nadif? (b) Ġeħova għala jrid li l-​aduraturi tiegħu jkunu nodfa, u x’jimmotivana biex inkunu rridu nżommu lilna nfusna nodfa?

OMM tipprepara lit-​tifel ċkejken tagħha biex joħorġu. Hi tagħmel ċert li hu maħsul u li ħwejġu huma puliti u nodfa. Hi taf li l-​indafa hija kruċjali għal saħħtu. Taf tajjeb ukoll li d-​dehra taʼ binha tirrifletti fuq il-​ġenituri tiegħu.

2 Ġeħova, Missierna tas-​sema, irid li l-​qaddejja tiegħu jkunu nodfa. Il-​Kelma tiegħu tgħid: “Maʼ dak li qed iżomm nadif int se tkun nadif.”a (Salm 18:26) Ġeħova jħobbna; hu jaf li huwa għall-​benefiċċju tagħna li nżommu ruħna nodfa. Ukoll, bħala x-​Xhieda tiegħu hu jistenna li aħna nirriflettu tajjeb fuqu. Tabilħaqq, id-​dehra nadifa u l-​kondotta mill-​aħjar tagħna se jġibu glorja, u mhux tmaqdir, lil Ġeħova u lill-​isem qaddis tiegħu.—Eżekjel 36:22; 1 Pietru 2:12.

3 Il-​fatt li nafu li Alla jħobb nies nodfa jimmotivana biex nibqgħu nodfa. Aħna rridu li l-​mod kif ngħixu jġib unur lilu għax inħobbuh. Irridu wkoll nibqgħu fl-​imħabba tiegħu. Għalhekk, ejja neżaminaw għala rridu nibqgħu nodfa, x’jinvolvi li nkunu nodfa, u kif nistgħu nżommu lilna nfusna nodfa. Eżami bħal dan jistaʼ jgħinna naraw jekk hemmx oqsma fejn għandna bżonn nitjiebu.

GĦALA HEMM BŻONN NIBQGĦU NODFA?

4, 5. (a) X’inhi r-​raġuni primarja għala għandna nibqgħu nodfa? (b) L-​indafa taʼ Ġeħova kif tidher fil-​ħolqien viżibbli tiegħu?

4 Mod wieħed kif Ġeħova jmexxina hu bl-​eżempju. B’hekk, il-​Kelma tiegħu tħeġġiġna biex ‘nimitaw lil Alla.’ (Efesin 5:1) Din hi r-​raġuni primarja għala għandna nibqgħu nodfa: Ġeħova, l-​Alla li aħna nqimu, hu nadif, pur, u qaddis f’kull aspett.—Levitiku 11:44, 45.

5 L-​indafa taʼ Ġeħova, bħal ħafna mill-​kwalitajiet u t-​triqat tiegħu, tidher fil-​ħolqien viżibbli tiegħu. (Rumani 1:20) L-​art kienet magħmula biex tkun dar nadifa għall-​bnedmin. Ġeħova stabbilixxa ċikli ekoloġiċi li jnaddfu l-​arja u l-​ilma tagħna. Ċerti mikrobi jaġixxu bħal dipartiment tas-​sanità, billi jibdlu l-​iskart fi prodotti li ma jagħmlux ħsara. Ix-​xjenzati użaw ftit minn dawn il-​mikro-organiżmi għatxana sabiex inaddfu fejn ikun waqaʼ ż-​żejt u tinġis ieħor kaġunat mill-​egoiżmu u r-​rgħiba tal-​bnedmin. Jidher ċar li l-​indafa hija importanti għal “Dak li għamel l-​art.” (Ġeremija 10:12) Għandha tkun importanti għalina wkoll.

6, 7. Il-​Liġi Mosajka kif enfasizzat li l-​indafa kienet ħtieġa għal dawk li kienu jqimu lil Ġeħova?

