Matul dan l-istaġun tat-Tifkira, se timita ż-żelu taʼ Ġeħova u Ġesù?
1. Xi sforz speċjali jagħmlu x-Xhieda taʼ Ġeħova matul l-istaġun tat-Tifkira?
1 Ġeħova jwettaq l-iskop tiegħu b’żelu. Meta rrefera għal xi barkiet tas-Saltna t’Alla, Isaija qal li ż-“żelu taʼ Ġeħova taʼ l-armati se jagħmel dan.” (Is. 9:7) B’mod simili, matul il-ministeru tal-Iben t’Alla fuq l-art, Ġesù wera kemm kien żeluż għall-qima vera. (Ġw. 2:13-17; 4:34) Kull sena matul l-istaġun tat-Tifkira, miljuni taʼ pubblikaturi madwar id-dinja kollha jagħmlu sforz speċjali biex jimitaw iż-żelu taʼ Ġeħova u Ġesù billi jżidu l-attività tagħhom fil-ministeru. Int se tkun fosthom?
2. Iż-żelu x’se jimmotivana nagħmlu mis-7 taʼ Marzu?
2 Ħu sehem fil-kampanja tat-Tifkira: Il-kampanja tat-Tifkira taʼ din is-sena se tibda nhar is-Sibt, 7 taʼ Marzu. Ippjana minn issa biex ikollok sehem żeluż fil-ministeru. Il-kongregazzjonijiet se jkunu mimlijin eċċitament hekk kif ikunu attivi f’li jkopru kemm jistaʼ jkun mit-territorju tagħhom. Agħmel sforz kbir biex tistieden l-istudenti tiegħek tal-Bibbja, dawk li tagħmlilhom żjajjar lura, kollegi, qraba, u tal-iskola billi tagħtihom invit jew billi tuża l-Websajt jw.org.
3. Kif nistgħu nżidu fil-ministeru tagħna matul Marzu u April?
3 Aqdi bħala pijunier awżiljarju: Iż-żelu se jimmotivana wkoll biex inkabbru l-ministeru tagħna. Żgur li ħafna se jkunu jistgħu jaqdu bħala pijunieri awżiljarji matul Marzu u April, ladarba se jkollna l-għażla li nagħmlu 30 siegħa. Matul il-qima bħala familja jew l-studju persunali, ikkunsidra kif tistaʼ tagħmel dan u itlob dwaru. (Prov. 15:22) L-entużjażmu tiegħek għal din il-kampanja jistaʼ jqanqal lil oħrajn biex ikunu żelużi fil-ministeru. Jekk tagħmel aġġustamenti persunali sabiex tkun tistaʼ tagħmel iktar, se tkun qed timita ż-żelu taʼ Ġesù.—Mk. 6:31-34.
4. X’barkiet ikollna meta nimitaw iż-żelu taʼ Ġeħova u Ġesù?
4 Meta nimitaw iż-żelu taʼ Ġeħova u Ġesù matul dan l-istaġun tat-Tifkira, dan iġib barkiet kbar. Se jkun hemm ħafna iktar min jieħu xhieda fit-territorju. Se nesperjenzaw il-ferħ u s-sodisfazzjon li jiġu milli naqdu lil Ġeħova u milli nagħtu lil oħrajn. (Atti 20:35) L-iktar importanti hu li nogħġbu ’l Alla li hu żeluż u ’l Ibnu.