Xandru maʼ Kullimkien il-Kwalitajiet Eċċellenti taʼ Ġeħova
1. Xi jqanqalna biex inxandru maʼ kullimkien il-kwalitajiet eċċellenti taʼ Ġeħova?
1 “Tiegħek, Mulej, il-kobor u l-qawwa, il-ġieħ, is-sebħ u t-tifħir: kull ma hemm fis-sema u fl-art.” (1 Kron. 29:11) L-imħabba u l-gratitudni li għandna lejn Ġeħova kif jeffettwawna? Dawn iqanqluna biex ‘inxandru maʼ kullimkien il-kwalitajiet eċċellenti taʼ dak li sejħilna mid-dlam għal ġod-dawl tiegħu taʼ l-għaġeb.’ (1 Pt. 2:9) Ma nistgħux nieqfu milli nitkellmu m’oħrajn dwar l-Alla kbir tagħna! Se jkollna opportunitajiet mill-aqwa biex nipproklamaw il-kwalitajiet eċċellenti taʼ Ġeħova matul ix-xhur taʼ Marzu, April, u Mejju.
2. Liema kampanja speċjali hija pjanata biex tirreklama t-Tifkira, u min jistaʼ jieħu sehem?
2 Kampanja Speċjali biex Nirreklamaw it-Tifkira: Nhar it-Tnejn, 2 t’April, se nenfasizzaw il-kwalitajiet eċċellenti taʼ Ġeħova billi nosservaw l-Ikla taʼ fil-Għaxija tal-Mulej. Mis-17 taʼ Marzu sat-2 t’April, madwar id-dinja se jitqassam invit speċjali għal din il-ġrajja importanti. Inħeġġu lil kulħadd biex jieħu sehem bis-sħiħ. Dan ikun żmien eċċellenti għall-uħud ġodda biex jibdew jaqdu bħala pubblikaturi taʼ l-aħbar tajba jekk jikkwalifikaw. Jekk għandek studenti tal-Bibbja jew tfal li għandhom mnejn jikkwalifikaw, ħu l-inizjattiva biex tkellem lill-anzjani.
3. X’nistgħu ngħidu biex nistiednu lin-nies għat-Tifkira?
3 Din il-kampanja se tkun simili għal dak li għamilna b’konnessjoni mal-Konvenzjonijiet Distrettwali “Il-Ħelsien fi-Qrib!” Se jintbagħtu biżżejjed inviti lill-kongregazzjonijiet sabiex kull pubblikatur ikollu 50 kopja u kull pijunier ikollu 150 kopja. Żomm il-preżentazzjoni tiegħek qasira, forsi billi tgħid: “Dan hu l-invit tiegħek għal ġrajja importanti taʼ kull sena li se ssir dalwaqt. Int se tiġi milqugħ mill-qalb. Tistaʼ ssib id-dettalji fuq l-invit.” M’għandniex xi ngħidu, jekk l-inkwilin ikollu xi mistoqsijiet, ħu l-ħin biex twiġibhomlu. L-artiklu taʼ l-appendiċi dwar l-Ikla taʼ fil-Għaxija tal-Mulej li jibda f’paġna 206 tal-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem? jistaʼ jkun t’għajnuna f’dan ir-rigward. Fis-Sibtijiet u l-Ħdud se noffru r-rivisti kurrenti flimkien maʼ l-invit speċjali. Ħu nota taʼ kull interess li ssib, u agħmel arranġamenti biex tmur lura.