6 Raġuni oħra għala rridu nibqgħu nodfa hi li Ġeħova, il-​Ħakkiem Sovran tagħna, jitlob li l-​aduraturi tiegħu jkunu nodfa. Skond il-​Liġi li Ġeħova ta lil Israel, l-​indafa u l-​qima kienu inseparabbli. Il-​Liġi kienet tgħid li f’Jum it-​Tpattija, il-​qassis il-​kbir kellu jinħasel mhux darba imma darbtejn. (Levitiku 16:4, 23, 24) Il-​qassisin li kienu jaqdu f’ċerimonji kellhom jaħslu idejhom u saqajhom qabel ma joffru sagrifiċċji lil Ġeħova. (Eżodu 30:17-21; 2 Kronaki 4:6) Il-​Liġi enfasizzat xi 70 tip taʼ nuqqas taʼ ndafa fiżika u tinġis ċerimonjali. Jekk Israeli kien ikun fi stat mhux nadif, ma setaʼ jieħu sehem f’ebda aspett tal-​qima—jekk jagħmel dan, setaʼ jingħata l-​kastig tal-​mewt. (Levitiku 15:31) Kulmin kien jirrifjuta li jgħaddi mill-​proċedura taʼ purifikazzjoni li kienet meħtieġa, inkluż li jaħsel ġismu u ħwejġu, kellu ‘jiġi maqtugħ minn nofs il-​kongregazzjoni.’—Numri 19:17-20.

7 Għalkemm aħna m’aħniex taħt il-​Liġi Mosajka, din tgħinna nifhmu kif jaħsibha Alla dwar ċerti kwistjonijiet. B’mod ċar, il-​Liġi enfasizzat li l-​indafa kienet ħtieġa għal dawk li kienu jqimu lil Alla. Ġeħova ma nbidilx. (Malakija 3:6) Il-​qima tagħna ma tistax tkun aċċettabbli għalih jekk ma tkunx “nadifa u bla tinġis.” (Ġakbu 1:27) Għalhekk, irridu nkunu nafu x’jistenna minna f’dan ir-​rigward.

X’JINVOLVI LI NKUNU NODFA F’GĦAJNEJN ALLA

8. F’liema aspetti jistenna li nibqgħu nodfa Ġeħova?

8 Fil-​Bibbja, l-​idea li individwu jkun nadif tfisser iktar minn indafa fiżika biss. L-​indafa f’għajnejn Alla tmiss l-​aspetti kollha taʼ ħajjitna. Ġeħova jistenna li nibqgħu nodfa f’erbaʼ aspetti bażiċi—spiritwalment, moralment, mentalment, u fiżikament. Ejja nikkunsidraw x’jinvolvi kull wieħed minn dawn.

9, 10. Xi jfisser li nibqgħu nodfa spiritwalment, u l-​Kristjani veri x’jevitaw?

9 L-​indafa spiritwali. Fi kliem sempliċi, li nibqgħu nodfa spiritwalment ifisser li ma nħalltux il-​qima vera maʼ dik falza. Meta l-​Israelin telqu minn Babilonja biex jerġgħu lura Ġerusalemm, kellhom jagħtu attenzjoni għal din it-​twissija ispirata: “Oħorġu minn hemmhekk, tmissu xejn li m’huwiex nadif; . . . ibqgħu nodfa.” (Isaija 52:11) L-​Israelin kienu qed jirritornaw f’pajjiżhom primarjament biex jirrestawraw il-​qima taʼ Ġeħova. Din il-​qima kellha tkun nadifa—mhux imtebbgħa b’tagħlim, prattiki, u drawwiet tar-​reliġjon Babiloniża li jġibu diżunur lil Alla.

