Żviluppa l-Abbiltà Bħala Għalliem
X’INHI l-mira tiegħek bħala għalliem? Jekk sirt pubblikatur tas-Saltna dan l-aħħar, żgur li tixtieq titgħallem kif tikkonduċi studju tal-Bibbja fid-dar, ladarba Ġesù ta lis-segwaċi tiegħu l-inkarigu biex jagħmlu dixxipli. (Mt. 28:19, 20) Jekk diġà ħadt sehem f’din l-attività, forsi l-mira tiegħek hi li ssir iktar effettiv f’li tilħaq qalb dawk li qed tipprova tgħin. Jekk int ġenitur, żgur li trid tkun it-tip taʼ għalliem li kapaċi jqanqal lil uliedu biex jiddedikaw ħajjithom lil Alla. (3 Ġw. 4) Jekk int anzjan jew qed tirsisti biex issir anzjan, forsi trid tkun kelliemi pubbliku li kapaċi jnissel fis-semmiegħa tiegħu apprezzament iktar profond għal Ġeħova u l-mogħdijiet tiegħu. Kif tistaʼ tilħaq dawn il-miri?
Tgħallem mill-Għalliem tas-Sengħa, Ġesù Kristu. (Lq. 6:40) Kemm jekk Ġesù kien qed ikellem lil folla fuq muntanja u kemm jekk lil ftit nies huma u mexjin fit-triq, dak li qal u l-mod kif qalu ħalla impressjoni dejjiema. Ġesù qanqal l-imħuħ u l-qlub tas-semmiegħa tiegħu u wera b’mod li setgħu jifhmuh kif kliemu kien japplika b’mod prattiku. Tistaʼ int twettaq affarijiet simili?
Strieħ fuq Ġeħova
L-abbiltà taʼ Ġesù biex jgħallem ġiet imsebbħa kemm għaliex kellu relazzjoni intima maʼ Missieru tas-sema kif ukoll permezz tal-barka tal-ispirtu taʼ Alla. Titlob int bil-ħerqa lil Ġeħova biex tkun tistaʼ tikkonduċi studju tal-Bibbja fid-dar b’mod effettiv? Jekk int ġenitur, titlob regolarment għall-gwida divina biex tgħallem lil uliedek? Toffri int talb mill-qalb meta tipprepara biex tagħti t-taħditiet jew tikkonduċi l-laqgħat? Meta tistrieħ fuq Ġeħova bit-talb se tiġi megħjun issir iktar effettiv bħala għalliem.
Il-fatt li tistrieħ fuq Ġeħova jidher ukoll billi tistrieħ fuq il-Kelma tiegħu, il-Bibbja. Fl-aħħar lejla tal-ħajja tiegħu bħala bniedem perfett, Ġesù qal lil Missieru fit-talb: “Tajthom kelmtek.” (Ġw. 17:14) Għalkemm Ġesù kellu ħafna esperjenza, hu qatt ma tkellem minnu nnifsu. Hu dejjem qal dak li għallmu Missieru, u b’hekk ħallielna eżempju biex insegwuh. (Ġw. 12:49, 50) Il-kelma taʼ Alla, kif inhi preservata fil-Bibbja, għandha l-qawwa li tinfluwenza lin-nies—għemilhom, l-iktar ħsibijiet ġewwinin tagħhom, u s-sentimenti tagħhom. (Ebr. 4:12) Int u tikber fl-għarfien dwar il-Kelma taʼ Alla u titgħallem tużah sew fil-ministeru tiegħek, se tkun qed tiżviluppa t-tip taʼ abbiltà li tgħallem u li tiġbed lin-nies lejn Alla.—2 Tim. 3:16, 17.
Onora lil Ġeħova
Biex tkun għalliem bħal Kristu ma jfissirx sempliċement li tkun kapaċi tagħti taħdita interessanti. Veru, in-nies baqgħu mistagħġbin “bil-kliem ħelu” taʼ Ġesù. (Lq. 4:22) Imma Ġesù għala tkellem tajjeb? Kien biex jonora lil Ġeħova u mhux biex jiġbed l-attenzjoni lejh innifsu. (Ġw. 7:16-18) Hu ħeġġeġ lis-segwaċi tiegħu: “Hekk għandu jiddi d-dawl tagħkom quddiem il-bnedmin, biex jaraw l-għemejjel tajbin tagħkom u jagħtu glorja lil Missierkom li hu fis-smewwiet.” (Mt. 5:16) Dan il-parir għandu jeffettwa l-mod kif ngħallmu. Għandha tkun il-mira tagħna li nevitaw kull ħaġa li ttellef din il-mira. Allura meta nippjanaw x’se ngħidu jew kif se ngħiduh, nagħmlu tajjeb nistaqsu lilna nfusna, ‘Dan se jkabbar l-apprezzament għal Ġeħova jew se jiġbed l-attenzjoni lejja?’
