LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • be studju 50 p. 258-p. 262 para. 4
  • Sforz Biex Tintlaħaq il-​Qalb

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Sforz Biex Tintlaħaq il-​Qalb
  • Ibbenefika mill-Edukazzjoni tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku
  • Materjal Simili
  • Agħmel sforz biex tilħaq il-qalb
    Irsisti fil-qari u t-tagħlim
  • Kif nilħqu l-qalb tal-istudenti tagħna
    Il-Ministeru tas-Saltna—2015
  • Żviluppa l-Abbiltà Bħala Għalliem
    Ibbenefika mill-Edukazzjoni tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku
  • Il-​Messaġġ li Għandna Nxandru
    Ibbenefika mill-Edukazzjoni tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku
Ara Iżjed
Ibbenefika mill-Edukazzjoni tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku
be studju 50 p. 258-p. 262 para. 4

STUDJU 50

Sforz Biex Tintlaħaq il-​Qalb

X’hemm bżonn tagħmel?

Ikkunsidra kif iħossuhom in-​nies dwar il-​kwistjonijiet li jkunu qed jiġu diskussi. Għinhom jiżviluppaw sentimenti u motivazzjonijiet li se jwassluhom biex jersqu qrib lejn Alla u jsiru l-​ħbieb tiegħu.

Għala importanti?

Jekk iridu jogħġbu lil Ġeħova, in-​nies irid ikollhom il-​Kelma taʼ Alla mnaqqxa fis-​sod f’qalbhom.

MINBARRA li tagħti xhieda lin-​nies, trid tagħmel sforz biex tilħqilhom qalbhom. Fil-​Bibbja, il-​qalb spiss tkun f’kuntrast maʼ dak li individwu jidher li hu minn barra. Il-​qalb figurattiva tirrappreżenta dak li individwu jkun minn ġewwa—kif iħossu, dak kollu li jaħseb dwaru, għala jaħseb dwaru, u kif dawk il-​ħsibijiet jeffettwaw l-​azzjonijiet tiegħu. Huwa f’din il-​qalb figurattiva li tinżeraʼ ż-​żerriegħa tal-​verità. (Mt. 13:19) U hu mill-​qalb li għandha tiġi l-​ubbidjenza lejn Alla.—Prov. 3:1; Rum. 6:17.

Biex it-​tagħlim tiegħek jinżel daqshekk fil-​fond, iffoka fuq dawn il-​miri: (1) Agħraf dak li diġà effettwa l-​qalb tas-​semmiegħ tiegħek. (2) Saħħaħ il-​kwalitajiet pożittivi bħall-​imħabba u l-​biżaʼ minn Alla. (3) Ħeġġeġ lis-​semmiegħ tiegħek biex janalizza l-​motivi ġewwinin tiegħu ħalli jkun jistaʼ jogħġob lil Ġeħova għalkollox.

Uża d-​Dixxerniment. Ir-​raġunijiet għala n-​nies għadhom m’aċċettawx il-​verità jvarjaw. Meta tikkonduċi studju tal-​Bibbja fid-​dar, għandek mnejn ikollok tneħħi l-​preġudizzju u tipprovdi fatti li jeliminaw l-​ideat żbaljati li jkollu l-​istudent, jew jistaʼ jkollok sempliċement tagħti l-​provi. Staqsi lilek innifsek: ‘Dan l-​individwu jaf li bħala bniedem għandu bżonnijiet spiritwali? X’jemmen diġà? X’ma jemminx? Għala wasal għal dawn il-​konklużjonijiet? Għandu bżonn l-​għajnuna biex jegħleb xewqat li jistgħu jżommuh milli jaċċetta r-​responsabbiltajiet li jġib miegħu l-​għarfien tal-​verità?’

Mhux dejjem ikun faċli li tiskopri għala n-​nies jemmnu dak li jemmnu. Proverbji 20:5 jgħid: “Il-​ħsieb f’qalb il-​bniedem hu bħal ilmijiet fondi, imma min għandu d-​dixxerniment se jtellgħu.” Id-​dixxerniment hu l-​abbiltà li wieħed jifhem dak li ma jidhirx mill-​ewwel. Dan jeħtieġ osservazzjoni bir-​reqqa u attitudni taʼ qalb tajba.