10 Illum, aħna bħala Kristjani veri rridu noqogħdu attenti li ma nittebbgħux bil-​qima falza. (1 Korintin 10:21) L-​attenzjoni hija essenzjali f’dan ir-​rigward, għaliex l-​influwenza tar-​reliġjon falza tinsab kullimkien. F’ħafna pajjiżi, diversi tradizzjonijiet, attivitajiet, u ritwali huma konnessi mat-​tagħlim reliġjuż falz, bħat-​twemmin li xi ħaġa ġewwa fina tibqaʼ tgħix wara li mmutu. (Ekkleżjasti 9:5, 6, 10) Kristjani veri jevitaw drawwiet li jinvolvu twemmin reliġjuż falz.b M’aħniex se nħallu l-​pressjoni minn oħrajn iġġegħelna nikkompromettu l-​livelli tal-​Bibbja rigward il-​qima nadifa.—Atti 5:29.

11. L-​indafa morali x’tinvolvi, u għala huwa vitali li nibqgħu nodfa f’dan l-​aspett?

11 L-​indafa morali. Din tinkludi li nevitaw kwalunkwe tip taʼ immoralità sesswali sabiex nibqgħu nodfa moralment. (Efesin 5:5) Dan huwa vitali. Hekk kif se naraw fil-​kapitlu li jmiss taʼ dan il-​ktieb, sabiex nibqgħu fl-​imħabba t’Alla, irridu ‘naħarbu miż-​żína.’ Iż-​żienja li ma jindmux ‘mhux se jirtu s-​saltna t’Alla.’ (1 Korintin 6:9, 10, 18) F’għajnejn Alla, dawn l-​uħud huma fost dawk li huma “moqżieża fi ħmieġhom.” Jekk jonqsu milli jibqgħu nodfa moralment, “sehemhom ikun . . . it-​tieni mewt.”—Rivelazzjoni 21:8.

12, 13. X’konnessjoni hemm bejn il-​ħsibijiet u l-​azzjonijiet, u kif nistgħu nibqgħu nodfa mentalment?

12 L-​indafa mentali. Il-​ħsibijiet iwasslu għall-​azzjonijiet. Jekk f’moħħna u f’qalbna se nħallu l-​wisaʼ għal ħsibijiet ħżiena, illum jew għada se nsibu ruħna nagħmlu affarijiet maħmuġin. (Mattew 5:28; 15:18-20) Imma jekk nimlew moħħna bi ħsibijiet safjin u nodfa, nistgħu nkunu mqanqlin biex inżommu kondotta li hi nadifa. (Filippin 4:8) Kif nistgħu nibqgħu nodfa mentalment? Mod wieħed hu billi nevitaw kwalunkwe tip taʼ divertiment li jistaʼ jħammeġ il-​ħsibijiet tagħna.c Flimkien maʼ dan, nistgħu nimlew moħħna bi ħsibijiet nodfa billi nistudjaw il-​Kelma t’Alla regolarment.—Salm 19:8, 9.

13 Sabiex nibqgħu fl-​imħabba t’Alla, huwa essenzjali li nżommu lilna nfusna nodfa spiritwalment, moralment, u mentalment. Dawn l-​aspetti taʼ l-​indafa huma diskussi f’iktar dettall f’kapitli oħrajn taʼ din il-​pubblikazzjoni. Issa ejja neżaminaw ir-​rabaʼ aspett—l-​indafa fiżika.

KIF NISTGĦU NIBQGĦU NODFA FIŻIKAMENT?

