Imita lil Jehovah Meta Tħarreġ lil Uliedek
“Min hu dak l-iben li missieru ma jwiddbux?”—LHUD 12:7.
1, 2. Illum il-ġenituri għala qed isibuha diffiċli biex irabbu lil uliedhom?
STĦARRIĠ li sar ftit tas-snin ilu fil-Ġappun wera li madwar nofs l-adulti li ġew intervistati ħassew li ftit li xejn kien hemm komunikazzjoni bejn il-ġenituri u wliedhom u li l-ġenituri kienu jfissduhom wisq lil uliedhom. Fi stħarriġ ieħor li sar fl-istess pajjiż, kważi wieħed minn kull erbgħa minn dawk li wieġbu ammettew li ma kinux jafu kif għandhom jaġixxu mat-tfal. Din it-tendenza ma tinsabx biss fl-Orjent. The Toronto Star irrapportat li “ħafna ġenituri Kanadiżi ammettew li jħossu li m’humiex ċerti kif jistgħu jkunu ġenituri tajbin.” Kullimkien, il-ġenituri qegħdin isibuha diffiċli biex irabbu lil uliedhom.
2 Il-ġenituri għala qed isibuha diffiċli biex irabbu lil uliedhom? Raġuni prinċipali hi li aħna qegħdin ngħixu fl-“aħħar tad-dinja,” u ninsabu għaddejjin minn “żmien iebes.” (2 Timotju 3:1) Iżjed minn hekk, il-Bibbja tgħid li “qalb il-bniedem miġbuda għall-ħażen sa minn ċkunitu.” (Ġenesi 8:21) U ż-żgħażagħ huma speċjalment miftuħin għall-attakki taʼ Satana, li bħal “iljun jgħajjat” jipprova jiblaʼ lil dawk taʼ bla esperjenza. (1 Pietru 5:8) Ċertament li l-ostakli huma kotrana għall-ġenituri Kristjani, li jipprovaw irabbu lil uliedhom “fid-dixxiplina u t-twiddib tal-Mulej.” (Efesin 6:4) Il-ġenituri kif jistgħu jgħinu lil uliedhom jikbru u jsiru adoraturi maturi taʼ Jehovah, kapaċi jiddistingwu “bejn it-tajjeb u l-ħażin”?—Lhud 5:14.
3. It-taħriġ u l-gwida mill-ġenituri għala huma essenzjali biex dawn ikollhom suċċess fit-trobbija taʼ wliedhom?
3 “Il-bluha b’għeruqha fil-qalb taʼ kull tifel,” osserva l-għaref Sultan Salamun. (Proverbji 13:1; 22:15) Biex qalbhom tkun ħielsa minn din il-bluha, iż-żgħażagħ għandhom bżonn jiġu kkoreġuti bl-imħabba mill-ġenituri tagħhom. Iżda ż-żgħażagħ mhux dejjem jieħdu pjaċir biha din il-korrezzjoni. Fil-fatt, huma spiss ma jaċċettawhomx il-pariri, jagħtihomlhom min jagħtihomlhom. Għalhekk, il-ġenituri jridu jitgħallmu ‘jħarrġu lit-tfal jimxu fit-triq it-tajba.’ (Proverbji 22:6) Meta t-tfal jaċċettaw id-dixxiplina li tingħatalhom, tistaʼ tfisser ħajja għalihom. (Proverbji 4:13) Kemm hu vitali li l-ġenituri jkunu jafu x’hemm involut fit-taħriġ taʼ wliedhom!
Dak li Tfisser id-Dixxiplina
4. X’inhi t-tifsira ewlenija tal-kelma “dixxiplina” kif użata fil-Bibbja?
4 Peress li jibżgħu li jiġu akkużati b’abbuż tat-tfal—fiżiku, verbali, jew emozzjonali—xi ġenituri jsibuha diffiċli ferm biex jikkoreġu lil uliedhom. M’għandux għalfejn ikollna dan il-biżaʼ. Il-kelma “dixxiplina” kif użata fil-Bibbja ma tinvolvix xi tip t’abbuż jew kefrija. Il-kelma Griega għal “dixxiplina” hi relatata primarjament maʼ l-istruzzjoni, l-edukazzjoni, il-korrezzjoni u, kultant, xi kastig li jingħata b’sodizza u fl-istess ħin bl-imħabba.