Il-​komunikazzjoni ma ssirx kollha b’mod verbali. Ċertu suġġett jistaʼ jipproduċi bidla fl-​espressjoni tal-​wiċċ tal-​istudent jew fit-​ton taʼ leħnu. Jekk int ġenitur, żgur tirrealizza li bidla fl-​imġiba taʼ wliedek tistaʼ tindika li qed jirreaġixxu għal influwenza ġdida f’ħajjithom. Tinjorax dawn is-​sinjali. Dawn l-​affarijiet jagħtuk ħjiel taʼ x’għandhom f’qalbhom.

Mistoqsijiet magħżulin sew jistgħu jgħinuk toħroġ dak li jkun hemm f’qalb l-​individwu. Tistaʼ tistaqsi: “Kif tħossok dwar . . . ?” “Xi kkonvinċiek li . . . ?” “Kif tirreaġixxi kieku . . . ?” Però, oqgħod attent li ma tibbombardjax lin-​nies bil-​mistoqsijiet. Forsi bit-​tattika tistaʼ tgħid hekk qabel il-​mistoqsijiet tiegħek, “Jimporta jekk nistaqsik . . . ?” Hija biċċa xogħol iebsa li tiskopri x’hemm fil-​qalb u ma tistax tgħaġġilha. Ġeneralment, trid tibni l-​fiduċja tul perijodu taʼ żmien qabel ma l-​individwu jkun lest li jikxef l-​iktar sentimenti ġewwinin tiegħu. Anki meta jirnexxilek, trid toqgħod attent li l-​individwu ma jħossux li qed tistaqsi dwar affarijiet li mhumiex affari tiegħek.—1 Pt. 4:15.

Il-​mod kif tirreaġixxi għal dak li tismaʼ wkoll jeħtieġ id-​dixxerniment. Ftakar li l-​mira tiegħek hi li tifhem lin-​nies ħalli tkun tistaʼ tiddetermina liema informazzjoni bbażata fuq il-​Bibbja x’aktarx li se tqanqalhom. Rażżan malajr kwalunkwe xewqa li tikxef l-​iżbalji fl-​opinjoni tagħhom. Minflok, oqgħod attent li tagħraf is-​sentimenti li hemm wara l-​kliem. Imbagħad se tkun taf kif għandek twieġeb; u se jkun hemm iktar ċans li l-​istudent tiegħek, minħabba li jħossu mifhum, jieħu bis-​serjetà dak li tgħid int.—Prov. 16:23.

Sa ċertu punt, tistaʼ tqanqal lil individwi anki meta tkun qed tindirizza grupp kbir. Jekk ikollok kuntatt tajjeb mal-​udjenza, toqgħod attent għall-​espressjonijiet taʼ wiċċhom, u tistaqsi mistoqsijiet rettoriċi li jqanqluhom jaħsbu, x’aktarx li se tibda tifhem kif iħossuhom is-​semmiegħa tiegħek dwar dak li qed tgħid. Jekk taf sew lil dawk fl-​udjenza tiegħek, uri konsiderazzjoni lejn iċ-​ċirkustanzi tagħhom. Qis l-​attitudni ġenerali taʼ dawk fil-​kongregazzjoni hekk kif tirraġuna magħhom mill-​Kelma taʼ Alla.—Gal. 6:18.

Qanqal Sentimenti taʼ Ġid. Wara li tkun bdejt tifhem x’jemmen individwu, x’ma jemminx, u għala, se tkun tistaʼ tibni fuq din l-​informazzjoni. Wara l-​irxoxt tiegħu, Ġesù mess il-​qalb tad-​dixxipli tiegħu billi ‘spjegalhom ċar l-​Iskrittura’ rigward il-​ġrajjiet li kienu għadhom kif seħħew. (Lq. 24:32) Int ukoll għandek tistinka biex tagħmel konnessjoni bejn dak li għadda minnu individwu, dak li jixxennaq għalih, u dak li jara fil-​Kelma taʼ Alla. Qalb student se tintlaqat b’mod li hu taʼ ġid meta jirrealizza biċ-​ċar li “Din hi L-​VERITÀ!”