14. L-​indafa fiżika għala m’hijiex sempliċement kwistjoni persunali?

14 L-​indafa fiżika tinvolvi li nżommu ġisimna u l-​ambjent taʼ madwarna nodfa. Hija ndafa bħal din kwistjoni persunali li m’għandhiex tikkonċerna lil ħaddieħor? Dan żgur li m’huwiex il-​każ għall-​aduraturi taʼ Ġeħova. Bħalma diġà rajna, l-​indafa fiżika tagħna tikkonċerna lil Ġeħova mhux biss għax hija taʼ benefiċċju għalina imma wkoll għaliex aħna nirriflettu fuqu. Aħseb dwar it-​tixbiha li ntużat fil-​bidu. Jekk tara tifel li dejjem maħmuġ jew żmattat, xi jġiegħlek taħseb dwar il-​ġenituri tiegħu? Ma rridux li xi ħaġa fid-​dehra tagħna jew fil-​mod taʼ ħajja tagħna ġġib tmaqdir fuq Missierna tas-​sema jew ittellef mill-​messaġġ li nippridkaw. Il-​Kelma t’Alla tgħid: “Bl-​ebda mod m’aħna noħolqu xi raġuni għal tfixkil, biex ħadd ma jsib xi jgħid fil-​ministeru tagħna; imma b’kull mod nirrikkmandaw lilna nfusna bħala ministri t’Alla.” (2 Korintin 6:3, 4) Allura, kif nistgħu nibqgħu nodfa fiżikament?

15, 16. Drawwiet tajbin taʼ ndafa x’jinkludu, u l-​ħwejjeġ tagħna f’liema kundizzjoni għandhom ikunu?

15 L-​indafa persunali u d-​dehra tagħna. Għalkemm il-​kulturi u l-​kundizzjonijiet t’għajxien ivarjaw minn pajjiż għall-​ieħor, ġeneralment nistgħu nsibu sapun u ilma biżżejjed biex ninħaslu regolarment u biex inkunu ċerti li kemm aħna kif ukoll uliedna huma nodfa. Drawwiet tajbin taʼ ndafa jinkludu li naħslu idejna bis-​sapun u bl-​ilma qabel ma nieklu jew immissu l-​ikel, wara li nkunu użajna t-​tojlit, u wara li nkunu ħsilna jew biddilna lil xi tarbija. Jekk naħslu idejna bis-​sapun u bl-​ilma nkunu nistgħu nevitaw il-​mard u anki nsalvaw il-​ħajjiet. Nistgħu nwaqqfu t-​tixrid taʼ viruses u batterji perikolużi, u b’hekk ngħinu lin-​nies jevitaw mard fl-​imsaren. F’pajjiżi fejn m’huwiex komuni li d-​djar ikunu mqabbdin maʼ sistema tad-​dranaġġ, forsi l-​ħmieġ jistaʼ jintradam taħt l-​art, bħalma kien isir f’Israel tal-​qedem.—Dewteronomju 23:12, 13.

16 Ħwejjiġna wkoll jirrikjedu ħasil regulari biex ikunu nodfa u preżentabbli. M’hemmx għalfejn li l-​ħwejjeġ taʼ Kristjan ikunu jqumu ħafna flus jew taʼ l-​aħħar moda, imma għandhom ikunu puliti, nodfa, u modesti. (1 Timotju 2:9, 10) Inkunu fejn inkunu, irridu li d-​dehra tagħna ‘ssebbaħ f’kollox it-​tagħlim t’Alla, is-​Salvatur tagħna.’—Titu 2:10.

17. Id-​dar u l-​ambjent taʼ madwarna għala għandhom ikunu nodfa u preżentabbli?

17 Darna u l-​ambjent taʼ madwarna. Id-​dar tagħna għandha mnejn m’hijiex impressjonanti jew lussuża, imma għandha tkun nadifa u preżentabbli skond kemm jippermettu ċ-​ċirkustanzi. Bl-​istess mod, jekk nużaw xi karozza biex immorru l-​laqgħat u fil-​ministeru taʼ l-​għalqa, nistgħu nagħmlu l-​almu tagħna biex inżommuha nadifa, ġewwa u barra. Ejja ma ninsewx li jekk inżommu d-​dar u l-​ambjent taʼ madwarna nodfa, dan ikun xiehda fih innifsu. Wara kollox, aħna ngħallmu lin-​nies li Ġeħova hu Alla nadif, li se ‘jeqred lil dawk li qed jeqirdu l-​art,’ u li s-​Saltna tiegħu dalwaqt se tbiddel l-​art fejn ngħixu f’ġenna. (Rivelazzjoni 11:18; Luqa 23:43) Żgur li rridu li d-​dehra taʼ darna u l-​affarijiet tagħna turi lil oħrajn li anki issa qed niżviluppaw drawwiet nodfa li se jkunu xierqa għad-​dinja l-​ġdida li riesqa.

