Huma Rnexxielhom Jgħixu b’Xewka f’Ġisimhom
“Tqegħditli xewka f’ġismi, messaġġiera tax-Xitan, biex toqgħod tniggiżni.”—2 KORINTIN 12:7.
1.X’inhuma xi ftit mill-problemi li qed jiffaċċjaw in-nies illum?
QED tissielet maʼ xi prova li ilha ħafna fuqek? Jekk inhu hekk, m’intix waħdek. F’dan iż-“żmien iebes,” il-Kristjani leali qed iħabbtu wiċċhom m’oppożizzjoni ħarxa, problemi tal-familja, mard, problemi finanzjarji, inkwiet emozzjonali, il-mewt taʼ xi ħadd maħbub, u sfidi oħrajn. (2 Timotju 3:1-5) F’ċerti pajjiżi, il-ħajjiet taʼ ħafna huma mhedda minħabba l-ġuħ u l-gwerer.
2, 3. Liema attitudni negattiva tistaʼ tirriżulta minħabba d-diffikultajiet li jistgħu jinqalgħulna u li jkunu bħal xewk f’ġisimna, u din kif tistaʼ tkun taʼ periklu?
2 Problemi bħal dawn jistgħu jkissru lil dak li jkun, speċjalment jekk jinqalgħu ħafna diffikultajiet f’daqqa. Innota xi jgħid Proverbji 24:10: “Jekk int tintreħa [“skuraġġit,” NW] fir-riżq it-tajjeb, x’saħħa għandek fir-riżq il-ħażin?” Iva, l-iskuraġġiment li jiġi fuqna minħabba l-provi tagħna jistaʼ jisirqilna s-saħħa li tant għandna bżonn u jdgħajfilna d-determinazzjoni biex nissaportu sa l-aħħar. Kif jistaʼ jiġri dan?
3 Sewwa, meta nkunu skuraġġiti faċli nħallu l-emozzjonijiet tagħna jiġru bina, u dawn ma jħalluniex naraw il-fatti kif inhuma. Per eżempju, huwa faċli għalina li nagħmlu għaġeb u nkabbru d-diffikultajiet tagħna u mbagħad noqogħdu nitħassru lilna nfusna. Xi wħud jistgħu saħansitra jilmentaw m’Alla, “Għala qed tippermetti li jiġrili hekk?” Jekk wieħed iħalli attitudni negattiva bħal din trabbi l-għeruq ġewwa qalbu, din tistaʼ teqridlu l-ferħ u l-fiduċja tiegħu f’Jehovah. Qaddej t’Alla jistaʼ tant iħossu skuraġġit li jasal saħansitra biex iċedi u ma jkomplix jitqabad “it-taqbida t-tajba tal-fidi.”—1 Timotju 6:12.
4, 5. Kultant, Satana kif inhu involut fil-problemi tagħna, u madankollu, dwar xiex nistgħu nkunu fiduċjużi?
4 Żgur li m’huwiex Alla Jehovah li jġib fuqna l-provi li ngħaddu minnhom. (Ġakbu 1:13) Xi provi jistgħu jiġu fuqna sempliċement għax inkunu qed nipprovaw nuru l-lealtà tagħna lejh. Fil-fatt, kull min jaqdi lil Jehovah ikun qed jagħmel lilu nnifsu mira taʼ l-akbar għadu tiegħu, Satana x-Xitan. Fiż-żmien qasir li baqagħlu, dan il-wieħed mill-agħar, “l-alla taʼ din id-dinja,” qed jagħmel ħiltu kollha biex iġiegħel lil kulmin iħobb lil Jehovah iċedi u ma jibqax jagħmel ir-rieda Tiegħu. (2 Korintin 4:4) Satana jikkaġuna kemm jiflaħ sofferenza fuq l-aħwa kollha madwar id-dinja. (1 Pietru 5:9) Huwa veru li Satana ma jikkaġunax direttament kull problema li jkollna, imma hu jistaʼ jieħu vantaġġ mill-problemi li niffaċċjaw biex ikompli jkissirna.