Meta tenfasizza t-​tjubija, l-​imħabba, il-​qalb tajba mhix mistħoqqa, u l-​ġustizzja tal-​mogħdijiet taʼ Ġeħova, int tgħin lil dawk li tgħallem biex ikabbru l-​imħabba tagħhom għal Alla. Meta tieħu l-​ħin biex turi lis-​semmiegħa tiegħek il-​kwalitajiet mill-​aqwa li Alla jara fihom bħala individwi, int tagħtihom għal xiex jemmnu li huwa possibbli li jkollhom relazzjoni persunali miegħu. Dan tistaʼ tagħmlu permezz tal-​meditazzjoni fuq skritturi bħal Salm 139:1-​3, Luqa 21:1-​4, u Ġwanni 6:44 u billi tgħin lill-​istudenti tiegħek jifhmu kemm hi b’saħħitha r-​rabta bl-​imħabba li għandu Ġeħova mal-​qaddejja leali tiegħu. (Rum. 8:38, 39) Spjega li Ġeħova ma jarax biss l-​iżbalji tagħna u li hu jara l-​ħajja tagħna kollha, iż-​żelu tagħna għall-​qima pura, u l-​imħabba tagħna għal ismu. (2 Kron. 19:2, 3; Ebr. 6:10) Hu jiftakar anki dettalji żgħar dwar kif aħna magħmulin bħala individwi, u b’mod tal-​għaġeb se jerġaʼ jagħti l-​ħajja lil “dawk kollha li qegħdin fl-​oqbra tat-​tifkira.” (Ġw. 5:28, 29; Lq. 12:6, 7) Ladarba l-​bnedmin huma maħluqin fuq ix-​xbieha u s-​sura taʼ Alla, diskussjoni tal-​kwalitajiet tiegħu spiss tqanqal tweġiba favorevoli mill-​qalb tal-​individwu.—Ġen. 1:27.

Il-​qalb tistaʼ tintlaħaq ukoll meta individwu jitgħallem iħares lejn l-​oħrajn bħalma jħares lejhom Ġeħova. Huwa loġiku li jekk Alla juri interess teneru fina bħala individwi, hu juri l-​istess konsiderazzjoni lejn oħrajn, minkejja l-​isfond, in-​nazzjonalità, jew ir-​razza tagħhom. (Atti 10:34, 35) Ladarba individwu jasal għal konklużjoni bħal din, ikun hemm bażi soda għalih biex jelimina l-​mibegħda u l-​preġudizzju minn qalbu. Dan se jippermettilu jingwalaha maʼ oħrajn bil-​paċi hekk kif jitgħallem jagħmel ir-​rieda divina.

Il-​biżaʼ minn Alla huwa sentiment ieħor li għandek tgħin lil oħrajn jikkultivaw. (Salm 111:10; Riv. 14:6, 7) Riverenza, jew biżaʼ minn Alla, profonda bħal din tistaʼ tqanqal lil individwu biex jikseb dak li ma jistax ikun possibbli bis-​saħħa tiegħu stess. Int tistaʼ tgħin lil oħrajn jiżviluppaw biżaʼ bnin li ma jogħġbux lill-​Ħallieq billi tiddiskuti l-​għemejjel tal-​għaġeb taʼ Ġeħova u l-​qalb tajba bl-​imħabba straordinarja tiegħu.—Salm 66:5; Ġer. 32:40.

Kun ċert li s-​semmiegħa tiegħek jifhmu li l-​imġiba tagħhom hi importanti għal Ġeħova. Hu jħoss, u bil-​mod kif inwieġbu għad-​direzzjoni tiegħu, aħna nistgħu nnikktuh jew inferrħuh. (Salm 78:40-​42) Uri lin-​nies għala l-​imġiba persunali tagħhom tagħmel differenza fit-​tweġiba tal-​isfida taʼ Satana lil Alla.—Prov. 27:11.

