2 Korintin
8 Issa rridukom tkunu tafu, ħuti, dwar il-qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla li ntweriet lill-kongregazzjonijiet tal-Maċedonja+ 2 li kienu għaddejjin minn prova kbira taʼ ħafna sofferenzi. Madankollu, minkejja l-faqar bla qjies tagħhom, tqanqlu minn ferħ kbir u wrew li kienu għonja spiritwalment permezz tal-ġenerożità kbira tagħhom.+ 3 Għax skond kemm setgħu,+ iva, nixhdilhom li kien saħansitra iktar milli setgħu, 4 minn jeddhom baqgħu jitolbuna bi ħrara kbira biex ikollhom il-privileġġ li jagħtu b’qalb tajba u jieħdu sehem fil-ministeru li kellu jsir lill-qaddisin.+ 5 U mhux biss kif ittamajna, imma l-ewwel taw ruħhom lill-Mulej+ u mbagħad lilna permezz tar-rieda t’Alla. 6 Dan wassalna biex ninkuraġġixxu lil Titu+ sabiex, bħalma kien hu li ta bidu għal dan fostkom, hekk ukoll ikun hu li jtemm dan l-istess għoti b’qalb tajba min-naħa tagħkom. 7 Madankollu, bħalma qed toktru f’kollox,+ fil-fidi u l-kelma u l-għarfien+ u l-ħeġġa kollha u f’din l-imħabba li għandna għalikom, jalla toktru wkoll f’dan l-għoti b’qalb tajba.
8 Qed ngħid dan mhux biex nikkmandakom+ imma minħabba l-ħeġġa t’oħrajn u biex nara kemm hi ġenwina l-imħabba tagħkom. 9 Għax intom tafu l-qalb tajba mhix mistħoqqa tal-Mulej tagħna Ġesù Kristu, li għalkemm kien għani sar fqir minħabba fikom,+ biex intom issiru għonja+ permezz tal-faqar tiegħu.
10 U f’dan nagħti l-opinjoni tiegħi:+ għax din il-ħaġa hi taʼ benefiċċju għalikom,+ peress li sena ilu mhux biss kontu diġà bdejtu tagħmlu dan imma wkoll ridtu tagħmluh;+ 11 għalhekk, issa, temmu wkoll dak li bdejtu tagħmlu sabiex, bħalma kontu lesti li tagħmluh minn qalbkom, hekk ukoll ittemmuh skond ma tistgħu. 12 Għax jekk l-ewwel ikun hemm ir-rieda, din tkun speċjalment aċċettabbli skond dak li jkollu l-individwu,+ mhux skond dak li ma jkollux. 13 Għax ma rridx li dan ikun faċli għal oħrajn,+ iżda iebes għalikom; 14 imma biex kulħadd ikun indaqs, bħalissa ż-żejjed tagħkom jagħmel tajjeb għan-nieqes tagħhom, sabiex iż-żejjed tagħhom għad ukoll jagħmel tajjeb għan-nieqes tagħkom, u b’hekk kulħadd ikun indaqs.+ 15 Bħalma hu miktub: “Min kellu ħafna ma kellux żejjed, u min kellu ftit ma kellux nieqes.”+
16 Issa rrodd ħajr lil Alla talli poġġa l-istess ħeġġa għalikom f’qalb Titu,+ 17 għax tabilħaqq aġixxa meta ngħata l-inkuraġġiment, imma peress li hu mimli ħeġġa, ġej għandkom minn jeddu. 18 Miegħu qed nibagħtu wkoll lill-ħu li qed jiġi mfaħħar fil-kongregazzjonijiet kollha għal dak li qed jagħmel għall-aħbar tajba. 19 Mhux hekk biss, imma nħatar+ ukoll mill-kongregazzjonijiet biex jivvjaġġa magħna minħabba din l-għotja b’qalb tajba li trid tiġi amministrata minna għall-glorja+ tal-Mulej u bħala prova tar-rieda tagħna.+ 20 B’hekk qed nevitaw li jkun hemm min isib xi ħtija+ fina rigward din il-kontribuzzjoni ġeneruża+ li trid tiġi amministrata minna. 21 Għax aħna “nipprovdu onestament mhux biss quddiem Ġeħova imma wkoll quddiem il-bnedmin.”+
22 Iktar minn hekk, qed nibagħtu magħhom lil ħuna li spiss u f’ħafna affarijiet sibnieh li għandu ħeġġa, imma li issa għandu ħafna iktar ħeġġa minħabba l-fiduċja kbira tiegħu fikom. 23 Iżda jekk hemm xi dubju dwar Titu, hu sieħbi u ħaddiem miegħi+ għall-interessi tagħkom; jew dwar ħutna, huma appostli tal-kongregazzjonijiet u glorja taʼ Kristu. 24 Għalhekk, agħtuhom prova taʼ mħabbitkom+ u taʼ dak li ftaħarna+ bikom, quddiem il-kongregazzjonijiet.