Ippjana Issa Biex Tkabbar il-Ministeru Tiegħek
1. X’hemm importanti dwar l-istaġun tat-Tifkira, u kif nistgħu nippreparaw għalih?
1 Kull staġun tat-Tifkira jagħtina opportunitajiet ġodda biex ‘infaħħru ħafna lil Ġeħova.’ (Salm 109:30) Se tkabbar int il-ministeru tiegħek matul ix-xahar taʼ Marzu bħala mod kif turi apprezzament lejn Alla li pprovda l-fidwa? Issa huwa ż-żmien biex tibda tagħmel il-pjanijiet.—Prov. 21:5.
2. Int u oħrajn, kif wiġibtu meta sirtu tafu li kien possibbli li taqdu bħala pijunieri awżiljarji b’inqas sigħat f’April tas-sena l-oħra?
2 Ix-Xogħol taʼ Pijunier Awżiljarju: Is-sena l-oħra kien hemm eċċitament kbir fil-kongregazzjonijiet meta l-aħwa saru jafu li kien possibbli li jkunu pijunieri awżiljarji b’inqas sigħat fix-xahar t’April. Ħu kiteb: “Għadni l-iskola, u m’għandix ħin biex naqdi bħala pijunier regulari. Imma se napplika għal 30 siegħa u nagħmel ħilti biex nagħmel 50 siegħa matul ix-xahar t’April.” Oħt li taħdem full-time kitbet: “Tletin siegħa—dan hu tassew faċli biex tagħmlu!” Meta sar dan l-avviż, oħt li qabel kienet pijuniera u li issa għandha fuq it-tmenin sena, qalet: “Dan kien il-mument li kont qed nistenna! Ġeħova kien jaf li meta kont pijuniera kien l-aqwa żmien taʼ ħajti!” Oħrajn li ma setgħux jagħmlu x-xogħol taʼ pijunier awżiljarju għamlu miri biex jagħmlu iktar fil-ministeru.
3. X’raġunijiet hemm sabiex taqdi bħala pijunier awżiljarju matul Marzu, April, u Mejju?
3 Marzu se jkun xahar eċċellenti biex tkun pijunier awżiljarju għax għal darb’oħra se jkollna l-għażla li nagħmlu 30 jew 50 siegħa. Iktar minn hekk, mis-Sibt, 17 taʼ Marzu, se nipparteċipaw f’kampanja speċjali sabiex nistiednu lil oħrajn biex jingħaqdu magħna għat-Tifkira fil-5 t’April. Ħafna tant se jieħdu pjaċir bis-sehem akbar tagħhom fil-ministeru li se jkunu jridu jaqdu bħala pijunieri awżiljarji fix-xhur t’April u Mejju wkoll, bil-ħtieġa taʼ 50 siegħa.
4. Kif nistgħu nkabbru s-sehem tagħna fil-ministeru, u b’liema riżultat?
4 Matul il-lejla tal-Qima tal-Familja li jmiss, għala ma tiddiskutix mal-familja kif kull membru jistaʼ jkabbar il-ministeru tiegħu matul l-istaġun tat-Tifkira? (Prov. 15:22) Itlob lil Ġeħova biex ibierek l-isforzi tiegħek. (1 Ġw. 3:22) Hekk kif tkabbar is-sehem tiegħek fil-ministeru, mhux biss tkun qed iżżid it-tifħir li tagħti lil Ġeħova imma tkun qed iżżid ukoll il-ferħ tiegħek.—2 Kor. 9:6.