18. Kif nistgħu nuru rispett għas-​Sala tas-​Saltna tagħna?

18 Il-​post fejn nagħtu qima. L-​imħabba tagħna għal Ġeħova tqanqalna biex nuru rispett għas-​Sala tas-​Saltna tagħna, ċentru taʼ qima vera fl-​inħawi. Meta wħud ġodda jiġu s-​sala, irridu li jkollhom impressjoni tajba tal-​post fejn niltaqgħu. Tindif u manutenzjoni regulari huma bżonnjużi sabiex inkunu ċerti li s-​sala tibqaʼ waħda li tiġbdek. Aħna nuru rispett għas-​Sala tas-​Saltna tagħna billi nagħmlu dak li nistgħu biex inżommuha f’kundizzjoni tajba. Huwa privileġġ li nagħtu mill-​ħin tagħna biex ngħinu fit-​tindif u f’li ‘nsewwu u nirranġaw’ il-​post fejn nagħtu qima. (2 Kronaki 34:10) L-​istess prinċipji japplikaw meta niltaqgħu f’xi Sala taʼ l-​Assemblea jew faċilità oħra għall-​assembleat jew il-​konvenzjonijiet.

NITNADDFU MINN DRAWWIET U PRATTIKI LI JNIĠĠSU

19. Sabiex inżommu ruħna nodfa fiżikament, xi rridu nevitaw, u l-​Bibbja kif tgħinna f’dan ir-​rigward?

19 Sabiex inżommu lilna nfusna nodfa fiżikament, irridu nevitaw drawwiet u prattiki li jniġġsu, bħat-​tipjip, l-​abbuż taʼ l-​alkoħol, u l-​użu mhux mediku taʼ sustanzi li jġegħluk tiddependi minnhom jew li jeffettwaw il-​moħħ. Il-​Bibbja ma ssemmix speċifikament id-​drawwiet u l-​prattiki mhux nodfa u diżgustanti li huma komuni llum, imma fiha prinċipji li jgħinuna nifhmu kif Ġeħova żgur iħossu dwar dawn l-​affarijiet. Minħabba li nafu kif Ġeħova jqis l-​affarijiet, l-​imħabba tagħna għalih tqanqalna biex naqbdu t-​triq li twassal għall-​approvazzjoni tiegħu. Ejja nikkunsidraw ħames prinċipji Skritturali.

20, 21. Ġeħova jridna nkunu ħelsin minn liema prattiki, u liema raġuni soda għandna biex nagħmlu dan?

20 “Maħbubin, ladarba għandna dawn il-​wegħdi ħa nitnaddfu minn kull tinġis tal-​laħam u taʼ l-​ispirtu, u nipperfezzjonaw il-​qdusija fil-​biżaʼ t’Alla.” (2 Korintin 7:1) Ġeħova jridna nkunu ħelsin minn prattiki li jħammġu l-​ġisem fiżiku tagħna u li jagħmlu l-​ħsara lill-​ispirtu tagħna, jew l-​inklinazzjoni mentali dominanti tagħna. Għalhekk, irridu nevitaw prattiki li jġegħluk tiddependi minnhom u li huma magħrufin bħala li huma taʼ ħsara għas-​saħħa fiżika u mentali.