5. Għala huwa taʼ benefiċċju li nikkunsidraw kif Jehovah jaġixxi man-nies tiegħu?
5 Alla Jehovah jagħtina eżempju perfett bil-mod kif jipprovdi din id-dixxiplina. Waqt li jqabbel lil Jehovah maʼ missier uman, l-appostlu Pawlu kiteb: “Min hu dak l-iben li missieru ma jwiddbux? . . . Missirijietna taʼ l-art . . . kienu jwiddbuna kif kien jidhrilhom huma, għal ftit żmien; imma Alla jwiddibna għall-ġid tagħna, biex aħna niksbu sehem fil-qdusija tiegħu.” (Lhud 12:7-10) Iva, Jehovah jiddixxiplina lin-nies tiegħu bl-iskop li jsiru qaddisin, jew safjin. Ċertament li nistgħu nitgħallmu ħafna dwar id-dixxiplina taʼ l-ulied billi nikkunsidraw kif Jehovah ħarreġ lin-nies tiegħu.—Dewteronomju 32:4; Mattew 7:11; Efesin 5:1.
L-Imħabba—Il-Qawwa li Tqanqal
6. Għala jistaʼ jkun diffiċli biex il-ġenituri jimitaw l-imħabba taʼ Jehovah?
6 “Alla hu mħabba,” jgħid l-appostli Ġwanni. Għalhekk, mela, it-taħriġ li jipprovdi Jehovah hu dejjem imqanqal mill-imħabba. (1 Ġwann 4:8; Proverbji 3:11, 12) Ifisser dan li l-ġenituri li għandhom affezzjoni naturali għal uliedhom se jsibuha faċli biex jimitaw lil Jehovah f’dan ir-rigward? Mhux bilfors. L-imħabba t’Alla hija bbażata fuq il-prinċipji. U studjuż Grieg jindika li din l-imħabba “mhux dejjem taqbel perfettament mal-ġibdiet naturali.” Alla ma jiġix influwenzat mis-sentimentaliżmu. Hu dejjem jikkunsidra x’inhu l-aħjar għan-nies tiegħu.—Isaija 30:20; 48:17.
7, 8. (a) Jehovah ta liema eżempju taʼ mħabba bbażata fuq il-prinċipji fil-mod kif ittratta man-nies tiegħu? (b) Il-ġenituri kif jistgħu jimitaw lil Jehovah meta jgħinu lil uliedhom jiżviluppaw l-abbiltà li jsegwu l-prinċipji tal-Bibbja?
7 Ikkunsidra l-imħabba li wera Jehovah meta ttratta maʼ l-Iżraelin. Mosè uża tixbiha mill-isbaħ biex jiddeskrivi l-imħabba li kellu Jehovah għal ġens żagħżugħ taʼ Iżrael. Naqraw: “Bħalma l-ajkla l-bejta ttajjar, u tittajjar fuq uliedha, tiftaħ ġwenħajha u ttellagħhom, u ġġorrhom fuq ġwenħajha, hekk il-Mulej mexxiehom waħdu.” (Dewteronomju 32:9, 11, 12) Biex tgħallem liż-żgħar tagħha jtiru, l-ajkla omm ‘ittajjar il-bejta tagħha,’ billi tħabbat u ttajjar ġwenħajha biex tħeġġeġ liż-żgħar tagħha jibdew itiru. Meta wieħed mill-frieħ tagħha finalment itir ’il barra mill-bejta, li spiss tkun mibnija fuq xi blata fl-għoli, l-omm “tittajjar fuq” il-ferħ tagħha. Jekk ikun jidher li l-ferħ se jaħbat maʼ l-art, l-omm ittir għal taħtu u ġġorru “fuq ġwenħajha.” L-istess għamel Jehovah billi b’imħabba ħa ħsieb il-ġens taʼ Iżrael li kien għadu kif twieled. Lin-nies tahom il-Liġi Mosajka. (Salm 78:5-7) Alla mbagħad għasses fuq il-ġens b’attenzjoni kbira, dejjem lest li jsalva lin-nies tiegħu meta kienu jsibu ruħhom fl-inkwiet.
