LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • jr kap. 4 pp. 43-53
  • Għasses Kontra Qalb Qarrieqa

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Għasses Kontra Qalb Qarrieqa
  • Il-Kelma t’Alla Għalina Permezz taʼ Ġeremija
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • QLUB QARRIQIN JISTGĦU JIDĦQU BINA
  • IL-​MOD KIF ĠEĦOVA JSAWWARNA
  • AĊĊETTA T-​TISWIR MINN ĠEĦOVA
  • Qiegħed Tistaqsi Kuljum, “Fejn Hu Ġeħova?”
    Il-Kelma t’Alla Għalina Permezz taʼ Ġeremija
  • “Ma Nistax Noqgħod Sieket”
    Il-Kelma t’Alla Għalina Permezz taʼ Ġeremija
  • “Int Għidilhom Din il-​Kelma”
    Il-Kelma t’Alla Għalina Permezz taʼ Ġeremija
  • Liema Ħbieb Se Tagħżel Int?
    Il-Kelma t’Alla Għalina Permezz taʼ Ġeremija
Ara Iżjed
Il-Kelma t’Alla Għalina Permezz taʼ Ġeremija
jr kap. 4 pp. 43-53

Kapitlu Erbgħa

Għasses Kontra Qalb Qarrieqa

1, 2. Għala hu diffiċli li nkunu nafu l-​kundizzjoni vera tal-​qalb figurattiva tagħna?

IMMAĠINA li darba kmieni filgħodu waqt li tkun għadek fis-​sodda, tħoss weġgħa qawwija f’sidrek u qtugħ taʼ nifs. Forsi taħseb, ‘Tgħid attakk tal-​qalb?’ Li sempliċement tinjora l-​problema mhux se jgħin. Ikun hemm bżonn t’azzjoni immedjata. Allura forsi ċċempel għall-​ambulanza sabiex tieħu l-​għajnuna medika esperta. Għandu mnejn li tabib jeżaminak bir-​reqqa u forsi jagħmillek xi testijiet tal-​qalb. Id-​dijanjosi u l-​kura mill-​iktar fis jistgħu jagħmlu d-​differenza bejn il-​ħajja u l-​mewt.

2 Xi ngħidu għall-​qalb figurattiva tagħna? Jistaʼ ma jkunx faċli li tkun taf il-​kundizzjoni vera tagħha. Għala? Fil-​Bibbja naqraw: “Il-​qalb qarrieqa iktar minn kull ħaġa oħra u hi ddisprata. Min jistaʼ jifhimha?” (Ġer. 17:9) Allura, qalbna tistaʼ tqarraq bina billi ġġegħelna nemmnu li mhux veru hemm problema spiritwali, waqt li oħrajn jistgħu jindunaw li mhux kollox sew u jkunu konċernati. Għala għandna mnejn niġu mqarrqin? L-​inklinazzjonijiet midinbin tagħna jistgħu jaħdmu kontrina, u Satana u din is-​sistema jistgħu jaħbu s-​sitwazzjoni li tassew ninsabu fiha. Imma nistgħu nitgħallmu dwar l-​eżaminar tal-​qalb minn Ġeremija u n-​nies taʼ Ġuda fi żmienu.

3. X’saru allat għal ħafna nies?

3 Il-​biċċa l-​kbira min-​nies taʼ Ġuda kienu wrew li qalbhom kienet spiritwalment fi stat ħażin. Huma telqu lill-​uniku Alla veru biex qiemu allat Kangħanin, u l-​kuxjenza tagħhom ma niggżithomx. Ġeħova sfida lil dawk l-​aduraturi billi qal: “Fejn huma allatek li għamilt għalik? Ħa jqumu huma jekk jistgħu jsalvawk fi żmien il-​gwaj tiegħek. Għax allatek saru daqs l-​għadd taʼ blietek.” (Ġer. 2:28) Fil-​każ tagħna, żgur li ma nqisux lilna nfusna bħala aduraturi t’allat idoli. Però, taħt il-​kelma “alla,” dizzjunarju jgħid: “Persuna jew ħaġa taʼ valur suprem.” Ħafna nies fid-​dinja jpoġġu l-​karriera, is-​saħħa, il-​familja, u saħansitra l-​annimali domestiċi tagħhom l-​ewwel f’ħajjithom. Oħrajn iqisu l-​isports, in-​nies famużi, it-​teknoloġija, l-​ivvjaġġar, jew it-​tradizzjonijiet tagħhom bħala li huma taʼ valur suprem. Ħafna huma lesti jitilfu r-​relazzjoni tagħhom mal-​Ħallieq biex isusu wara affarijiet bħal dawn. Jistgħu l-​Kristjani veri jiġu effettwati, l-​istess kif ġew in-​nies taʼ Ġuda fi żmien Ġeremija?

QLUB QARRIQIN JISTGĦU JIDĦQU BINA

4. Kemm kienu sinċieri n-​nies li qalu: “Fejn hi l-​kelma taʼ Ġeħova? Ħa sseħħ issa”?

4 X’aktarx se jinteressak il-​kuntest tal-​istqarrija taʼ Ġeremija meta ddeskriva l-​qalb bħala ddisprata. Hu rrealizza li xi nies kienu qed jgħidu: “Fejn hi l-​kelma taʼ Ġeħova? Ħa sseħħ issa.” (Ġer. 17:15) Imma kienu sinċieri? Dan il-​kapitlu taʼ Ġeremija jibda bil-​kliem: “Id-​dnub taʼ Ġuda huwa miktub b’pinna tal-​ħadid. B’ponta taʼ djamant minqux fuq it-​tavla taʼ qalbhom.” Problema ewlenija kienet li dawk in-​nies taʼ Ġuda kienu qed ‘jafdaw fil-​bnedmin u jittamaw fid-​driegħ tal-​laħam, u qalbhom kienet tbiegħdet minn Ġeħova.’ Dan kien b’kuntrast mal-​ftit nies li fdaw f’Alla u li daru lejh għall-​gwida u l-​barkiet.—Ġer. 17:1, 5, 7.

5. In-​nies fil-​pajjiż taʼ Ġeremija b’liema modi rreaġixxew għad-​direzzjoni taʼ Ġeħova?

5 Il-​kundizzjoni tal-​qalb tal-​biċċa l-​kbira min-​nies intweriet minn kif irreaġixxew għal dak li qal Alla. (Aqra Ġeremija 17:21, 22.) Pereżempju, is-​Sabat kellu jkun jum taʼ mistrieħ mill-​ħidma regulari u opportunità biex in-​nies jieħdu sehem f’attivitajiet spiritwali. In-​nies fil-​pajjiż taʼ Ġeremija ma kellhomx jinnegozjaw jew jagħmlu l-​qadi fis-​Sabat. Imma r-​reazzjoni tagħhom kixfet il-​kundizzjoni taʼ qalbhom. “Huma la taw widen u lanqas mejlu widnithom, u webbsu rashom biex ma jisimgħux u ma jirċievu l-​ebda dixxiplina.” Għalkemm kienu jafu l-​liġi t’Alla, huma kellhom il-​ħarsa tagħhom stess—kellhom ix-​xogħol tagħhom x’jagħmlu fis-​Sabat.—Ġer. 17:23; Is. 58:13.

6, 7. (a) Illum kif jistaʼ Kristjan jirraġuna b’mod mhux għaqli, minkejja l-​parir mill-​klassi tal-​ilsir leali? (b) L-​attendenza għal-​laqgħat tagħna kif tistaʼ tiġi effettwata?

6 Illum, m’aħniex taħt il-​liġi tas-​Sabat. Madanakollu, hemm tagħlima taʼ twissija fil-​mod kif irreaġixxew in-​nies, u b’hekk urew il-​kundizzjoni taʼ qalbhom. (Kol. 2:16) Sabiex nagħmlu r-​rieda t’Alla, warrabna fil-​ġenb l-​attivitajiet egoistiċi jew tad-​dinja. Aħna nirrealizzaw kemm tkun bluha li nagħżlu mod konvenjenti għalina biex nogħġbu lil Alla. U x’aktarx sirna nafu lil ħafna wħud li kkonċentraw fuq li jagħmlu r-​rieda t’Alla u li tassew sabu li dan kien rifreskanti u taʼ mistrieħ. Allura, aħna kif nistgħu niġu żvijati?

7 Kristjan jistaʼ jkun żbaljat li jaħseb li qalbu qatt ma tistaʼ tqarraq bih, kif ġara lil ħafna fi żmien Ġeremija. Pereżempju, raġel għandu mnejn jirraġuna, ‘Għandu jkolli xogħol biex ngħajjex lil familti,’ u dan nistgħu nifhmuh. Xi ngħidu jekk dan wasslu biex jaħseb, ‘Għandi bżonn iktar edukazzjoni biex niżgura jew ikolli xogħol deċenti’? Dan ukoll forsi jidher raġunevoli, u jwasslu għall-​konklużjoni, ‘Iż-​żminijiet inbidlu, u biex tirnexxi llum għandek bżonn taʼ edukazzjoni f’xi kulleġġ jew università biex ikollok xogħol permanenti.’ Malajr jistaʼ jibda jnaqqas l-​importanza tal-​parir għaqli u bilanċjat mill-​klassi tal-​ilsir leali u għaqli dwar iktar edukazzjoni u jibda jitlef il-​laqgħat! F’dan ir-​rigward, xi wħud bil-​mod il-​mod ġew magħġunin bir-​raġunar u l-​ħarsa tad-​dinja. (Efes. 2:2, 3) Il-​Bibbja bix-​xieraq twissina: “Tibqgħux magħġunin skond din is-​sistema.”—Rum. 12:2.a

Stampi f’paġna 46

Qalbek qarrqet bik biex tibda titlef il-​laqgħat?