21 Il-​Bibbja tagħti raġuni soda biex “nitnaddfu minn kull tinġis.” Innota li t-​2 Korintin 7:1 jibda billi jgħid: “Ladarba għandna dawn il-​wegħdi.” Liema wegħdi? Kif jissemma fil-​versi taʼ qabel, Ġeħova jwiegħed: “Jien nilqagħkom. U nkun missier għalikom.” (2 Korintin 6:17, 18) Immaġina ftit: Ġeħova jwiegħed li jżommok taħt il-​ħarsien protettiv tiegħu u li jħobbok bħalma missier iħobb lil ibnu jew lil bintu. Imma Ġeħova se jwettaq dawn il-​wegħdi biss jekk int tevita tinġis “tal-​laħam u taʼ l-​ispirtu.” Għalhekk, kemm tkun bluha li tħalli kwalunkwe drawwa jew prattika diżgustanti tisraqlek relazzjoni maʼ Ġeħova tant prezzjuża u mill-​qrib bħal din!

22-25. Liema prinċipji Skritturali jistgħu jgħinuna nevitaw drawwiet u prattiki mhux nodfa?

22 “Ħobb lil Ġeħova Alla tiegħek b’qalbek kollha u b’ruħek kollha u b’moħħok kollu.” (Mattew 22:37) Ġesù għażel dan il-​kmandament bħala li hu l-​akbar wieħed. (Mattew 22:38) Ġeħova jistħoqqlu mħabba bħal din mingħandna. Sabiex inħobbuh b’qalbna, b’ruħna, u b’moħħna kollu, irridu nevitaw prattiki li jistgħu jqassrulna ħajjitna jew iċajpru l-​abbiltajiet tal-​ħsieb li tana Alla.

23 “[Ġeħova] jagħti lil kulħadd il-​ħajja u n-​nifs u kollox.” (Atti 17:24, 25) Il-​ħajja hija għotja mingħand Alla. Aħna nħobbu lid-​Donatur, u għalhekk irridu nuru rispett għal din l-​għotja. Aħna nwarrbu kwalunkwe drawwiet jew prattiki li jistgħu jagħmlu l-​ħsara lis-​saħħa tagħna, għax aħna nagħrfu li dawn il-​prattiki juru nuqqas taʼ rispett kbir għall-​għotja tal-​ħajja.—Salm 36:9.

24 “Ħobb lill-​proxxmu tiegħek bħalek innifsek.” (Mattew 22:39) Drawwiet u prattiki mhux nodfa spiss jeffettwaw mhux biss lil dak li jagħmilhom imma wkoll lil dawk taʼ madwaru. Per eżempju, dawk li jpejpu jistgħu jagħmlu l-​ħsara lil dawk li ma jpejpux. Individwu li jweġġaʼ lil dawk taʼ madwaru jkun qed jikser il-​kmand t’Alla li nħobbu lill-​proxxmu. Ikun qed juri wkoll li mhux veru jħobb lil Alla.—1 Ġwanni 4:20, 21.

25 “Kunu sottomessi u ubbidjenti lejn il-​gvernijiet u l-​awtoritajiet bħala ħakkiema.” (Titu 3:1) F’ħafna pajjiżi, il-​fatt li jkollok jew tuża ċerti drogi huwa ksur tal-​liġi. Bħala Kristjani veri, aħna la jkollna u lanqas nużaw drogi illegali.—Rumani 13:1.

26. (a) Sabiex nibqgħu fl-​imħabba t’Alla, xi rridu nagħmlu? (b) Li nibqgħu nodfa għala huwa l-​aqwa mod taʼ ħajja f’għajnejn Alla?

26 Sabiex nibqgħu fl-​imħabba t’Alla, irridu nibqgħu nodfa, mhux f’aspett jew tnejn biss, imma fl-​aspetti kollha. Jistaʼ ma jkunx faċli li nabbandunaw u nżommu ’l bogħod minn drawwiet u prattiki li jniġġsu, imma huwa possibbli.d Fir-​realtà, m’hemmx mod aħjar kif ngħixu ħajjitna, għax Ġeħova dejjem jgħallimna għall-​ġid tagħna stess. (Isaija 48:17) Fuq kollox, billi nibqgħu nodfa jistaʼ jkollna s-​sodisfazzjon li jiġi milli nkunu nafu li qed nirriflettu sew fuq l-​Alla li nħobbu, u b’hekk nibqgħu fl-​imħabba tiegħu.