4. Kif se jitqassmu l-inviti speċjali tat-Tifkira?
4 Kulmeta jkun possibbli, dan l-invit speċjali għandu jingħata personalment lil kull inkwilin. Għalhekk, ħu nota taʼ dawk li ma ssibhomx id-dar u agħmel arranġamenti biex terġaʼ tmur ħin ieħor. Il-kongregazzjonijiet li jibqgħalhom provvista abbundanti taʼ inviti jistgħu jħalluhom fid-djar fejn ma jinstabux nies matul l-aħħar ġimgħa taʼ qabel it-Tifkira, imma mhux qabel dik il-ġimgħa. Kun ċert li tagħti l-invit liż-żjajjar lura tiegħek, lill-istudenti tal-Bibbja, lill-qraba, lil sħabek tax-xogħol, lill-ġirien, u lil oħrajn li taf.
5. Għala għandna nibdew minn issa nippjanaw biex naqdu bħala pijunieri awżiljarji?
5 Naqdu Bħala Pijunieri Awżiljarji: Tistaʼ tiddikjara l-kwalitajiet eċċellenti taʼ Ġeħova iktar bis-sħiħ billi taqdi bħala pijunier awżiljarju matul Marzu, April, u Mejju? Biex tagħmel dan, x’aktarx li se jkollok bżonn tagħmel xi aġġustamenti fl-iskeda tiegħek taʼ kuljum. (Efes. 5:15-17) Tistaʼ tibqaʼ ċert li meta tagħmel sforz biex tagħmel iktar fis-servizz taʼ Ġeħova se jkollok il-ferħ u l-barka taʼ Ġeħova. (Prov. 10:22) Ladarba l-istaġun tat-Tifkira qed joqrob, issa huwa ż-żmien li nibdew nippjanaw.—Prov. 21:5.
6. X’nistgħu nitgħallmu mill-esperjenza t’oħt taʼ 90 sena li s-sena l-oħra qdiet bħala pijuniera awżiljarja?
6 Is-sena l-oħra, oħt taʼ 90 sena, kellha l-privileġġ li taqdi bħala pijuniera awżiljarja. Hi stqarret: “Għalkemm jien tassew nieħu gost naħdem fil-ġnien u xtaqt nibda nħawwel, irrealizzajt li kelli bżonn nirranġa l-prijoritajiet tiegħi. Peress li kelli x-xewqa li npoġġi l-interessi tas-Saltna l-ewwel, iddeċidejt li naqdi bħala pijuniera awżiljarja f’Marzu.” Ġiet imbierka għall-isforzi li għamlet? Hi tgħid, “Inħossni iktar parti mill-kongregazzjoni, u dan ressaqni eqreb lejn Ġeħova.” Nistgħu nanalizzaw x’inhuma l-prijoritajiet tagħna u nagħmlu xi aġġustamenti simili skond il-bżonn?
7. Huwa diffiċli li taqdi bħala pijunier awżiljarju?
7 Għandu mnejn ma jkunx diffiċli daqs kemm taħseb li tilħaq il-ħtieġa taʼ 50 siegħa biex taqdi bħala pijunier awżiljarju. Ikkunsidra l-attivitajiet taʼ kuljum tiegħek permezz tat-talb, agħmel skeda, u niżżilha bil-miktub fl-iskeda tiegħek taʼ l-attivitajiet spiritwali. Int taf laħjar x’inhuma ċ-ċirkustanzi persunali tiegħek. Jekk int nieqes mis-saħħa u l-enerġija, forsi tistaʼ tieħu sehem fil-ministeru sagħtejn kuljum. Jekk taħdem xogħol full-time jew tmur l-iskola, għandek mnejn tkun tistaʼ taqdi bħala pijunier awżiljarju billi tieħu sehem fil-ministeru fil-għaxijiet jew fi tmiem il-ġimgħa.
