Il-Kelma taʼ Ġeħova Hi Ħajja
Punti Prinċipali mill-Ktieb tat-Tieni Samwel
IL-FATT li nirrikonoxxu s-sovranità taʼ Ġeħova jfisser li rridu nuru ubbidjenza perfetta? Persuna li turi integrità dejjem tagħmel dak li hu tajjeb f’għajnejn Alla? Liema tip taʼ individwu hu “għal qalbu” l-Alla veru? (1 Samwel 13:14) Il-ktieb Bibliku tat-Tieni Samwel jagħti tweġibiet sodisfaċenti għal dawn il-mistoqsijiet.
It-Tieni Samwel inkiteb minn Gad u Natan, żewġ profeti li kellhom ħbiberija mill-qrib mas-Sultan David taʼ Iżrael tal-qedem.a Dan il-ktieb tlesta madwar is-sena 1040 Q.E.K. lejn it-tmiem tas-saltna taʼ David li damet 40 sena, u jitkellem primarjament dwar David u r-relazzjoni tiegħu maʼ Ġeħova. Dan ir-rakkont eċċitanti jirrakkonta dwar kif ġens mifni bil-ġlied isir saltna sinjura magħquda taħt sultan qalbieni. Dan ir-rakkont li jħallik fuq ix-xwiek hu mimli emozzjonijiet umani li ntqalu b’intensità kbira.
DAVID “DEJJEM JISSAĦĦAĦ”
Ir-reazzjoni taʼ David għall-aħbar li mietu Sawl u Ġonatan tikxef is-sentimenti tiegħu għalihom u għal Ġeħova. F’Ħebron, David jinħatar bħala s-sultan fuq it-tribù taʼ Ġuda. Isboset, it-tifel taʼ Sawl, isir sultan fuq il-kumplament taʼ Iżrael. David ikompli “dejjem jissaħħaħ,” u madwar sebaʼ snin u nofs wara, isir sultan fuq Iżrael kollu.—2 Samwel 5:10.
David jieħu lil Ġerusalemm mill-Ġebusin u jagħmilha l-belt kapitali taʼ saltnatu. L-ewwel darba li jipprova jittrasferixxi l-arka tal-patt lejn Ġerusalemm tirriżulta f’diżastru. Madankollu, it-tieni darba jirnexxi, u David jibda jaqbeż bil-ferħ. Ġeħova jagħmel patt maʼ David għal saltna. David jirbaħ lill-għedewwa tiegħu waqt li Alla jieqaf miegħu.
Mistoqsijiet Skritturali Mweġbin:
2:18—Ġowab u ż-żewġ ħutu għala ġew identifikati bħala l-ulied taʼ ommhom, Seruja? Fl-Iskrittura Ebrajka, il-ġenealoġiji kienu jitniżżlu min-naħa tal-missier. Għandu mnejn li r-raġel taʼ Seruja miet taʼ età żgħira jew forsi ma kienx meqjus bħala raġel tajjeb biex jitniżżel fil-Bibbja. Jistaʼ jkun li Seruja tniżżlet minħabba li kienet oħt David jew għax kienet oħtu mill-missier. (1 Kronaki 2:15, 16) L-unika referenza li tissemma rigward il-missier tat-tliet aħwa hija rigward il-post fejn indifen f’Betlehem.—2 Samwel 2:32.
3:29—X’jiġifieri “jistrieħ fuq il-ħatar”? Il-ħatar kien jintuża fl-insiġ tad-drapp, xogħol li kien isir min-nisa. Għalhekk, din l-espressjoni tistaʼ tirreferi għall-irġiel li ma kinux tajbin għal ċerti attivitajiet, bħal li jmorru għall-gwerra, u b’hekk kienu mistennijin li jagħmlu x-xogħol li s-soltu kienu jagħmlu n-nisa.
5:1, 2—Kemm kien għadda żmien minn meta nqatel Isboset sa meta David sar sultan fuq Iżrael kollu? Isboset dam isaltan sentejn, u jidher raġunevoli li nikkonkludu li beda jsaltan ftit wara l-mewt taʼ Sawl, madwar l-istess żmien li David beda jsaltan f’Ħebron. David saltan fuq Ġuda minn Ħebron għal sebaʼ snin u nofs. Ftit wara li sar sultan fuq Iżrael kollu, hu għamel lil Ġerusalemm il-belt kapitali tiegħu. Għalhekk, minn mindu miet Isboset sa meta David sar sultan fuq Iżrael kollu kienu għaddew ħames snin.—2 Samwel 2:3, 4, 8-11; 5:4, 5.
8:2—Kemm ġew maqtulin Mowabin wara l-konflitt li Iżrael kellu magħhom? Wisq probabbli, in-numru ġie determinat bil-qjies iżjed milli bl-għadd. Jidher li David ġiegħel lill-Mowabin jimteddu fl-art ħdejn xulxin f’filliera. Imbagħad, kejjel il-filliera b’ħabel. Milli jidher, żewġ ħbula, jew żewġ terzi tal-Mowabin, inqatlu, u ħabel wieħed, jew terz minnhom, tħallew ħajjin.
Lezzjonijiet Għalina:
2:1; 5:19, 23. David talab lil Ġeħova qabel ma mar jgħix f’Ħebron u qabel ma mar jiffaċċja lill-għedewwa tiegħu. Aħna wkoll għandna nfittxu l-gwida taʼ Ġeħova qabel ma nieħdu xi deċiżjonijiet li se jeffettwaw l-ispiritwalità tagħna.
3:26-30. Il-vendetta taħsad konsegwenzi koroh.—Rumani 12:17-19.
3:31-34; 4:9-12. David ma weriex vendetta u ostilità, u dan huwa taʼ eżempju għalina.
5:12. Qatt m’għandna ninsew li Ġeħova għallimna triqatu u għamilha possibbli li jkollna relazzjoni tajba miegħu.
6:1-7. Għalkemm David kellu intenzjonijiet tajbin, l-isforzi tiegħu biex iċaqlaq l-Arka f’karru kienu kontra l-kmand taʼ Alla u rriżultaw f’falliment. (Eżodu 25:13, 14; Numri 4:15, 19; 7:7-9) Il-fatt li Għużża pprova jaqbad l-Arka juri wkoll li l-intenzjonijiet tajbin ma jbiddlux dak li Alla jikkmanda.
6:8, 9. F’sitwazzjoni taʼ prova, għall-ewwel David irrabja, imbagħad beżaʼ—forsi saħansitra waħħal f’Ġeħova għat-traġedja. Għandna ngħassu kontra li nwaħħlu f’Ġeħova għall-problemi li jirriżultaw meta ninjoraw il-kmandi tiegħu.
7:18, 22, 23, 26. L-umiltà, id-devozzjoni esklużiva lejn Ġeħova, u l-interess li jfaħħar lil ismu huma kwalitajiet li għandna nimitaw f’David.
8:2. Titwettaq profezija li ntqalet 400 sena qabel. (Numri 24:17) Il-kelma taʼ Ġeħova dejjem isseħħ.
9:1, 6, 7. David żamm il-wegħda tiegħu. Aħna wkoll għandna nistinkaw biex inżommu kelmitna.
ĠEĦOVA JQAJJEM L-INKWIET KONTRA L-MIDLUK TIEGĦU
Ġeħova jgħid lil David: “Arani se naqlagħlek l-inkwiet mill-familja tiegħek stess; neħodlok in-nisa tiegħek minn taħt għajnejk, u nagħtihom lil ħaddieħor, u jimtedd magħhom għad-dawl taʼ din ix-xemx.” (2 Samwel 12:11) X’inhi r-raġuni għal din id-dikjarazzjoni? Hi d-dnub taʼ David maʼ Batseba. Għalkemm David nidem u dnubu nħafirlu, ma ġiex meħlus mill-konsegwenzi tiegħu.
L-ewwel, it-tarbija li Batseba tiled tmut. Imbagħad, Tamar, it-tifla verġni taʼ David, tiġi stuprata minn Amnon, ħuha min-naħa tal-missier. Ħuha Absalom, joqtol lil Amnon bħala vendetta. Absalom jikkonfoffa kontra missieru stess u jagħmel lilu nnifsu sultan f’Ħebron. David huwa sforzat biex jaħrab lejn Ġerusalemm. Absalom ikollu relazzjonijiet maʼ għaxra mill-konkubini li missieru ħalla warajh biex jieħdu ħsieb id-dar. David jerġaʼ jsir sultan biss wara li Absalom jiġi maqtul. Irvell minn Seba mit-tribù taʼ Benjamin jispiċċa bil-mewt tiegħu stess.
Mistoqsijiet Skritturali Mweġbin:
14:7—X’inhu simbolizzat mill-frażi “ġamra ħajja li baqagħli”? Id-dija taʼ ġamra li tinħaraq bil-mod il-mod tirreferi għal wild ħaj.
19:29—David għala rreaġixxa bil-mod kif irreaġixxa għall-ispjegazzjoni taʼ Mefiboset? Meta semaʼ lil Mefiboset, David x’aktarx irrealizza li kien dineb meta aċċetta l-kliem taʼ Siba mingħajr ma qies sew dak li qallu. (2 Samwel 16:1-4; 19:24-28 [19:25-29, NW]) X’aktarx, dan irrita lil David, u ma ried jismaʼ xejn iktar rigward din il-ħaġa.
Lezzjonijiet Għalina:
11:2-15. Ir-rakkont onest dwar in-nuqqasijiet taʼ David jenfasizza l-punt li l-Bibbja hija l-Kelma ispirata t’Alla.
11:16-27. Meta nikkommettu dnub serju, ma rridux nipprovaw naħbuh bħalma għamel David. Minflok, għandna nistqarru dnubietna lil Ġeħova u nfittxu l-għajnuna taʼ l-anzjani fil-kongregazzjoni.—Proverbji 28:13; Ġakbu 5:13-16.
12:1-14. Natan kien taʼ eżempju tajjeb għall-anzjani maħturin fil-kongregazzjoni. Huma għandhom jgħinu lil dawk li jaqgħu fid-dnub biex ikunu jistgħu jirranġaw triqathom. L-anzjani għandhom jużaw din ir-responsabbiltà bl-għaqal.
12:15-23. Billi kellu ħarsa ċara dwar dak li ġralu, David ġie megħjun biex jirreaġixxi b’mod tajjeb kontra l-avversità.
15:12; 16:15, 21, 23. Meta deher li Absalom kien se jsir sultan, ix-xewqa għall-prominenza wasslet lil Aħitofel biex isir traditur. Jekk tkun intelliġenti imma ma tkunx umli u leali, dan jistaʼ jkun taʼ nassa.
19:24, 30. Mefiboset apprezza ħafna l-qalb tajba bl-imħabba taʼ David. Hu ssottometta ruħu minn jeddu għad-deċiżjoni tas-sultan dwar Siba. L-apprezzament għal Ġeħova u għall-organizzazzjoni tiegħu għandu jqanqalna biex inkunu sottomessi.
20:21, 22. L-għerf taʼ persuna waħda tistaʼ twaqqaf diżastru għal ħafna.—Koħèlet 9:14, 15.
ĦALLI NAQGĦU “F’ID IL-MULEJ”
Jaqaʼ l-ġuħ għal tliet snin minħabba l-ħtija tad-demm li Sawl kellu għax qatel lill-Gibgħonin. (Ġożwè 9:15) Biex ikunu jistgħu jivvindikaw il-ħtija tad-demm, il-Gibgħonin jitolbu l-mewt taʼ sebgħa mit-tfal subien taʼ Sawl. David jagħtihom f’idejn il-Gibgħonin, u n-nuqqas taʼ xita jispiċċa b’ħafna xita. Erbaʼ ġganti Filistin “mietu b’id David u b’id il-qaddejja tiegħu.”—2 Samwel 21:22.
David jikkommetti dnub serju billi jordna ċensiment illegali. Hu jindem u jagħżel li jaqaʼ “f’id il-Mulej.” (2 Samwel 24:14) Bħala riżultat, 70,000 ruħ imutu bil-pesta. David isegwi l-kmand taʼ Ġeħova u l-pesta tieqaf.
Mistoqsijiet Skritturali Mweġbin:
21:8—Kif jistaʼ jingħad li t-tifla taʼ Sawl, Mikal, kellha ħames subien, meta fit-2 Samwel 6:23 jgħid li mietet mingħajr ma kellha tfal? L-iktar spjegazzjoni aċċettata hi li dawn it-tfal kienu taʼ Merab, oħt Mikal, li żżewġet lil Għadrijel. X’aktarx li Merab mietet żgħira u Mikal, li ma kellhiex tfal, rabbiet is-subien.
21:9, 10—Risfa kemm damet tgħasses liż-żewġ uliedha subien u lill-ħames neputijiet taʼ Sawl li ġew maqtulin mill-Gibgħonin? Dawn is-sebgħa ġew mgħallqin “fl-ewwel jiem tal-ħsad”—f’Marzu jew f’April. L-iġsma tagħhom tħallew fuq muntanja. Risfa qagħdet għassa mas-sebaʼ iġsma matul il-ġurnata u matul il-lejl sakemm Ġeħova wera li r-rabja tiegħu kienet naqset billi temm in-nixfa. Kull xita qawwija kienet tkun xi ħaġa rari qabel it-tmiem tal-ħsad f’Ottubru. Għalhekk, Risfa setgħet damet tgħasses għal ħames jew sitt xhur. Imbagħad, David ġiegħel li jindifen l-għadam taʼ l-irġiel.
24:1—David għala dineb serjament minħabba li ħa ċensiment? Iċ-ċensiment minnu nnifsu ma kienx projbit mil-Liġi. (Numri 1:1-3; 26:1-4) Il-Bibbja ma tgħidx x’kien dak li qanqal lil David biex jgħodd lin-nies. Madankollu, l-1 Kronaki 21:1 jindika li Satana inkuraġġieh biex jagħmel dan. Fi kwalunkwe każ, il-kap taʼ l-armata, Ġowab, kien jaf li d-deċiżjoni taʼ David li jirreġistra lin-nies kienet ħażina, u pprova jipperswadi lil David milli jagħmel dan.
Lezzjonijiet Għalina:
22:2-51. L-għanja taʼ David tassew tiddeskrivi b’mod sabiħ il-fatt li Ġeħova huwa l-Alla veru u li ħaqqu l-fiduċja kollha tagħna!
23:15-17. David kellu rispett profond għal-liġi t’Alla rigward il-ħajja u d-demm tant li f’din l-okkażjoni qagħad lura milli jagħmel xi ħaġa li kienet tidher li tmur kontra dik il-liġi. Għandna nikkultivaw attitudni bħal din lejn il-kmandamenti kollha t’Alla.
24:10. Il-kuxjenza taʼ David qanqlitu biex jindem. Hija l-kuxjenza tagħna daqshekk sensittiva li nwieġbu b’dan il-mod?
24:14. David kien jaf li Ġeħova jaħfer iktar mill-bniedem. Għandna konvinzjoni bħal din?
24:17. David iddispjaċieh li d-dnub tiegħu ġab sofferenza fuq il-ġens kollu. Xi ħadd niedem għandu jħoss rimors rigward it-tmaqdir li l-azzjoni tiegħu għandha mnejn ġabet fuq il-kongregazzjoni.
Nistgħu Nkunu Prezzjużi ‘għal Qalb’ Alla
It-tieni sultan taʼ Iżrael ta prova li kien raġel ‘għal qalb’ Ġeħova. (1 Samwel 13:14) David qatt ma ddubita l-livelli ġusti taʼ Ġeħova, u ma pprovax ifittex li jikseb stil taʼ ħajja indipendenti minn Alla. Kull darba li David dineb, hu ammetta dnubu, aċċetta d-dixxiplina, u rranġa triqatu. David kien raġel taʼ integrità. M’għandniex aħna nkunu bħalu, speċjalment meta nidinbu?
L-istorja taʼ David turi biċ-ċar li l-fatt li nirrikonoxxu s-sovranità taʼ Ġeħova jimplika li naċċettaw il-livelli Tiegħu taʼ dak li hu tajjeb u dak li hu ħażin, u nipprovaw nagħmlu l-aħjar biex ngħixu fi qbil magħhom bħala wħud li nżommu l-integrità. Din hija xi ħaġa li nistgħu nagħmluha. Kemm aħna grati għal-lezzjonijiet li nitgħallmu mill-ktieb tat-Tieni Samwel! Il-messaġġ ispirat li hemm f’dawn il-paġni huwa tassew ħaj u qawwi.—Ebrej 4:12.
[Nota taʼ taħt]
a Għalkemm ma kienx Samwel li kiteb dan il-ktieb, il-ktieb huwa msemmi għalih minħabba li ż-żewġ kotba taʼ Samwel oriġinalment kienu f’romblu wieħed fil-lista tal-kotba mqaddsa Ebrajċi. Samwel kiteb ħafna mill-ktieb taʼ l-Ewwel Samwel.
[Stampa f’paġna 16]
Billi żamm f’moħħu min ħatru bħala sultan, David ġie megħjun biex jibqaʼ umli
[Stampi f’paġna 18]
“Arani se naqlagħlek l-inkwiet mill-familja tiegħek stess”
Batseba
Tamar
Amnon