It-Tieni Ittra lill-Korintin
9 Issa dwar l-għajnuna* għall-qaddisin, fil-verità m’għandix bżonn niktbilkom, 2 għax jien naf li intom lesti li tgħinu. Jien qed niftaħar bikom mal-aħwa fil-Maċedonja. Għedtilhom li intom fl-Akaja ilkom sena lesti biex tgħinu. Minħabba x-xewqa kbira li tagħmlu dan, ħafna minnhom lesti li jagħmlu l-istess. 3 Imma issa qed nibgħat lil dawk it-tliet aħwa, ħalli l-ftaħir tagħna bikom dwar dan ma jkunx għalxejn, u intom għandkom tkunu lesti, bħalma diġà għedt dwarkom. 4 Inkella, jekk l-aħwa fil-Maċedonja jiġu miegħi u ma jsibukomx lesti, aħna se nistħu minħabba li wrejna fiduċja fikom, u anki intom se tistħu. 5 Għalhekk ħsibt li ninkuraġġixxi lit-tliet aħwa biex jiġu għandkom qabel u biex ilestu r-rigal ġeneruż li wegħedtu. Dan juri li m’intomx sforzati biex tagħtu dan ir-rigal, imma għax tridu tagħtuh minn qalbkom.
6 Dak li rrid ngħid hu li kull min jiżraʼ ftit, se jaħsad ftit ukoll, u kull min jiżraʼ ħafna, se jaħsad ħafna wkoll. 7 Ħa jagħmel kull wieħed minnkom bħalma ddeċieda, mhux kontra qalbu jew bilfors, għax Alla jħobb lil min jagħti bil-ferħ.
8 Iktar minn hekk, Alla għandu l-qawwa li jurikom il-qalb tajba kbira tiegħu kollha ħalli intom qatt ma jonqoskom xejn. Għall-kuntrarju, se jkollkom bl-abbundanza biex tagħmlu kulma hu tajjeb. 9 (Bħalma hemm miktub fl-Iskrittura: “Hu ta b’mod ġeneruż; hu ta lill-foqra. It-tajjeb li jagħmel se jibqaʼ mfakkar għal dejjem.” 10 Issa l-Wieħed li jagħti bl-abbundanza ż-żerriegħa lil min jiżraʼ u l-ħobż għan-nies, se jagħtikom iż-żerriegħa x’tiżirgħu bl-abbundanza u se jgħinkom taħsdu ħafna riżultati pożittivi għax-xogħol ġust tagħkom.) 11 Alla berikkom bil-kbir ħalli tkunu tistgħu turu ġenerożità b’kull mod, u permezz tal-isforzi tagħna din il-ġenerożità qanqlet lin-nies biex jirringrazzjaw lil Alla. 12 Din l-għajnuna mhijiex biss biex tipprovdi bl-abbundanza għall-bżonnijiet tal-qaddisin imma wkoll biex ħafna nies ikunu jistgħu jirringrazzjaw lil Alla għaliha. 13 Billi tagħtu dan ir-rigal, intom qed turu x’tip taʼ nies intom, u huma se jfaħħru lil Alla għax intom qed taġixxu fi qbil mal-aħbar tajba li xxandru dwar il-Kristu u għax intom ġenerużi magħhom u man-nies kollha. 14 Ukoll, huma se jħobbukom u jitolbu bil-ħniena lil Alla għalikom minħabba l-qalb tajba kbira t’Alla li tidher permezz tagħkom.
15 Nirringrazzjaw lil Alla għar-rigal b’xejn tiegħu li tant hu sabiħ li ma jistax jiġi deskritt.