“Kunu Mħeġġin bl-Ispirtu”
1. Liema karatteristika għandha tispikka fl-ippritkar tagħna?
1 L-ebda aspett tas-servizz Kristjan tagħna m’għandu jsir bla ħajja. Minflok, aħna inkuraġġiti biex ‘inkunu mħeġġin bl-ispirtu’ u ‘nitjassru għal Ġeħova.’ (Rum. 12:11) Madankollu, hemm ħafna affarijiet li jistgħu jnaqqsu ż-żelu tagħna għall-ministeru. Kif nistgħu ‘nkebbsu bħan-nar’ iż-żelu u l-entużjażmu tagħna għas-servizz tas-Saltna?—2 Tim. 1:6, 7.
2. X’relazzjoni hemm bejn l-istudju persunali tal-Bibbja u ż-żelu fil-ministeru?
2 Studju tal-Bibbja Persunali: Predikatur tas-Saltna effettiv huwa individwu li jħobb il-liġi t’Alla u li jiġi tassew imqanqal mill-veritajiet li hemm fiha. (Salm 119:97) Meta nitgħallmu veritajiet tal-Bibbja waqt l-istudju persunali, qlubna jitqanqlu u ż-żelu tagħna jiżdied. L-imħabba għall-Wieħed li jipprovdi veritajiet bħal dawn u x-xewqa tagħna biex naqsmu l-aħbar tajba m’oħrajn jimmotivawna biex infaħħru lil Alla u biex nistqarru ismu pubblikament. (Ebr. 13:15) B’mod ċar, jekk nippreżentaw l-aħbar tajba bil-ħeġġa nkunu qed nirriflettu l-apprezzament profond tagħna għall-valur tagħha.
3. L-ispirtu t’Alla kif jistaʼ jeffettwa l-ministeru tagħna?
3 Itlob għal-Ispirtu t’Alla: Ministeru effettiv ma jitwettaqx bis-saħħa tagħna stess. Jekk l-ispirtu t’Alla ma jiġix imfixkel, ikollna żelu ġenwin. (1 Pt. 4:11) Jekk nersqu eqreb lejn is-Sors “t’enerġija attiva,” niksbu s-saħħa spiritwali biex nagħtu xhieda bla biżaʼ. (Is. 40:26, 29-31) Meta l-appostlu Pawlu ffaċċja oppożizzjoni fil-ministeru tiegħu hu ffaċċjaha ‘bl-għajnuna li kiseb mingħand Alla.’ (Atti 26:21, 22) L-ispirtu qaddis taʼ Ġeħova li jqawwina jistaʼ jgħinna biex inkunu mħeġġin fil-ministeru, allura rridu nitolbu għalih.—Lq. 11:9-13.
4. Iż-żelu jistaʼ jwassal għal liema riżultati tajbin, iżda minn xiex irridu noqogħdu attenti?
4 Żelu kbir għall-ippritkar tas-Saltna ħafna drabi jkabbar iż-żelu fost sħabna l-Kristjani. (2 Kor. 9:2) Fit-territorju, in-nies x’aktarx li se jwieġbu iktar għal messaġġ li jiġi preżentat b’entużjażmu u b’konvinzjoni. Madankollu, flimkien maż-żelu dejjem għandna nuru t-tattika u l-ħlewwa. (Titu 3:2) Dejjem għandna nirrispettaw id-dinjità tal-inkwilin u l-libertà tal-għażla tiegħu.
5. Liema parir ispirat għandna nistinkaw biex napplikaw?
5 Bħala proklamaturi tas-Saltna, jalla dejjem ‘inkunu mħeġġin bl-ispirtu.’ Ejjew nikkultivaw iż-żelu permezz tal-istudju persunali tal-Bibbja u t-talb bil-ħerqa lil Ġeħova, il-wieħed li jistaʼ jimliena bl-ispirtu qaddis tant qawwi. B’dan il-mod, nistgħu nwettqu l-ministeru tagħna biż-żelu, “bl-ispirtu qaddis u b’konvinzjoni sħiħa.”—1 Tess. 1:5.