8 Il-ġenituri Kristjani kif jistgħu jimitaw l-imħabba taʼ Jehovah? L-ewwel, iridu jgħallmu lil uliedhom il-prinċipji u l-livelli li hemm fil-Kelma t’Alla. (Dewteronomju 6:4-9) L-għan taʼ dan hu li t-tfal jiġu megħjunin isiru jafu kif jieħdu deċiżjonijiet fi qbil mal-prinċipji tal-Bibbja. B’dan il-mod, il-ġenituri kollhom imħabba jittajru fuq iż-żgħar tagħhom, biex ngħidu hekk, billi josservaw kif dawn japplikaw il-prinċipji li jkunu tgħallmu. Hekk kif it-tfal jikbru u bil-mod il-mod jingħataw iktar libertà, il-ġenituri li jimpurtahom minn uliedhom ikunu lesti li jtiru għal taħthom u ‘jġorruhom fuq ġwenħajhom’ kulmeta jkun hemm il-periklu. Liema tip taʼ periklu?
9. Ġenituri li jħobbu lil uliedhom għal liema periklu b’mod partikulari jridu joqogħdu attenti? Agħti eżempju.
9 Alla Jehovah wissa lill-Iżraelin dwar il-konsegwenzi taʼ sħubijiet ħżiena. (Numri 25:1-18; Esdra 10:10-14) Periklu komuni li jeżisti llum ukoll huwa li wieħed jagħmilha maʼ min m’għandux jagħmilha. (1 Korintin 15:33) Il-ġenituri Kristjani jagħmlu tajjeb li jimitaw lil Jehovah f’din il-ħaġa. Lisa, tfajla taʼ 15-il sena, bdiet tinteressa ruħha f’ġuvnott li ma kellux l-istess valuri morali u spiritwali tal-familja tagħha. “Il-ġenituri tiegħi mill-ewwel innotaw bidla fl-attitudni tiegħi u bdew jinkwetaw,” tirrakkonta Lisa. “Kultant kienu jikkoreġuni u kultant kienu jinkuraġġuni b’mod teneru.” Huma poġġew bil-qiegħda maʼ Lisa u qagħdu jisimgħuha bil-paċenzja kollha. B’hekk, għenuha tittratta maʼ dik li skond huma kienet il-problema bażika—ix-xewqa li tkun aċċettata minn dawk taʼ mparha.a
Żomm Komunikazzjoni Tajba
10. Jehovah b’liema mod ta eżempju mill-aħjar meta kkomunika maʼ l-Iżraelin?
10 Is-suċċess fit-taħriġ tat-tfal jiddependi milli l-ġenituri jistinkaw biex iżommu komunikazzjoni tajba maʼ wliedhom. Għalkemm jaf tajjeb x’hemm f’qalbna, Jehovah jinkuraġġina biex nikkomunikaw miegħu. (1 Kronaki 28:9) Wara li Jehovah ta l-Liġi lill-Iżraelin, hu inkariga lil-Leviti biex jgħallmuhom, u bagħat lill-profeti biex jirraġunaw magħhom u jikkoreġuhom. Hu wera wkoll li kien lest li jismaʼ t-talb tagħhom.—2 Kronaki 17:7-9; Salm 65:3 (65:2, NW); Isaija 1:1-3, 18-20; Ġeremija 25:4; Galatin 3:22-24.
11. (a) Il-ġenituri kif jistgħu jtejbu l-komunikazzjoni maʼ wliedhom? (b) Għala huwa importanti li l-ġenituri jkunu semmiegħa tajbin meta jikkomunikaw maʼ wliedhom?
11 Il-ġenituri kif jistgħu jimitaw lil Jehovah meta jikkomunikaw maʼ wliedhom? L-ewwel u qabel kollox, iridu jsibu l-ħin għalihom. Il-ġenituri jagħmlu tajjeb ukoll li jevitaw kummenti bla ħsieb li jirridikolaw, bħal ngħidu aħna, “Dan kollox? Ħsibt li kienet xi ħaġa importanti”; “Ħallik mill-ħmerijiet”; “Sewwa, x’tistenna? Int għadek ħalib ommok fi snienek.” (Proverbji 12:18) Biex jinkuraġġixxu lil uliedhom jiftħu qalbhom, ġenituri li huma għorrief jistinkaw biex ikunu semmiegħa tajbin. Ġenituri li jinjoraw lil uliedhom meta dawn ikunu ċkejknin jistgħu jsibu li huma nfushom jiġu injorati meta t-tfal jikbru. Jehovah dejjem kien lest li jismaʼ lill-poplu tiegħu. Hu jżomm widintu miftuħa għal dawk li b’umiltà jduru lejh fit-talb.—Salm 91:15; Ġeremija 29:12; Luqa 11:9-13.
12. Liema kwalitajiet min-naħa tal-ġenituri jistgħu jagħmluha iktar faċli għal uliedhom biex javviċinawhom?
12 Ikkunsidra wkoll kif ċerti aspetti tal-personalità t’Alla għamluha faċli għan-nies tiegħu biex javviċinawh bla biżaʼ. Per eżempju, is-Sultan David taʼ Iżrael tal-qedem dineb bil-kbir billi kellu relazzjoni adulteruża maʼ Batseba. Peress li kien bniedem imperfett, David ikkommetta dnubiet serji oħrajn f’ħajtu. Madankollu, hu dejjem avviċina lil Jehovah u talbu biex jaħfirlu u jwiddbu. Bla dubju, il-qalb tajba bl-imħabba u l-ħniena t’Alla għamluha iktar faċli għal David biex jirritorna lejn Jehovah. (Salm 103:8) Billi juru kwalitajiet divini bħalma huma l-mogħdrija u l-ħniena, il-ġenituri jistgħu jgħinu biex tinżamm komunikazzjoni tajba saħansitra meta wliedhom jiżbaljaw.—Salm 103:13; Malakija 3:17.
Kunu Raġunevoli
13. Li wieħed ikun raġunevoli x’jinkludi?
13 Meta jagħtu widen lil uliedhom, il-ġenituri jridu jkunu raġunevoli u jirriflettu “l-għerf li ġej mis-sema.” (Ġakbu 3:17) “[“Ir-raġunevolezza,” NW] tagħkom, ħa jkunu jafuha l-bnedmin kollha,” kiteb l-appostlu Pawlu. (Filippin 4:5) Xi jfisser li tkun raġunevoli? Definizzjoni waħda tal-kelma Griega tradotta “raġunevoli” hija “li ma tinsistix fuq l-ittra tal-liġi.” Waqt li jibqgħu jżommu sod mal-livelli morali u spiritwali, il-ġenituri kif jistgħu jkunu raġunevoli?
14. Jehovah kif wera li kien raġunevoli meta ttratta maʼ Lot?
14 Jehovah jagħti eżempju li jispikka f’dik li hi raġunevolezza. (Salm 10:17) Meta ħeġġeġ lil Lot u lill-familja tiegħu biex jitilqu mill-belt kundannata taʼ Sodoma, Lot “beda jitnikker.” Iktar tard, meta l-anġlu taʼ Jehovah talbu jaħrab lejn l-għoljiet, Lot qal: “Jiena ma nistax naħrab lejn l-għoljiet . . . Ara hawn din il-belt [Sogħar] fil-qrib, ħa nistkenn hemm, belt żgħira hi. Ħalli naħrab u nistkenn hemm – m’hix belt żgħira?” Kif irreaġixxa Jehovah meta semaʼ dan? Qal: “Ara jien se naqtagħlek xewqtek f’din il-ħaġa wkoll; m’iniex se neqred il-belt li għedtli.” (Ġenesi 19:16-21, 30) Jehovah kien lest li jilqaʼ t-talba taʼ Lot. Iva, il-ġenituri jeħtieġ li jżommu mal-livelli li Alla Jehovah għandu fil-Kelma tiegħu, il-Bibbja. Iżda xorta waħda jistaʼ jkun possibbli li jaqtgħu x-xewqat taʼ wliedhom meta l-prinċipji tal-Bibbja ma jkunux fil-periklu.
15, 16. X’lezzjoni jistgħu jitgħallmu l-ġenituri mill-eżempju li nsibu f’Isaija 28:24, 25?
15 Ir-raġunevolezza tinkludi li wieħed jipprepara l-qalb tat-tfal sabiex ikunu lesti li jaċċettaw il-pariri. F’tixbiha, Isaija qabbel lil Jehovah maʼ bidwi u qal: “Jaqaw il-bidwi jaħrat il-jum kollu, jikser u jxattab dejjem l-art? Jaqaw ma jwittix wiċċ l-art, u mbagħad jiżraʼ l-ħlewwa u jxerred il-kemmun? U ma jiżrax il-qamħ fir-raddi, u x-xgħir għalih u l-qamħ selvaġġ fit-truf?”—Isaija 28:24, 25.
16 Jehovah “jaħrat” biex jiżraʼ ż-żerriegħa u “jikser u jxattab dejjem l-art.” Hu b’hekk iħejji qalb in-nies tiegħu qabel ma jiddixxiplinahom. Meta jikkoreġu lil uliedhom, il-ġenituri kif jistgħu ‘jaħartulhom’ qalbhom? Wieħed missier imita lil Jehovah meta kkoreġa lit-tifel tiegħu t’erbaʼ snin. Meta ibnu sawwat lil tifel tal-ġirien, il-missier l-ewwel qagħad jismaʼ bil-paċenzja l-iskużi li ġab ibnu. Imbagħad, bħallikieku biex “jaħrat” qalb ibnu, il-missier irrakkonta storja dwar tifel ċkejken li sofra tbatija kbira minħabba tifel ieħor li dejjem kien jaqbad miegħu. Malli semaʼ l-istorja, it-tifel tqanqal biex jgħid li dak li jagħmilha tal-bùli għandu jiġi kastigat. Dan il-‘ħrit’ ipprepara qalb it-tifel u għamilha iktar faċli għalih biex jara illi li jsawwat lit-tifel tal-ġirien kien att taʼ min hu ġellied u bùli, u għalhekk kien ħażin.—2 Samwel 12:1-14.
17. Liema lezzjoni f’dik li hi korrezzjoni mill-ġenituri hi provduta f’Isaija 28:26-29?
17 Isaija ssokta jqabbel il-korrezzjoni taʼ Jehovah maʼ proċess ieħor tal-biedja—id-dris. Bidwi juża strumenti differenti biex jidres skond kemm tkun iebsa l-qoxra taż-żerriegħa. Juża ħatar biex jitħan il-ħlewwa li tkun ratba u juża qasba għall-kemmun, imma juża slitta jew rota taʼ karettun għaż-żrieragħ li jkollhom qoxra iktar iebsa. Xorta waħda, hu mhux se jgħaffeġ iż-żrieragħ li jkunu iktar ibsin sal-punt li jisħaqhom. Bl-istess mod, meta Jehovah ikun irid ineħħi xi ħaġa mhix mixtieqa fil-poplu tiegħu, hu jvarja t-trattament tiegħu skond il-ħtiġijiet u ċ-ċirkustanzi li jkunu jeżistu. Qatt ma jkun aħrax iżżejjed jew oppressiv. (Isaija 28:26-29) Xi tfal iwieġbu għal sempliċi ħarsa mill-ġenituri tagħhom, u ma jkun meħtieġ xejn iktar. Oħrajn jeħtieġu tfakkiriet ripetuti, waqt li jerġaʼ oħrajn jistgħu jeħtieġu persważjoni iktar qawwija. Ġenituri li huma raġunevoli se jagħtu l-korrezzjoni skond il-ħtiġijiet tat-tifel jew tifla, individwalment.
Agħmluhom Pjaċevoli d-Diskussjonijiet fil-Familja
18. Il-ġenituri kif jistgħu jsibu l-ħin għal studju regulari tal-Bibbja mal-familja?
18 Fost l-aħjar modi kif tgħallem lil uliedek hemm l-istudju regulari tal-Bibbja mal-familja u d-diskussjoni Skritturali taʼ kuljum. Studju tal-familja jkun effettiv ferm meta jsir regolarment. Jekk ma tippjanahx bil-quddiem jew tagħmlu meta jfettillek, allura wisq probabbli dan isir darba kultant, jekk isir. Mela l-ġenituri jridu jirbħu ż-żmien għall-istudju. (Efesin 5:15-17) Tistaʼ tkun sfida li jinstab ħin definit li jkun konvenjenti għal kulħadd. Kap taʼ familja sab li hekk kif it-tfal bdew jikbru, l-iskedi differenti tagħhom kienu qed jagħmluhielu iktar diffiċli biex ilaqqaʼ lill-familja kollha flimkien. Madankollu, il-membri tal-familja kienu jkunu dejjem flimkien kulmeta kienu jsiru l-laqgħat tal-kongregazzjoni. Għalhekk, il-missier irranġa biex l-istudju tal-familja jsir dak in-nhar tal-laqgħa. Dan irnexxa. It-tlett itfal kollha huma issa qaddejja mgħammdin taʼ Jehovah.
19. Il-ġenituri kif jistgħu jimitaw lil Jehovah meta jikkonduċu studju tal-familja?
19 Madankollu, m’huwiex biżżejjed li sempliċement tkopri xi materjal Skritturali matul l-istudju. Lill-Iżraelin meħlusin mill-jasar Jehovah għallimhom permezz tal-qassisin, li ‘fehmu u fissru’ l-Liġi u “spjegaw il-qari.” (Neħemija 8:8) Missier li rnexxielu jgħin lis-sebat itfal tiegħu jħobbu lil Jehovah kien dejjem imur f’kamartu qabel l-istudju tal-familja sabiex jipprepara u jfassal il-materjal għall-ħtiġijiet taʼ kull wieħed mit-tfal. L-istudju kien jagħmlu pjaċevoli għat-tfal tiegħu. “L-istudju kien dejjem pjaċevoli,” jiftakar wieħed minn uliedu li issa sar adult. “Jekk konna nkunu qegħdin nilagħbu l-ballun fil-bitħa meta kienu jgħajtulna għall-istudju tal-familja, konna nitilqu kollox minn idejna u ġirja waħda għall-istudju. Kienet waħda mill-iktar lejliet pjaċevoli taʼ matul il-ġimgħa.”
20. Liema problema li nistgħu niltaqgħu magħha fit-trobbija tat-tfal għad trid tiġi kunsidrata?
20 Is-salmista ddikjara: “Ara, wirt il-Mulej huma l-ulied, ħlas tiegħu hu frott il-ġuf.” (Salm 127:3) It-taħriġ tat-tfal jirrikjedi ħin u sforz, imma li dan isir b’mod xieraq jistaʼ jfisser ħajja taʼ dejjem għal uliedna. Xi premju mill-isbaħ ikun dan! Mela, jalla nimitaw bil-ħerqa lil Jehovah meta nħarrġu lil uliedna. Madankollu, waqt li l-ġenituri huma fdati bir-responsabbiltà li ‘jrabbu lil uliedhom fid-dixxiplina u t-twiddib tal-Mulej,’ m’hemmx garanzija taʼ suċċess. (Efesin 6:4) Anki jekk jingħata l-aqwa taħriġ, tifel jistaʼ jsir ribelluż u ma jibqax jaqdi lil Jehovah. X’jiġri f’dan il-każ? Dan se jkun is-suġġett għall-artiklu li jmiss.
[Nota taʼ taħt]
a L-esperjenzi li hemm f’dan l-artiklu u f’dak taʼ warajh jistgħu jkunu minn pajjiżi li għandhom kultura differenti minn tiegħek. Ipprova agħraf il-prinċipji li huma involuti, u applikahom fl-ambjent kulturali tiegħek.
X’Inhi t-Tweġiba Tiegħek?
• Il-ġenituri kif jistgħu jimitaw l-imħabba taʼ Jehovah deskritta f’Dewteronomju 32:11, 12?
• X’tgħallimt int mill-mod kif Jehovah ikkomunika maʼ l-Iżraelin?
• X’jgħallimna l-fatt li Jehovah ta widen għat-talba taʼ Lot?
• Liema lezzjoni fil-korrezzjoni tat-tfal tgħallimt int minn Isaija 28:24-29?
[Stampa f’paġna 9]
Mosè xebbah il-mod kif Jehovah iħarreġ lin-nies tiegħu mal-mod kif ajkla taġixxi mal-frieħ tagħha
[Stampi f’paġna 10]
Il-ġenituri għandhom isibu l-ħin għal uliedhom
[Stampa f’paġna 12]
“Kienet waħda mill-iktar lejliet pjaċevoli taʼ matul il-ġimgħa”