Għin lil dawk fl-​udjenza jaraw li hu taʼ ġid għalihom li jilħqu l-​ħtiġijiet taʼ Alla. (Is. 48:17) Mod wieħed kif dan jistaʼ jsir hu billi jintwera liema huma l-​konsegwenzi fiżiċi u emozzjonali taʼ meta wieħed jiċħad l-​għerf taʼ Alla, anki għal ftit ħin. Spjega kif id-​dnub ibegħedna minn Alla, iċaħħad lil oħrajn mill-​opportunità li jitgħallmu l-​verità mingħandna, u jinjora d-​drittijiet tagħhom b’modi oħrajn. (1 Tess. 4:6) Għin lill-​udjenza tiegħek tgħożż il-​barkiet li tgawdi diġà minħabba li żżomm mal-​liġijiet taʼ Alla. Saħħaħ l-​apprezzament għall-​fatt li meta nimxu mal-​mogħdijiet ġusti taʼ Ġeħova neħilsu minn ħafna inkwiet. Ladarba individwu jkollu fidi fl-​għerf tal-​għemejjel taʼ Alla, hu se jistmerr kull triq li tmur kontrihom. (Salm 119:104) Se jħares lejn l-​ubbidjenza bħala mod kif jesprimi d-​devozzjoni bl-​imħabba tiegħu lejn Ġeħova bħala individwu u mhux bħala piż.

Kif Tgħin lil Oħrajn Jeżaminaw Lilhom Infushom. Biex ikomplu jikbru spiritwalment, in-​nies għandhom bżonn iwieġbu għal dak li għandhom f’qalbhom. Spjega kif il-​Bibbja tistaʼ tgħinhom jagħmlu dan.

Għin lis-​semmiegħa tiegħek jirrealizzaw li l-​Bibbja hi iktar minn sempliċi rakkont miktub taʼ kmandamenti, pariri, ġrajjiet storiċi, u profeziji. Din tikxef ukoll kif jaħsibha Alla. F’​Ġakbu 1:22-​25, il-​Kelma taʼ Alla tiġi mqabbla maʼ mera. Bil-​mod kif nirreaġixxu għal dak li jgħid il-​messaġġ tal-​Bibbja u għall-​mod kif Ġeħova jwettaq l-​iskop tiegħu, jintwera x’hemm f’qalbna. Għalhekk, juri kif jarana Alla, il-​wieħed li “jeżamina l-​qlub.” (Prov. 17:3) Inkuraġġixxi lis-​semmiegħa tiegħek biex iżommu dan f’moħħhom. Ħeġġiġhom jimmeditaw fuq dak li Alla ħażen għalina fir-​rakkont tal-​Bibbja u liema aġġustamenti forsi jridu jagħmlu f’ħajjithom ħalli jkunu jistgħu jogħġbuh iktar. Għinhom iħarsu lejn il-​qari tal-​Bibbja bħala mezz biex jifhmu kif Ġeħova jqis “il-​ħsibijiet u l-​intenzjonijiet tal-​qalb” tagħhom ħalli jkunu jistgħu jikkooperaw maʼ Alla biex jagħmlu kwalunkwe bidla neċessarja.—Ebr. 4:12; Rum. 15:4.

Xi studenti tal-​Bibbja forsi jkunu jridu jaġixxu fuq dak li jitgħallmu; però huma jinkwetaw dwar dak li se jaħseb ħaddieħor. Forsi jkunu qed jiġġieldu kontra ċerti xewqat tal-​laħam qawwijin. Jew forsi jkunu qed jiġġustifikaw ruħhom biex isibu mod kif jaqdu lil Alla waqt li jibqgħu marbutin maʼ prattiki tad-​dinja. Semmi l-​perikli taʼ attitudni indeċiża bħal din. (1 Slat. 18:21) Ħeġġiġhom jitolbu lil Alla biex jeżamina u jirfina lil qalbhom.—Salm 26:2; 139:23, 24.