5 Madankollu, hu kemm hu tal-biżaʼ Satana jew l-armi tiegħu, aħna nistgħu nirbħulu! Kif nistgħu nkunu ċerti minn dan? Għaliex Alla Jehovah jiġġieled għan-nom tagħna. Hu jaċċerta ruħu li l-qaddejja tiegħu ma jkunux fil-għama dwar it-tattiċi li juża Satana. (2 Korintin 2:11) Fil-fatt, il-Kelma t’Alla tgħidilna ħafna dwar il-provi li jnikktu lill-Kristjani veri. Fil-każ taʼ l-appostlu Pawlu, il-Bibbja użat l-espressjoni “xewka f’ġismi.” Għala? Ejja naraw kif il-Kelma t’Alla tispjega din il-frażi. Imbagħad se naraw li m’aħniex l-uniċi li għandna bżonn l-għajnuna t’Alla biex negħlbu l-provi tagħna.
Għala l-Provi Jistgħu Jiġu Mqabblin maʼ Xewk
6. X’ried ifisser Pawlu b’“xewka f’ġismi,” u x’setgħet kienet din ix-xewka?
6 Pawlu, li għadda minn ħafna provi estremi, kien imnebbaħ biex jikteb: “Tqegħditli xewka f’ġismi, messaġġiera tax-Xitan, biex toqgħod tniggiżni ħalli ma nintefaħx.” (2 Korintin 12:7) X’kienet din ix-xewka li Pawlu kellu f’ġismu? Bla dubju, xewka li tidħol ’il ġewwa taħt il-ġilda tistaʼ tweġġaʼ ħafna. Għalhekk din il-metafora qed tirreferi għal xi ħaġa li lil Pawlu ġabitlu ħafna wġigħ—sew jekk fiżiku, emozzjonali, jew it-tnejn. Jistaʼ jkun li Pawlu kellu xi problema f’għajnejh jew xi marda fiżika oħra. Jew inkella, ix-xewka setgħet kellha x’taqsam maʼ dawk l-individwi li sfidaw il-kwalifiki taʼ Pawlu bħala appostlu u bdew jiddubitaw mix-xogħol tiegħu taʼ l-ippridkar u t-tagħlim. (2 Korintin 10:10-12; 11:5, 6, 13) Kienet x’kienet, din ix-xewka baqgħet għand Pawlu u ma setax jeħles minnha.
7, 8. (a) X’tindika l-espressjoni ‘toqgħod tniggeż’? (b) Għala huwa vitali li nkampaw maʼ kwalunkwe xewka li qed tnikkitna bħalissa?
7 Innota li x-xewka baqgħet tniggżu lil Pawlu. Taʼ interess, il-verb Grieg li uża Pawlu hawnhekk ġej mill-kelma li tfisser “l-għekiesi tas-swabaʼ taʼ l-id.” Din il-kelma hija użata b’mod letterali f’Mattew 26:67 u b’mod figurattiv fl-1 Korintin 4:11. F’dawn il-versi hemm l-idea li tissawwat bil-ponn. Meta nqisu l-mibegħda kbira li Satana għandu għal Jehovah u l-qaddejja Tiegħu, nistgħu nibqgħu ċerti li x-Xitan feraħ mhux ftit li Pawlu kellu xewka li baqgħet tniggżu. Illum, Satana qed jifraħ bl-istess mod x’ħin jara lilna wkoll inbatu minħabba xi xewka f’ġisimna li jistaʼ jkollna.
8 Għaldaqstant, bħal Pawlu, irridu nkunu nafu kif nistgħu nkampaw jekk ikollna xi xewka bħal din. Ħajjitna tiddependi milli nagħmlu dan! Ftakar, Jehovah irid li jkollna ħajja taʼ dejjem fid-dinja l-ġdida tiegħu, fejn l-ebda problema li tkun bħal xewka għalina ma tistaʼ terġaʼ tfixkilna. Sabiex jgħinna nirbħu dan ir-rigal mill-isbaħ, Alla tana ħafna eżempji fil-Kelma mqaddsa tiegħu, il-Bibbja. Dawn juruna kif il-qaddejja leali tiegħu rnexxielhom jgħixu b’xewka f’ġisimhom. Huma kienu nies komuni u imperfetti, sewwa sew bħalna. L-eżempji taʼ xi wħud minn fost din is-“sħaba hekk kbira taʼ xhieda” jistgħu jgħinuna “nibqgħu niġru [“bis-sabar,” NW] t-triq tal-prova li għandna quddiemna.” (Lhud 12:1) Jekk nimmeditaw fuq dak li ssaportew, nistgħu nsaħħu l-fiduċja tagħna li kapaċi nkampaw maʼ kwalunkwe xewka li Satana juża kontrina.
Ix-Xewk li Nikket lil Mefiboset
9, 10. (a) X’ġara biex Mefiboset spiċċa b’xewka f’ġismu? (b) Is-Sultan David liema qalb tajba wera maʼ Mefiboset, u aħna kif nistgħu nimitaw lil David?
9 Ikkunsidra lil Mefiboset, bin Ġonatan il-ħabib taʼ David. Meta Mefiboset kellu ħames snin, waslet l-aħbar li missieru, Ġonatan, u nannuh, is-Sultan Sawl, kienu ġew maqtula. Il-mara li kienet tieħu ħsiebu taha ferħ taʼ ġenn. Hi “qabditu u . . . fl-għaġla li kellha biex taħrab, it-tifel waqaʼ u zzappap.” (2 Samwel 4:4) Din id-diżabilità żgur li kienet xewka kbira għal Mefiboset li kellu jibqaʼ jissaportiha waqt li kien qed jikber.
10 Xi snin wara, is-Sultan David, imqanqal mill-imħabba kbira li kellu għal Ġonatan, wera qalb tajba bl-imħabba maʼ Mefiboset. David tah il-propjetà kollha taʼ Sawl u qabbad lil Siba, li kien il-qaddej taʼ Sawl, biex jieħu ħsieb din l-art. David qal ukoll lil Mefiboset: ‘Int tibqaʼ tiekol dejjem mill-mejda tiegħi.’ (2 Samwel 9:6-10) Mingħajr ebda dubju, il-qalb tajba bl-imħabba li wera David kienet taʼ faraġ għal Mefiboset u għenitu jtaffi l-uġigħ li kellu minħabba d-diżabilità tiegħu. X’tagħlima mill-aqwa! Aħna wkoll għandna nuru qalb tajba maʼ dawk li qed jissieltu maʼ xi xewka f’ġisimhom.
11. Siba x’sostna dwar Mefiboset, imma kif nafu li dak li qal kien gidba? (Ara n-nota taʼ taħt.)
11 Iktar tard, Mefiboset kellu jissielet maʼ xewka oħra f’ġismu. Il-qaddej tiegħu Siba mmalafamah mas-Sultan David, li f’dak iż-żmien kien qed jaħrab minn Ġerusalemm minħabba r-rewwixta t’Absalom, bin David. Siba qal li Mefiboset baqaʼ f’Ġerusalemm apposta għax kien qed jittama li jieħu s-saltna f’idejh.a David emmen il-qlajja’ taʼ Siba u ta l-propjetà kollha li kellu Mefiboset lil dak il-giddieb!—2 Samwel 16:1-4.
12. Mefiboset kif irreaġixxa għas-sitwazzjoni tiegħu, u għala hu t’eżempju eċċellenti għalina?
12 Madankollu, meta fl-aħħar Mefiboset iltaqaʼ maʼ David, hu qal lis-sultan x’kien ġara verament. Hu kien qed iħejji biex jingħaqad maʼ David meta Siba qarraq bih u offra li jmur minfloku. Ħa passi David biex isewwi l-ħażen li sar? Mhux għalkollox. Hu qasam il-propjetà bejn iż-żewġt irġiel. Din, mela, setgħet kienet xewka oħra f’ġisem Mefiboset. Kien hu diżappuntat bil-kbir? Ipprotesta għad-deċiżjoni li ħa David, u qagħad igerger li ma kinitx ġusta? Le, hu qagħad umilment għax-xewqa tas-sultan. Hu ffoka fuq l-aspett pożittiv, u feraħ li dak il-wieħed li kellu d-dritt li jkun is-sultan taʼ Iżrael reġaʼ lura qawwi u sħiħ. Mefiboset tana tassew eżempju eċċellenti bil-mod kif issaporta d-diżabilità tiegħu, il-malafama, u d-diżappunt.—2 Samwel 19:24-30.
Neħemija Kampa mal-Provi Tiegħu
13, 14. Neħemija kellu jiffaċċja liema xewk meta reġaʼ lura biex jibni mill-ġdid is-swar taʼ Ġerusalemm?
13 Aħseb ftit dwar ix-xewk figurattiv li kellu jissaporti Neħemija meta, fil-ħames seklu Q.E.K., reġaʼ lura fil-belt taʼ Ġerusalemm li kienet għadha bla swar. Hu sab li l-belt kienet letteralment bla difiża, u l-Lhud li kienu rritornaw lura f’arthom kienu diżorganizzati, skuraġġiti, u maħmuġin f’għajnejn Jehovah. Għalkemm kellu l-awtorizzazzjoni tas-Sultan Artasersi biex jerġaʼ jibni s-swar taʼ Ġerusalemm, Neħemija ma damx ma induna li l-missjoni tiegħu ma kinitx milqugħa tajjeb mill-gvernaturi taʼ l-artijiet qrib. “Qabdithom diqa kbira għax kien ġie wieħed li ried jagħmel il-ġid lil ulied Iżrael.”—Neħemija 2:10.
14 Dawk il-barranin li kienu kontra għamlu dak kollu li setgħu biex iwaqqfu x-xogħol taʼ Neħemija. It-theddid, il-gideb, il-malafama, l-intimidazzjoni tagħhom—inkluż l-ispiji li ntbagħtu biex jaqtgħulu qalbu—żgur li kienu bħal xewk f’ġismu li baqaʼ jniggżu. Ċeda hu għat-tnassis taʼ dawk l-għedewwa? Le! Hu ma ddgħajjifx imma fada kompletament f’Alla. Għalhekk, meta fl-aħħar tlestew is-swar taʼ Ġerusalemm, dawn baqgħu għal żmien twil bħala xiehda taʼ l-appoġġ li Jehovah ta b’imħabba lil Neħemija.—Neħemija 3:33–4:6 (4:1-12, NW); 6:1-19.
15. Liema problemi fost il-Lhud inkwetaw profondament lil Neħemija?
15 Bħala gvernatur, Neħemija kellu jħabbat wiċċu wkoll maʼ ħafna problemi fost in-nies t’Alla. Dawn id-diffikultajiet kienu qishom xewk li tant inkwetah għaliex kien jeffettwa r-relazzjoni tal-poplu maʼ Jehovah. L-għonja kienu qed jitolbu imgħax għoli, u ħuthom, li kienu fqar, kellhom jitilqu r-rabaʼ u saħansitra jbigħu ’l uliedhom fil-jasar sabiex iħallsu d-dejn tagħhom u t-taxxa Persjana. (Neħemija 5:1-10) Ħafna Lhud kienu qed jiksru l-liġi tas-Sibt u ma kinux qed jgħinu fil-manteniment tal-Leviti u tat-tempju. Iżjed minn hekk, xi wħud kienu żżewġu “nisa minn Asdod, minn Għammon, u minn Mowab.” Kemm weġġgħu dan lil Neħemija! Imma l-ebda xewka minn dawn ma ġagħlitu jaqtaʼ qalbu. Għal darba wara l-oħra hu wera li kien iżomm b’żelu mal-liġijiet taʼ tjieba t’Alla. Jalla aħna, bħal Neħemija, ma nħallux in-nuqqas taʼ lealtà t’oħrajn iġagħalna nonqsu milli naqdu lealment lil Jehovah.—Neħemija 13:10-13, 23-27.
Ħafna Wħud Leali Oħrajn Irnexxielhom Ikampaw
16-18. L-inkwiet fil-familja kif kiddhom lil Iżakk u Rebekka, lil Anna, David, u Hosegħa?
16 Il-Bibbja fiha ħafna iktar eżempji taʼ nies li kampaw maʼ sitwazzjonijiet taʼ niket li kienu qishom xewk. Sors komuni għal dawn is-sitwazzjonijiet taʼ niket kienu l-problemi tal-familja. Iż-żewġ nisa t’Għesaw “kienu taʼ mrar għal qalb Iżakk u Rebekka,” il-ġenituri t’Għesaw. Rebekka saħansitra qalet li kienet iddejqet minn ħajjitha minħabba dawk in-nisa. (Ġenesi 26:34, 35; 27:46) Aħseb ukoll f’Anna, u kif Peninna, il-mara l-oħra taʼ żewġha, “kienet tinkiha u tweġġagħha” għaliex Anna ma setax ikollha tfal. Forsi Anna kienet tgħaddi minn dan it-turment taʼ spiss meta kienet tkun bejn l-erbaʼ ħitan taʼ darhom. Barra minn hekk, Peninna kienet toqgħod tinbixha wkoll fil-pubbliku—bla dubju quddiem il-qraba u l-ħbieb—meta l-familja kienet titlaʼ għall-festa f’Silo. Għal Anna, dan żgur li kien bħallikieku x-xewka kienet dieħla iktar ’il ġewwa.—1 Samwel 1:4-7.
17 Immedita ftit dwar dak li kellu jgħaddi minnu David minħabba l-għira esaġerata tal-kunjatu tiegħu, is-Sultan Sawl. Biex isalva ġildu, David kellu jmur jgħix fl-għerien fid-deżert taʼ Għajn-geddi, fejn kellu jixxabbat maʼ rdumijiet għoljin u perikolużi. Min jaf kemm kien imdejjaq u mxebbaʼ b’din l-inġustizzja, għax ma kien għamillu xejn lil Sawl. Madankollu, David kellu jqattaʼ snin sħaħ jgħix bħala maħrub—u dan kollu minħabba l-għira taʼ Sawl.—1 Samwel 24:15, 16 (24:14, 15, NW); Proverbji 27:4.
18 Immaġina l-inkwiet fil-familja li kien imdawwar bih il-profeta Hosegħa. Martu saret adultera. L-immoralità tagħha kienet bħal xewk imwaħħal f’qalbu. U min jaf kemm kompla jsofri meta miż-żína tagħha twieldu żewġt itfal illeġittimi!—Hosegħa 1:2-9.
19. Liema persekuzzjoni ħarxa ġiet fuq il-profeta Mikajja?
19 Xewka oħra fil-ġisem hi l-persekuzzjoni. Ikkunsidra l-esperjenza tal-profeta Mikajja. Meta t-twajjeb Mikajja ra li s-sultan mill-agħar Aħab kien ġabar madwaru l-profeti foloz u kien emmen il-gideb sfaċċat tagħhom, żgur li dan ġagħlu jħossu turmentat. Imbagħad, x’għamel il-kap taʼ dawk il-qarrieqa meta Mikajja qal lil Aħab li dawk il-profeti kollha kienu qed jitkellmu bl-“ispirtu tal-gideb”? Hu “ta daqqa taʼ ħarta lil Mikajja”! Saħansitra agħar minn hekk kienet ir-reazzjoni t’Aħab għat-twissija taʼ Jehovah li l-battalja biex jerġaʼ jieħu Ramot-gilgħad taħt idejh kienet se tintilef. Aħab ordna li Mikajja jiġi mitfugħ il-ħabs bi ftit ħobż u ilma. (1 Slaten 22:6, 9, 15-17, 23-28) Ftakar, ukoll, f’Ġeremija u kif hu ġie trattat mill-persekuturi qattiela tiegħu.—Ġeremija 20:1-9.
20. Maʼ liema xewk kellha tħabbat wiċċha Nagħomi, u kif ġiet premjata?
20 Il-mewt taʼ xi ħadd maħbub hija sitwazzjoni oħra taʼ mrar li tistaʼ tkun bħal xewka fil-ġisem. Nagħomi kellha tiffaċċja l-uġigħ li ġabet magħha l-mewt taʼ żewġha u taż-żewġ uliedha subien. Minkejja li kienet għadha mnikkta, hi rritornat lejn Betlehem. Lil ħbiebha qaltilhom biex ma jsejħulhiex iktar Nagħomi imma Mâra, isem li kien jirrifletti l-imrar li kienet ġarrbet. Imma fl-aħħar, Jehovah ippremja s-sabar tagħha b’neputi li kien jagħmel parti mil-linja li twassal għall-Messija.—Rut 1:3-5, 19-21; 4:13-17; Mattew 1:1, 5.
21, 22. Liema telfiet ġarrab Ġob, u kif irreaġixxa?
21 Aħseb daqsxejn dwar ix-xokk kbir li ħa Ġob meta semaʼ dwar il-mewta vjolenti u għal għarrieda taʼ l-għeżież għaxart itfal tiegħu, minbarra t-telf tal-merħliet u l-qaddejja tiegħu kollha. F’salt wieħed ħajtu nqalbet taʼ taħt fuq! Imbagħad, waqt li kien għadu għaddej minn dan kollu, Satana laqtu b’marda. Ġob setaʼ ħaseb li din il-marda kerha kienet se toqtlu. Tant ma felaħx iżjed għall-uġigħ li xtaq imut biex jistrieħ.—Ġob 1:13-20; 2:7, 8.
22 Biex tgħaxxaqha, martu, bin-niket u l-hemm li kellha, marret fuqu u qaltlu: “Isħet ’l Alla u mut!” X’xewka kienet din għal qalb muġugħa tiegħu! Imbagħad, it-tlett iħbieb taʼ Ġob, minflok ma farrġuh, attakkawh b’ħafna raġunar falz. Saħansitra xlewh li kien dineb fil-moħbi u li kien tort taʼ dawn id-dnubiet li ġralu dak li ġralu. Biex ngħidu hekk, bl-argumenti żbaljati tagħhom komplew jimbottaw ix-xewk f’ġismu iktar ’il ġewwa. Ftakar, ukoll, li Ġob ma kienx jaf għala kienu qed jiġrulu dawn l-affarijiet terribbli; lanqas ma kien jaf li ħajtu kienet se tiġi meħlusa. Iżda xorta waħda, “Ġob ma dinibx u ma qalx dagħwa waħda kontra Alla.” (Ġob 1:22; 2:9, 10; 3:3; 14:13; 30:17) Minkejja li ġie mifluġ b’ħafna xewk f’daqqa, hu baqaʼ dejjem iżomm l-integrità tiegħu. Kemm jinkuraġġina dan!
23. Dawk l-uħud leali li ddiskutejna dwarhom għala rnexxielhom jgħixu b’xewka f’ġisimhom?
23 Fil-Bibbja nsibu ħafna iżjed eżempji bħal dawn li għadna kemm rajna. Dawn il-qaddejja leali lkoll kellhom jissieltu max-xewk figurattiv tagħhom. U kemm problemi differenti kellhom jiffaċċjaw! Iżda, kellhom xi ħaġa komuni bejniethom. Ilkoll kemm huma baqgħu jaqdu lil Jehovah. Minkejja l-provi diffiċli kollha tagħhom, huma għelbu lil Satana bis-saħħa li tahom Jehovah. Kif? L-artiklu li jmiss se jwieġeb din il-mistoqsija u se jurina kif aħna wkoll nistgħu nkampaw maʼ kwalunkwe ħaġa li tistaʼ tkun bħal xewka f’ġisimna.
[Nota taʼ taħt]
a Komplott ambizzjuż bħal dan kien kontra l-karattru taʼ Mefiboset, li kien bniedem umli u jaf japprezza. Bla dubju, hu kien jaf tajjeb kemm missieru Ġonatan baqaʼ leali. Għalkemm kien iben is-Sultan Sawl, Ġonatan umilment irrikonoxxa lil David bħala l-wieħed magħżul minn Jehovah biex isaltan fuq Iżrael. (1 Samwel 20:12-17) Bħala ġenitur li kellu l-biżaʼ t’Alla u ħabib leali taʼ David, Ġonatan qatt ma kien se jdaħħal f’moħħ ibnu Mefiboset it-tama li xi darba kien se jikseb il-qawwa rjali.
Int Kif Twieġeb?
• Il-problemi li niffaċċjaw għala jistgħu jiġu mqabblin maʼ xewk f’ġisimna?
• Liema xewk kellhom jissaportu Mefiboset u Neħemija?
• Mill-eżempji Skritturali taʼ rġiel u nisa li rnexxielhom jgħixu b’xewka f’ġisimhom, liema laqtek l-iktar, u għala?
[Stampi f’paġna 15]
Mefiboset kellu jkampa mad-diżabilità tiegħu, il-malafama, u d-diżappunt
[Stampa f’paġna 16]
Neħemija żamm sħiħ minkejja l-oppożizzjoni