8. Koppja miżżewġa kif irnexxielhom jaqdu bħala pijunieri awżiljarji?
8 Ħafna rnexxielhom jaqdu bħala pijunieri awżiljarji bħala familja. Koppja miżżewġa dejjem żammew lura milli japplikaw fis-snin li għaddew għax kienu jħossu li ċ-ċirkustanzi tagħhom ma kinux jippermettulhom li jaqdu bħala pijunieri awżiljarji. X’għamlu rigward dan? “Tlabna lil Ġeħova biex jgħinna nwettqu dak li tant konna ilna nixtiequ nagħmlu flimkien.” Permezz taʼ ppjanar xieraq irnexxielhom jilħqu l-mira tagħhom. Huma żiedu: “Kien taʼ l-għaġeb. Ġejna mberkin bil-kbir. Is-suġġeriment tagħna hu, ipprovawh. La rnexxielna aħna, jistaʼ jkun li jirnexxilkom intom ukoll.”
9. X’tistaʼ tagħmel matul l-istudju tal-familja tiegħek li jmiss sabiex tipprepara għax-xhur li ġejjin t’attività speċjali?
9 Tistaʼ twarrab ħin matul l-istudju tal-familja li jmiss sabiex tikkunsidra kif kulħadd jistaʼ jżid fl-attività tiegħu matul ix-xhur li ġejjin? Anki jekk ma tistax taqdi l-familja tiegħek kollha bħala pijunieri awżiljarji, forsi jkun jistaʼ jagħmlu membru wieħed bl-għajnuna u l-kooperazzjoni tal-membri l-oħra fid-dar. Jekk le, forsi l-familja tiegħek tistaʼ tpoġġi miri biex tqattaʼ iktar ħin fil-ministeru matul dawn ix-xhur speċjali t’attività.
10. Għala għandna nitkellmu m’oħrajn dwar ix-xewqa li għandna biex naqdu bħala pijunieri awżiljarji matul l-istaġun tat-Tifkira?
10 Għinu lil Xulxin: L-entużjażmu jittieħed. Tkellem dwar ix-xewqa li għandek biex taqdi bħala pijunier awżiljarju. Dan jistaʼ jinkuraġġixxi lil oħrajn biex japplikaw ukoll. Iżjed minn hekk, dawk li għamlu x-xogħol taʼ pijunier fil-passat forsi jistgħu jagħtuk suġġerimenti li se jgħinuk tirranġa l-affarijiet u l-iskeda tiegħek sabiex tilħaq il-mira tiegħek. (Prov. 15:22) Jekk tistaʼ taqdi bħala pijunier awżiljarju, għala ma tistidinx pubblikatur ieħor, forsi xi ħadd b’ċirkustanzi bħal tiegħek, ħalli jingħaqad miegħek f’din l-attività pjaċevoli?
11. L-anzjani kif jistgħu joħolqu l-entużjażmu għax-xogħol taʼ pijunier awżiljarju fix-xhur li ġejjin?
11 Ħafna anzjani jagħmlu l-arranġamenti meħtieġa biex jipparteċipaw f’din il-forma speċjali taʼ servizz. (Ebr. 13:7) Dan huwa tassew inkuraġġanti għall-kongregazzjoni! L-anzjani joħolqu wkoll l-entużjażmu permezz tal-konversazzjonijiet tagħhom m’oħrajn. Ftit kliem taʼ inkuraġġiment jew xi suġġerimenti prattiċi għandhom mnejn ikunu eżatt dak li hemm bżonn biex xi wħud jitqanqlu jaqdu bħala pijunieri awżiljarji. L-indokratur tas-servizz x’aktarx li se jorganizza iktar laqgħat għas-servizz taʼ l-għalqa biex b’hekk kulħadd ikun jistaʼ jieħu sehem fl-għoti taʼ xiehda bħala grupp, anki wara x-xogħol jew l-iskola. Dawn l-arranġamenti għandhom jiġu mħabbrin regolarment. Hu se jagħmel ċert ukoll li kulħadd ikollu biżżejjed territorju u letteratura.
12. X’għandek mnejn tkun tistaʼ tagħmel jekk ma tistax taqdi bħala pijunier awżiljarju?
12 Anki jekk iċ-ċirkustanzi tiegħek ma jippermettulekx li taqdi bħala pijunier awżiljarju, int tistaʼ tinkuraġġixxi lil dawk li se jagħmluh, u tistaʼ titlob għalihom. (Prov. 25:11; Kol. 4:12) Għandek mnejn tkun tistaʼ tagħmel xi arranġamenti biex tieħu sehem magħhom fil-ministeru ġurnata oħra matul il-ġimgħa jew li ddum fil-ministeru iktar mis-soltu.
13. Liema mira tpoġġiet għal Malta, u l-kongregazzjoni tiegħek kif tistaʼ tikkontribwixxi biex din tintlaħaq?
13 Mira taʼ 135 Pijunier Awżiljarju f’April: L-ogħla quċċata li qatt kellna taʼ pijunieri awżiljarji f’Malta kienet taʼ 130, li ntlaħqet f’April tas-sena 2000. Għalhekk, mira realistika għal April li ġej hi taʼ 135 pijunier awżiljarju. Nistgħu nilħquha jekk medja taʼ 1 minn kull 4 pubblikaturi f’kull kongregazzjoni jieħu sehem fix-xogħol taʼ pijunier awżiljarju. M’għandniex xi ngħidu, xi kongregazzjonijiet se jkollhom saħansitra iktar pubblikaturi li ċ-ċirkustanzi tagħhom jippermettulhom jaqdu bħala pijunieri awżiljarji. Mira bħal din għal kongregazzjoni tistaʼ tintlaħaq faċilment mill-biċċa l-kbira tal-kongregazzjonijiet. Immaġina x’eċċitament se joħloq dan fil-kongregazzjoni tiegħek u l-effett pożittiv li se jkollu fuq ix-xogħol taʼ l-ippridkar fit-territorju tiegħek!
14. April għala huwa xahar eċċellenti sabiex naqdu bħala pijunieri awżiljarji?
14 April għala huwa xahar eċċellenti sabiex naqdu bħala pijunieri awżiljarji? It-Tifkira se tkun fil-bidu tax-xahar, u b’hekk se jkollna iktar opportunitajiet biex immorru nżuru lil dawk li jkunu attendew. Se nkunu qed noffru r-rivisti, bil-mira li nqassmu l-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem? fuq iż-żjajjar lura u nibdew studji tal-Bibbja. Għalhekk, jekk naqdu bħala pijunieri awżiljarji f’April se jkollna ħafna opportunitajiet biex nibdew studji tal-Bibbja. F’pajjiżna, il-ġranet ikunu itwal u t-temp normalment ikun sabiħ. Iżjed minn hekk, ix-xahar t’April fih ħamest Iħdud u festa pubblika, u b’hekk jistaʼ jkun iktar faċli biex dawk li jaħdmu u li jmorru l-iskola jaqdu bħala pijunieri awżiljarji.
15. Għala għandu jkollna sens t’urġenza hekk kif joqrob dan l-istaġun tat-Tifkira?
15 Kull staġun tat-Tifkira li jgħaddi jqarrabna sena oħra lejn it-tmiem taʼ din is-sistema dinjija. Iż-żmien li fadlilna biex ngħidu lil oħrajn dwar l-Alla kbir tagħna qsar. (1 Kor. 7:29) Ladarba jkun għadda l-istaġun tat-Tifkira, l-opportunitajiet prezzjużi li dan tana biex infaħħru lil Missierna tas-sema se jkunu spiċċaw għal dejjem. Jalla nippreparaw minn issa ħalli nagħmlu dak kollu li nistgħu matul Marzu, April, u Mejju sabiex niddikjaraw maʼ kullimkien il-kwalitajiet eċċellenti taʼ Ġeħova!
[Kaxxa f’paġna 4]
Jistaʼ Jkollna 135 Pijunier Awżiljarju f’April?
◼ Analizza l-prijoritajiet tiegħek
◼ Iddiskutu l-miri bħala familja
◼ Tkellem m’oħrajn dwar il-pjanijiet tiegħek