Urihom li Ġeħova jifhem il-​ġlieda tagħhom u li l-​Bibbja tispjega x’inhu jiġri. (Rum. 7:22, 23) Għinhom joqogħdu attenti ħalli ma jħallux l-​inklinazzjonijiet taʼ qalb imperfetta jiddominaw.—Prov. 3:5, 6; 28:26; Ġer. 17:9, 10.

Ħeġġeġ lil kull individwu biex janalizza l-​motivi għala jagħmel dak li jagħmel. Għallmu jistaqsi lilu nnifsu: ‘Għala rrid nagħmel dan? B’dan li se nagħmel se nuri lil Ġeħova li tassew napprezza dak kollu li għamel għalija?’ Stinka biex issaħħaħ il-​konvinzjoni li relazzjoni approvata maʼ Ġeħova hija l-​iktar vantaġġ taʼ valur li wieħed jistaʼ jkollu.

Għin lill-​udjenza tiegħek tifhem xi jfisser li wieħed jaqdi lil Ġeħova ‘b’qalbu kollha.’ (Lq. 10:27) Dan ifisser li s-​sentimenti, ix-​xewqat, u l-​motivi kollha jridu jkunu fi qbil mal-​mogħdijiet taʼ Ġeħova. Għalhekk, għallem lis-​semmiegħa tiegħek biex janalizzaw mhux biss dak li jagħmlu imma wkoll kif iħossuhom dwar il-​ħtiġijiet taʼ Alla u x’inhuma l-​motivi tagħhom għala jaqduh. (Salm 37:4) Hekk kif l-​istudenti tiegħek jindunaw b’aspetti fejn hemm bżonn titjib, ħeġġiġhom jitolbu lil Ġeħova: “Agħtini qalb sħiħa biex nibżaʼ minn ismek.”—Salm 86:11.

Meta student jiżviluppa relazzjoni persunali maʼ Ġeħova, hu jobdi lil Alla minħabba l-​fidi u mhux sempliċement minħabba li tħeġġu int biex jagħmel dan. Imbagħad hu, minn jeddu, se jkompli ‘jaċċerta ruħu dwar x’inhu aċċettabbli għall-​Mulej.’ (Efes. 5:10; Flp. 2:12) Lil Ġeħova togħġbu ubbidjenza mill-​qalb bħal din.—Prov. 23:15.

Żomm f’moħħok li Ġeħova hu l-​wieħed li jiżen il-​qlub u jiġbed lin-​nies f’relazzjoni miegħu. (Prov. 21:2; Ġw. 6:44) L-​irwol tagħna hu wieħed taʼ kooperazzjoni. (1 Kor. 3:9) Hu “bħallikieku Alla qed jitlob bil-​ħrara permezz tagħna.” (2 Kor. 5:20; Atti 16:14) Ġeħova ma jisforza lil ħadd biex jaċċetta l-​verità, imma meta aħna nużaw l-​Iskrittura, hu jistaʼ jgħin lis-​semmiegħa tagħna jirrealizzaw li dak li qed jisimgħu hu tweġiba għall-​mistoqsijiet tagħhom—jew għat-​talb tagħhom. Żomm dan f’moħħok meta jkollok l-​opportunità tgħallem lil oħrajn, u itlob lil Ġeħova bil-​ħeġġa għall-​gwida u l-​għajnuna tiegħu.—1 Kron. 29:18, 19; Efes. 1:16-​18.

KIF TITJIEB

  • Uri mħabba ġenwina.

  • Agħraf x’influwenza qalb is-​semmiegħ tiegħek.

  • Enfasizza l-​kwalitajiet meraviljużi taʼ Ġeħova.

  • Għin lis-​semmiegħa jifhmu kif għandhom jagħmlu

    analisi tal-​motivi tagħhom u jirfinawhom.

TAĦRIĠ: (1) Aqra Mattew 6:21, u analizza kif dan il-​vers japplika f’ħajtek. Aqra wkoll Mattew 6 versi 19 u 20, u kkunsidra liema aġġustamenti qalbek tqanqlek tagħmel. (2) Analizza x’qanqlek tibda taqdi lil Ġeħova. Xi jqanqlek bħalissa? Liema motivazzjonijiet li jogħġbu lil Ġeħova tixtieq issaħħaħ?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja