2 Korintin
9 Issa dwar il-ministeru+ għall-qaddisin, ikun żejjed li niktbilkom, 2 għax naf bir-rieda tagħkom li dwarha qed niftaħar bikom mal-Maċedonin, li issa l-Akaja ilha sena għal-lest biex tgħin,+ u ż-żelu tagħkom qanqal il-biċċa l-kbira minnhom. 3 Imma qed nibgħat lill-aħwa, sabiex il-ftaħir tagħna bikom f’dan ir-rigward ma jkunx għalxejn, u tkunu tassew lesti,+ bħalma kont ngħid li se tkunu. 4 Inkella, kieku b’xi mod kellhom jiġu miegħi xi Maċedonin u ma jsibukomx lesti, aħna—biex ma ngħidx intom—niġu mġegħlin nistħu minn din il-fiduċja tagħna. 5 Għalhekk, ħassejt il-bżonn li ninkuraġġixxi lill-aħwa biex jiġu għandkom minn qabel u jlestu l-għotja ġeneruża tagħkom li wegħedtu minn qabel,+ sabiex b’hekk din tkun lesta bħala għotja ġeneruża u mhux bħala xi ħaġa mogħtija bilfors.+
6 Imma rigward dan, min jiżraʼ bil-qjies+ jaħsad ukoll bil-qjies; u min jiżraʼ bil-kotra+ jaħsad ukoll bil-kotra. 7 Ħa jagħmel kull wieħed bħalma jkun iddeċieda f’qalbu, mhux kontra qalbu+ jew bilfors, għax Alla jħobb lil min jagħti bil-ferħ.+
8 Iktar minn hekk, Alla kapaċi jkattar għalikom il-qalb tajba mhix mistħoqqa kollha tiegħu biex, waqt li dejjem u f’kollox ikollkom bis-sħiħ kulma għandkom bżonn, ikollkom bl-abbundanza għal kull għemil tajjeb.+ 9 (Bħalma hu miktub: “Hu qassam bil-kotra, ta lill-foqra, il-ġustizzja tiegħu tibqaʼ għal dejjem.”+ 10 Issa dak li jagħti b’abbundanza ż-żerriegħa lil dak li jiżraʼ u l-ħobż għall-ikel+ jagħtikom u jkattrilkom iż-żerriegħa x’tiżirgħu u jżid il-prodotti tal-ġustizzja tagħkom.)+ 11 F’kollox qed tiġu mogħnijin għal kull xorta taʼ ġenerożità, li permezz tagħna tipproduċi espressjoni taʼ radd il-ħajr lil Alla;+ 12 għax il-ministeru taʼ dan is-servizz pubbliku m’huwiex biss li nipprovdu bl-abbundanza l-bżonnijiet tal-qaddisin+ imma wkoll li nkunu għonja b’ħafna espressjonijiet taʼ radd il-ħajr lil Alla. 13 Permezz tal-prova li jagħti dan il-ministeru, huma jigglorifikaw lil Alla għax intom sottomessi lejn l-aħbar tajba dwar il-Kristu,+ bħalma tistqarru pubblikament li intom, u għax intom ġenerużi fil-kontribuzzjoni li tagħtu lilhom u lil kulħadd;+ 14 u waqt li jitolbu bil-ħerqa għalikom, jixxennqu għalikom minħabba l-qalb tajba mhix mistħoqqa+ straordinarja li Alla wera magħkom.
15 Grazzi lil Alla għall-għotja b’xejn tiegħu li ma tistax tiġi deskritta.+