Pereżempju, tixbihat u eżempji meħudin mill-ħajja taʼ kuljum jistgħu jintużaw b’mod effettiv meta ngħallmu. Madankollu, meta tixbiha tingħad fit-tul jew esperjenza tiġi rakkontata wisq fid-dettall, il-punt tal-istruzzjoni jistaʼ jintilef. B’mod simili, meta jiġu rakkontati stejjer sempliċement għad-divertiment tal-udjenza, l-iskop tal-ministeru tagħna jintilef. Fil-fatt, l-għalliem ikun qed jiġbed l-attenzjoni lejh stess minflok ma jwettaq il-mira proprja tal-edukazzjoni teokratika.
‘Agħmel Distinzjoni’
Biex individwu tassew isir dixxiplu, hu jrid jifhem b’mod ċar x’qed jiġi mgħallem. Irid jismaʼ l-verità u jara kif inhi differenti minn twemmin ieħor. Meta toħroġ il-kuntrasti tgħinu biex jagħmel dan.
Darba wara l-oħra, Ġeħova ħeġġeġ lill-poplu tiegħu biex ‘jagħmel distinzjoni’ bejn dak li hu nadif u dak li mhuwiex. (Lev. 10:9-11) Hu qal li dawk li kienu se jaqdu fit-tempju spiritwali kbir tiegħu kienu se jgħallmu lin-nies “id-differenza bejn ħaġa qaddisa u ħaġa profana.” (Eżek. 44:23) Il-ktieb tal-Proverbji mimli kuntrasti bejn is-sewwa u l-ħażen, bejn l-għerf u l-bluha. Anki affarijiet li mhumiex opposti jistgħu jintgħarfu minn xulxin. L-appostlu Pawlu għamel kuntrast bejn bniedem ġust u bniedem tajjeb, kif inhu mniżżel f’Rumani 5:7. Fil-ktieb tal-Ebrej, hu wera kemm hu superjuri s-servizz saċerdotali taʼ Kristu għal dak taʼ Aron. Tabilħaqq, bħalma kiteb l-edukatur tas-seklu 17 John Amos Comenius: “It-tagħlim ma jfisser xejn iktar milli sempliċement turi kif l-affarijiet huma differenti minn xulxin fl-iskopijiet, il-forom, u l-oriġini tagħhom. . . . Għalhekk, min jaf jispjega tajjeb id-differenza bejn l-affarijiet jaf jgħallem tajjeb.”
Ejja nieħdu, pereżempju, li tgħallem lil xi ħadd dwar is-Saltna taʼ Alla. Jekk ma jifhimx x’inhi s-Saltna, tistaʼ turih kif dak li tgħid il-Bibbja huwa differenti mill-idea li s-Saltna hi sempliċement kundizzjoni fil-qalb tal-individwu. Jew tistaʼ turi kif is-Saltna hi differenti mill-gvernijiet umani. Però, għan-nies li jafu dawn il-veritajiet bażiċi, forsi tistaʼ tidħol iktar fid-dettall. Tistaʼ turihom kif is-Saltna Messjanika hi differenti mis-saltna universali taʼ Ġeħova stess, kif inhu deskritt f’Salm 103:19, jew mis-‘saltna taʼ l-Iben taʼ l-imħabba t’Alla,’ imsemmija f’Kolossin 1:13, jew mill-“amministrazzjoni,” imsemmija f’Efesin 1:10. L-użu tal-kuntrasti jistaʼ jgħin biex dan il-punt Bibliku importanti jkun ċar f’moħħ l-udjenza tiegħek.
Ġesù uża dan il-metodu taʼ tagħlim b’mod ripetut. Hu għamel kuntrast bejn il-fehma popolari tal-Liġi Mosajka u t-tifsir veru tal-Liġi. (Mt. 5:21-48) Hu wera d-differenza bejn id-devozzjoni vera lejn Alla u l-għemejjel ipokriti tal-Fariżej. (Mt. 6:1-18) Hu wera l-kuntrast bejn l-ispirtu taʼ dawk li ‘jiddominaw’ lil oħrajn u l-ispirtu taʼ sagrifiċċju persunali li kienu se juru s-segwaċi tiegħu. (Mt. 20:25-28) F’okkażjoni oħra, imniżżla f’Mattew 21:28-32, Ġesù stieden lis-semmiegħa tiegħu biex jaraw huma nfushom id-differenza bejn li wieħed ikun ġust f’għajnejh stess u l-indiema vera. Dan iwassalna għal aspett taʼ valur ieħor taʼ tagħlim effettiv.
Inkuraġġixxi lis-Semmiegħa Biex Jaħsbu
F’Mattew 21:28 naqraw li Ġesù introduċa x-xebh li kien se jagħmel billi staqsa: “X’taħsbu intom?” Għalliem tas-sengħa ma jgħidx sempliċement il-fatti jew jagħti t-tweġibiet. Minflok, jinkuraġġixxi lis-semmiegħa tiegħu biex irawmu l-abbiltà li jaħsbu. (Prov. 3:21; Rum. 12:1) Mod wieħed kif tistaʼ tagħmel dan hu billi tistaqsi l-mistoqsijiet. Bħalma nsibu f’Mattew 17:25, Ġesù staqsa: “X’taħseb Xmun? Is-slaten taʼ l-art mingħand min jirċievu d-dazju jew it-taxxa fuq kull ras? Mingħand uliedhom jew mingħand l-istranġieri?” Il-mistoqsijiet taʼ Ġesù li jqanqlu l-ħsieb għenu lil Pietru jasal għall-konklużjoni korretta dwar il-ħlas tat-taxxa tat-tempju. Bl-istess mod, meta wieġeb lil wieħed raġel li staqsa, “Min tassew hu l-proxxmu tiegħi?” Ġesù għamel kuntrast bejn l-għemejjel taʼ qassis u Levita u l-għemejjel taʼ Samaritan. Imbagħad qajjem din il-mistoqsija: “Minn dawn it-tlieta, min jidhirlek int li għamilha taʼ proxxmu għar-raġel li waqaʼ f’idejn il-ħallelin?” (Lq. 10:29-36) Għal darb’oħra, minflok ma ħaseb għas-semmiegħ tiegħu, Ġesù stiednu biex iwieġeb il-mistoqsija tiegħu stess.—Lq. 7:41-43.
Stinka Biex Tilħaq il-Qalb
Għalliema li jifhmu s-sens tal-Kelma taʼ Alla jirrealizzaw li l-qima vera mhijiex sempliċement kwistjoni taʼ li titgħallem bl-amment ċerti fatti u li ġġib ħajtek fi qbil maʼ ċerti regoli. Hija mibnija fuq relazzjoni tajba maʼ Ġeħova u apprezzament għall-mogħdijiet tiegħu. Qima bħal din tinvolvi l-qalb. (Dt. 10:12, 13; Lq. 10:25-27) Fl-Iskrittura, it-terminu “qalb” spiss jirreferi għall-persuna ġewwinija kollha kemm hi, inkluż affarijiet bħal xewqat, affezzjonijiet, sentimenti, u motivazzjonijiet.
Ġesù kien jaf li waqt li l-bnedmin iħarsu lejn id-dehra taʼ barra, Alla jara l-qalb. (1 Sam. 16:7) Is-servizz tagħna lil Alla għandu jkun imqanqal mill-imħabba tagħna għalih, mhux mill-isforzi biex nimpressjonaw lil bnedmin sħabna. (Mt. 6:5-8) Mill-banda l-oħra, il-Fariżej għamlu ħafna affarijiet biex jidhru. Huma poġġew enfasi kbira fuq li wieħed iżomm mad-dettalji tal-Liġi u jgħix skont ir-regoli li għamlu huma stess. Imma f’ħajjithom huma ma wrewx il-kwalitajiet li kienu se jidentifikawhom mal-Alla li kienu jgħidu li jqimu. (Mt. 9:13; Lq. 11:42) Ġesù għallem li għalkemm l-ubbidjenza għall-ħtiġijiet taʼ Alla hi importanti, il-valur taʼ ubbidjenza bħal din jiġi determinat minn dak li hemm fil-qalb. (Mt. 15:7-9; Mk. 7:20-23; Ġw. 3:36) Mit-tagħlim tagħna se joħroġ l-akbar ġid jekk nimitaw l-eżempju taʼ Ġesù. Huwa importanti li ngħinu lin-nies jitgħallmu dak li Alla jeħtieġ minnhom. Imma huwa importanti wkoll għalihom li jkunu jafu u jħobbu lil Ġeħova bħala persuna ħalli l-imġiba tagħhom turi kemm japprezzaw verament ir-relazzjoni approvata tagħhom mal-Alla l-veru.
M’għandniex xi ngħidu, biex jibbenefikaw minn tagħlim bħal dan, in-nies għandhom bżonn jeżaminaw qalbhom stess bl-onestà. Ġesù ħeġġeġ lin-nies biex janalizzaw il-motivi tagħhom u jeżaminaw is-sentimenti tagħhom. Meta kien jikkoreġi ħarsa żbaljata, hu kien jistaqsi lis-semmiegħa tiegħu għala kienu jaħsbu, jgħidu, jew jagħmlu ċerti affarijiet. Però, biex ma jiqafx hemm, Ġesù kien jagħmel stqarrija, jagħti tixbiha, jew jagħmel xi ħaġa flimkien mal-mistoqsija tiegħu ħalli jinkuraġġihom jaraw l-affarijiet kif suppost. (Mk. 2:8; 4:40; 8:17; Lq. 6:41, 46) Aħna nistgħu bl-istess mod ngħinu lis-semmiegħa tagħna billi nissuġġerulhom li jistaqsu lilhom infushom mistoqsijiet bħal: ‘Għala nħossni ninġibed lejn ċerta azzjoni? Għala nirreaġixxi għal din is-sitwazzjoni b’dan il-mod?’ Imbagħad qanqalhom jaraw l-affarijiet mill-ħarsa taʼ Ġeħova.
Uri l-Applikar
Għalliem tajjeb jaf li “l-għerf hu l-aqwa ħaġa.” (Prov. 4:7) L-għerf hu l-abbiltà li jiġi applikat l-għarfien b’suċċess biex jiġu solvuti l-problemi, jiġu evitati l-perikli, jintlaħqu l-miri, u jiġu megħjunin oħrajn. Hija r-responsabbiltà tal-għalliem li jgħin lill-istudenti jitgħallmu jagħmlu dan imma mhux li jieħu deċiżjonijiet għalihom. Meta tiddiskuti diversi prinċipji Bibliċi, għin lill-istudent jirraġuna. Tistaʼ tirreferi għal sitwazzjoni mill-ħajja taʼ kuljum u mbagħad tistaqsi lill-istudent kif il-prinċipju Bibliku li tkunu għadkom kif studjajtu jistaʼ jgħinu jekk jiffaċċja din is-sitwazzjoni.—Ebr. 5:14.
Fit-taħdita tiegħu f’Pentekoste tas-sena 33 E.K., l-appostlu Pietru pprovda eżempju taʼ applikar prattiku li effettwa l-ħajjiet tan-nies. (Atti 2:14-36) Wara li ddiskuta tliet siltiet Skritturali li l-folla kienet tgħid li temmen fihom, Pietru applikahom fid-dawl tal-ġrajjiet li lkoll kemm huma kienu xehdu għalihom. Minħabba f’hekk, il-folla ħasset li kellha bżonn taġixxi fuq dak li semgħet. It-tagħlim tiegħek għandu effett simili fuq in-nies? Tagħmel iktar milli sempliċement tgħidilhom il-fatti billi tgħin lin-nies jifhmu għala l-affarijiet huma kif inhuma? Tinkuraġġihom jikkunsidraw kif l-affarijiet li qed jitgħallmu għandhom jeffettwawlhom ħajjithom? Forsi mhumiex se jgħidulek, “X’għandna nagħmlu?” bħalma għamlet il-folla f’Pentekoste, imma jekk applikajt sew l-iskritturi huma se jiġu mqanqlin jikkunsidraw li jieħdu azzjoni xierqa.—Atti 2:37.
Meta taqraw il-Bibbja maʼ wliedkom, intom il-ġenituri jkollkom opportunità mill-aqwa biex tħarrġuhom jaħsbu dwar kif japplikaw b’mod prattiku l-prinċipji Bibliċi. (Efes. 6:4) Pereżempju, tistaʼ tagħżel ftit versi mill-qari tal-Bibbja fl-iskeda għall-ġimgħa, tiddiskuti t-tifsir tagħhom, u mbagħad tistaqsi mistoqsijiet bħal: ‘Dan kif jipprovdilna gwida? Kif nistgħu nużaw dawn il-versi fil-ministeru? X’juruna dwar Ġeħova u l-mod tiegħu kif jagħmel l-affarijiet, u dan kif jibni l-apprezzament tagħna għalih?’ Ħeġġeġ lill-familja tiegħek tikkummenta dwar dawn il-punti matul id-diskussjoni tal-punti prinċipali fl-Iskola tal-Ministeru Teokratiku. Il-versi li jikkummentaw dwarhom x’aktarx li se jkunu dawk li jiftakru.
Agħti Eżempju Tajjeb
Int ma tgħallimx biss b’dak li tgħid imma wkoll b’dak li tagħmel. L-azzjonijiet tiegħek jipprovdu eżempju prattiku taʼ kif tapplika l-affarijiet li tgħid. Hekk jitgħallmu t-tfal. Meta jimitaw lill-ġenituri tagħhom, huma juru li jridu jkunu bħalhom. Iridu jesperjenzaw dak li qed jagħmlu l-ġenituri tagħhom. Bl-istess mod, meta dawk li tgħallem ‘jimitaw lilek, bħalma int timita lil Kristu,’ huma jibdew jesperjenzaw il-barkiet li jkollu min jimxi fil-mogħdijiet taʼ Ġeħova. (1 Kor. 11:1) Huma jaraw għalihom infushom xi jfisser li Alla jgħinhom.
Din hi tfakkira serja u li ġġiegħlek taħseb dwar kemm hu importanti li nagħtu eżempju tajjeb. It-“tip taʼ persuni [li aħna] f’dawk li huma atti taʼ kondotta qaddisa u għemejjel taʼ devozzjoni lejn Alla” se jagħmel differenza kbira f’li nagħtu lil dawk li qed ngħallmu turija ħajja taʼ kif għandhom japplikaw il-prinċipji tal-Bibbja. (2 Pt. 3:11) Jekk tinkuraġġixxi student tal-Bibbja biex jaqra l-Kelma taʼ Alla regolarment, ħabrek biex taqraha int stess. Jekk trid lil uliedek jitgħallmu jgħixu skont il-prinċipji Bibliċi, kun ċert li jaraw li l-għemejjel tiegħek huma fi qbil mar-rieda taʼ Alla. Jekk tgħallem lill-kongregazzjoni biex tkun żeluża fil-ministeru, ara li int ikollok sehem sħiħ f’dan ix-xogħol. Meta tipprattika dak li tgħallem, se tkun f’pożizzjoni aħjar biex tqanqal lil oħrajn.—Rum. 2:21-23.
Biex ittejjeb it-tagħlim tiegħek, staqsi lilek innifsek: ‘Ngħallem b’tali mod li jagħmel differenza fl-attitudnijiet, fil-kliem, jew fl-għemejjel taʼ dawk li jisimgħu? Biex nuri l-affarijiet b’mod ċar, nagħmel kuntrast bejn ħsibijiet jew azzjonijiet differenti? X’nagħmel biex ngħin lill-istudenti tiegħi, lil uliedi, jew lill-udjenza tiegħi f’laqgħa biex tiftakar dak li ngħid? Nuri b’mod ċar lis-semmiegħa tiegħi kif għandhom japplikaw dak li jitgħallmu? Jistgħu jarawh fl-eżempju li nagħti? Jifhmu kif il-mod li jwieġbu għall-kwistjoni li qed tiġi diskussa jistaʼ jeffettwa r-relazzjoni tagħhom maʼ Ġeħova?’ (Prov. 9:10) Kompli agħti attenzjoni lil dawn l-affarijiet int u tipprova tiżviluppa l-abbiltà bħala għalliem. “Oqgħod attent il-ħin kollu għalik innifsek u għat-tagħlim tiegħek. Żomm maʼ dawn l-affarijiet, għax jekk tagħmel dan issalva kemm lilek innifsek u kemm lil dawk li jisimgħuk.”—1 Tim. 4:16.