[Noti taʼ taħt]

a Il-kelma Ebrajka tradotta “nadif” ma tiddeskrivix biss l-​indafa fiżika imma wkoll l-​indafa morali jew spiritwali.

b Ara Kapitlu 13 taʼ dan il-​ktieb għal diskussjoni dwar ċelebrazzjonijiet u drawwiet speċifiċi li l-​Kristjani veri jevitaw.

c Kapitlu 6 taʼ dan il-​ktieb jitkellem dwar kif nistgħu nagħżlu divertiment bnin.

d Ara l-​kaxxi “Qiegħed Nissielet Biex Nagħmel Dak li Hu Tajjeb?” f’paġna 94, u “Għal Alla Kollox Hu Possibbli,” hawn fuq.

[Kaxxa/Stampa f’paġna 94]

QIEGĦED NISSIELET BIEX NAGĦMEL DAK LI HU TAJJEB?

Prinċipju: “Insawwat lil ġismi u njassru, sabiex, wara li nkun ippridkajt lil oħrajn, jien stess ma niġix diżapprovat b’xi mod.”—1 Korintin 9:27.

Xi mistoqsijiet biex tistaqsi lilek innifsek

▪ Hekk kif inħoss dik ix-​xewqa kbira biex ninvolvi ruħi f’xi drawwa maħmuġa, nitlob jien għall-​ispirtu t’Alla biex jgħinni nirreżisti l-​ġibda li jkolli?—Mattew 6:13.

▪ In-​nies li nissieħeb magħhom, il-​films li nara, u l-​mużika li nismaʼ kif jeffettwaw id-​determinazzjoni tiegħi biex nibqaʼ ħieles minn drawwiet ħżiena? —1 Pietru 4:3, 4.

▪ It-​twettiq t’għemejjel tajbin għala ma jiġġustifikax kondotta midinba?—Mattew 23:25-28.

▪ Għala lest li nbati bl-​istess mod li bata Ġesù talli għamel ir-​rieda t’Alla?—1 Pietru 2:21; 4:1.

▪ Kif nispjega lil xi ħadd għala nagħżel li ma npejjipx?—Rumani 12:1, 2.

▪ Nifhem li jekk temporanjament nonqos fl-​isforzi tiegħi biex nevita xi prattika mhix nadifa ma jfissirx li fallejt kompletament?—Rumani 7:21-25.

[Kaxxa/Stampa f’paġna 96]

“GĦAL ALLA KOLLOX HU POSSIBBLI”

Helene tgħid: “Fl-​età taʼ 15-il sena kont qed inpejjep is-​sigaretti kuljum u nixrob l-​alkoħol maʼ sħabi fi tmiem il-​ġimgħa. Maż-​żmien, għalkemm issa kont qed irrabbi tlett itfal waħdi, sirt niddependi mill-​kokaina. Ħajti tħarbtet. Madankollu, bdejt nistudja l-​Bibbja, u bl-​għajnuna taʼ Ġeħova, bdejt ngħix ħajja nadifa moralment u għelibt il-​vizzji kollha li kelli. Verament kien taʼ sfida, speċjalment biex naqtaʼ l-​kokaina. Naħseb li kien ikun impossibbli li nagħmel dawn il-​bidliet waħdi. Imma issa nistaʼ verament ngħid li f’ħajti rajt kemm huwa minnu l-​kliem taʼ Ġesù: ‘Għal Alla kollox hu possibbli.’”—Mattew 19:26.

[Nota taʼ taħt]

e L-​isem ġie mibdul.

[Stampi f’paġna 91]

L-​indafa fiżika tinvolvi li nżommu ġisimna u l-​ambjent taʼ madwarna nodfa

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja