Is-sens Komun—Għala M’Huwiex Daqshekk Komuni?
“DAK xi ġralu? Suppost jaf aħjar,” qal wieħed li kien qed josserva dak li kien qed jiġri madwaru. Filwaqt li beda jxengel rasu għax ma setax jemmen dak li kien għadu kif ġara, għadda ieħor u beda jgħid minn taħt l-ilsien, “Kieku kellu naqra sens komun, qatt ma kien se jasal jagħmel hekk.” Ġieli smajt xi kummenti bħal dawn? Imma, x’inhu s-“sens komun”?
Il-kelma “sens” tfisser “għaqal,” “dehen,” u “fehma.” Timplika li individwu għandu l-abbiltà li jiġġudika u jiddeċiedi b’intelliġenza. Milli jidher, is-sens komun jirrikjedi li nużaw l-abbiltà tal-ħsieb. Ħafna nies jippreferu li ħaddieħor jaħseb għalihom. Huma jħallu l-mezzi tax-xandir, lil sħabhom, jew l-opinjoni ġenerali jieħdu d-deċiżjonijiet għalihom.
Is-sens komun tant jidher li huwa rari fid-dinja taʼ llum li wara li qagħad josserva dak li qed jiġri madwaru wieħed raġel qal, ‘Is-sens komun fir-realtà m’huwiex komuni.’ Kif nistgħu niksbu s-sens komun? X’benefiċċji għandu?
Kif Nistgħu Niksbuh?
Biex tiżviluppa l-abbiltà li tagħmel ġudizzju tajjeb, jiġifieri s-sens komun, jirrikjedi ż-żmien, ħafna ħsieb, u sforz konsistenti, imma minkejja dan, is-sens komun jistaʼ jinkiseb. Ikkunsidra tliet fatturi li jistgħu jgħinuna niksbu s-sens komun.
Studja l-Bibbja, u segwi l-pariri tagħha. Il-Bibbja, li nkitbet bl-aqwa lingwaġġ u b’loġika ċara, hija għajnuna mill-aqwa sabiex inkunu nistgħu niksbu l-għerf u l-għaqal. (Efesin 1:8) Per eżempju, l-appostlu Pawlu wissa lil sħabu l-Kristjani: “Kulma hu veru, kulma hu serju, kulma hu ġust, kulma hu safi, kulma jqanqal l-imħabba, kulma hu taʼ fama tajba, kull virtù, u kull ħaġa li jistħoqqilha tifħir, fuq dawn l-affarijiet komplu aħsbu.” (Filippin 4:8) Jekk insegwu dan il-parir b’mod konsistenti se jkollna d-dehen u se naġixxu b’mod prudenti.
Tgħallem mill-esperjenza. Billi assoċja s-sens komun maʼ l-esperjenza fil-ħajja, poeta Svizzeru qal: “Is-sens komun . . . hu magħmul mill-esperjenza u mill-abbiltà li tara bil-quddiem.” Tabilħaqq, “min hu nieqes minn moħħu jemmen kollox, min moħħu jilħaqlu jara sewwa qabel jemmen.” (Proverbji 14:15) Is-sens komun jistaʼ jiġi żviluppat mill-osservazzjoni, mit-taħriġ, u mill-esperjenza. Iktar ma jgħaddi ż-żmien se nitgħallmu nagħmlu l-affarijiet b’mod aħjar. Madankollu, biex nitgħallmu mill-iżbalji tagħna jeħtieġ li nuru l-umiltà u nkunu ġwejdin. L-attitudni li juru n-nies li huma minfuħin bihom infushom, kburin, u rashom iebsa f’dawn l-aħħar jiem turi li ma tantx għandhom sens komun.—2 Timotju 3:1-5.
Agħżel is-sħubija bl-għaqal. Is-sħubija li nagħżlu se tgħinna jew se twaqqafna milli nużaw l-għerf u s-sens komun. Proverbji 13:20 jgħid: “Min jagħmilha maʼ l-għaref, isir għaref, min imur mal-boloh, jaqaʼ fl-hemm.” M’għandniex għalfejn naċċettaw il-mentalità jew l-ideat taʼ dawk li ma jobdux lil Alla jew taʼ dawk li jinjoraw il-Kelma tiegħu. Proverbji 17:12 ipoġġiha hekk: “Aħjar tħabbat wiċċek maʼ orsa li ħadulha l-frieħ, milli maʼ l-iblah fis-siegħa taʼ bluhatu.”
X’Benefiċċju Għandu?
Il-fatt li tiżviluppa s-sens komun huwa taʼ vantaġġ. Se jagħmlilna ħajjitna iktar interessanti u jistaʼ jiffrankalna l-ħin. Is-sens komun jistaʼ saħansitra jnaqqsilna l-frustrazzjoni li tiġi meta tagħmel l-affarijiet mingħajr ħsieb taʼ xejn. Dawk li ma jużawx id-dehen se jagħmlu l-ħajja iktar diffiċli għalihom infushom. Il-Bibbja tgħid: “Jifnih lill-iblah it-taħbit tiegħu, għax lanqas sal-belt ma jaf imur.” (Koħèlet 10:15) Individwi bħal dawn għandhom mnejn jaħdmu iebes u bla waqfien u jegħjew lilhom infushom; madankollu, ma jkun jidher li wettqu xejn verament siewi.
Il-Bibbja tipprovdi abbundanza taʼ pariri prattiċi dwar l-indafa, il-komunikazzjoni, il-bżulija, kif ukoll dwar kif inkampaw mal-faqar u wkoll dwar aspetti oħra tal-ħajja. Miljuni taʼ nies jistgħu jixhdu li d-differenza bejn is-suċċess li kellhom f’ħajjithom u l-falliment kienet tiddependi minn kemm kienu lesti japplikaw il-prinċipji tal-Bibbja, li għenuhom juru l-għerf.
Is-sens komun jgħinna nagħmlu iktar milli sempliċement nobdu lista taʼ istruzzjonijiet jew regoli dettaljati. Jgħinna nwettqu r-responsabbiltajiet tagħna. Madankollu, is-sens komun ma jiħux post iż-żjieda taʼ l-għarfien. “Jismaʼ wkoll l-għaref, u jżid l-għerf tiegħu,” jgħid Proverbji 1:5. Irridu nitgħallmu wkoll nanalizzaw l-informazzjoni li niksbu, u mbagħad naslu għal konklużjoni xierqa. Dan jgħinna ‘nimxu fit-triq taʼ l-għerf.’—Proverbji 28:26.
Il-modestja tmur id f’id mas-sens komun. Għalkemm forsi nkunu rridu nieħdu ħsieb ħafna responsabbiltajiet, irridu nużaw id-dehen u nibqgħu fil-limiti taʼ dak li nkunu nifilħu nagħmlu. Huwa minnu li l-appostlu Pawlu jgħidilna li għandu ‘jkollna ħafna x’nagħmlu fix-xogħol tal-Mulej.’ (1 Korintin 15:58) Madankollu, din it-twissija trid tkun bilanċjata mal-prinċipju li hu mniżżel f’Koħèlet 9:4: “Kelb ħaj huwa aħjar minn iljun mejjet.” Jekk waqt li nkunu qed naqdu lil Ġeħova nieħdu ħsieb sew saħħitna se nkunu nistgħu ngħixu iktar u nkunu nistgħu nibqgħu attivi fix-xogħol tiegħu. Is-sens komun se jgħinna nżommu bilanċ raġunevoli, u b’hekk inkunu nistgħu llaħħqu nagħmlu dak kollu li jkun hemm bżonn li jsir mingħajr ma nitilfu l-ferħ. Iva, is-sens komun iġib ħafna benefiċċji.
[Stampa f’paġna 14]
Fil-Bibbja nsibu abbundanza taʼ pariri prattiċi
[Stampa f’paġna 15]
Is-sens komun jistaʼ jinkiseb mill-osservazzjoni, mit-taħriġ, u mill-esperjenza