8. (a) Kristjan dwar xiex għandu mnejn iħossu ftit kburi? (b) Għala mhuwiex biżżejjed li nkunu nafu fatti dwar Alla u dwar kif ittratta man-​nies?

8 Veru, xi Kristjani fl-​ewwel seklu kienu sinjuri u forsi kienu xi ftit prominenti fid-​dinja. Dan hu minnu dwar xi Kristjani fi żmienna wkoll. Kif għandhom iħossuhom dwar dak li wettqu, u aħna kif għandna nħarsu lejn uħud bħal dawn? Ġeħova ta t-​tweġiba permezz taʼ Ġeremija. (Aqra Ġeremija 9:23, 24.) Minflok ma wieħed jiftaħar b’dak li wettaq f’ħajtu, hu jkun għaqli jekk jagħraf li l-​iktar ħaġa taʼ valur hi li jkun jaf lis-​Sovran Universali. (1 Kor. 1:31) Imma, xi jfisser li nifhmu lil Ġeħova u jkollna l-​għarfien dwaru? In-​nies fi żmien Ġeremija kienu jafu l-​isem t’Alla. Ukoll, kienu konxji taʼ dak li għamel biex isalva lill-​antenati tagħhom fil-​Baħar l-​Aħmar, meta daħħalhom fl-​Art Imwiegħda, fiż-​żminijiet tal-​Imħallfin, u matul il-​ħakmiet taʼ slaten leali. Minkejja dan, ma kinux tassew jafu lil Ġeħova jew eżerċitaw fidi ġenwina fih. Madanakollu, qalu: “Jien bqajt innoċenti. Żgur li [Alla] reġġaʼ lura r-​rabja tiegħu minn fuqi.”—Ġer. 2:35.

Għala hu importanti li nagħrfu li qalbna hi qarrieqa? Kif nistgħu neżaminaw lil qalbna u nitgħallmu kif forsi jħares lejna l-​Eżaminatur il-​Kbir tal-​qlub?

IL-​MOD KIF ĠEĦOVA JSAWWARNA

Stampa f’paġna 48

Qed tħalli lil Ġeħova jsawrek?

9. Kif nistgħu nkunu ċerti li bidla fil-​kundizzjoni tal-​qalb hija possibbli, u bidla bħal din kif tistaʼ sseħħ?

9 Il-​Lhud li lilhom Ġeremija wassal il-​messaġġ t’Alla kellhom bżonn ibiddlu l-​kundizzjoni taʼ qalbhom. Dan kien possibbli, għax Alla qal hekk dwar dawk li kienu se jiġu lura mill-​eżilju: “Nagħtihom qalb li biha jkunu jafuni, li jien Ġeħova; u jsiru l-​poplu tiegħi, u jien insir Alla tagħhom, għax huma jerġgħu lura għandi.” (Ġer. 24:7) Bidla simili hija possibbli llum ukoll. Minbarra dan, il-​biċċa l-​kbira minna nistgħu ntejbu l-​kundizzjoni tal-​qalb spiritwali tagħna. Tliet affarijiet huma vitali: studju persunali serju tal-​Kelma t’Alla, fehma taʼ kif din teffettwa ’l ħajjitna, u applikar taʼ dak li tgħallimna dwar Alla. Kuntrarju għal dawk fi żmien Ġeremija, aħna għandna nkunu rridu li l-​Eżaminatur il-​Kbir tal-​qlub jeżamina lil qalbna. U aħna nistgħu neżaminaw qalbna stess permezz tal-​Bibbja kif ukoll billi ninnotaw kif Ġeħova aġixxa għan-​nom tagħna. (Salm 17:3) Kemm hu għaqli li nagħmlu dan!

10, 11. (a) Ġeremija għala mar għand fuħħari? (b) X’jiddetermina kif Ġeħova jsawwar lin-​nies?

10 Satana jrid jifforma lin-​nies billi jdeffishom kollha f’ċerta għaġna, imma t-​tiswir minn Alla jqis lill-​individwi. Naraw eżempju taʼ dan fl-​esperjenza taʼ Ġeremija. Ġurnata minnhom, Alla qallu biex imur fid-​dar taʼ fuħħari. Il-​fuħħari kien qed jaħdem fuq ir-​rota tiegħu, imma meta r-​reċipjent li kien qed jagħmel tħassar, hu sempliċement sawwar lit-​tafal li kien għadu mxarrab f’reċipjent differenti. (Aqra Ġeremija 18:1-​4.) Ġeremija għala ntqallu biex josserva dan, u x’nistgħu nitgħallmu mill-​esperjenza tiegħu?

11 Ġeħova ried juri lil Ġeremija u lil Iżrael li Hu għandu l-​awtorità li jsawwar lin-​nies u lill-​ġnus f’dak li jrid Hu. Alla kif iħaddem it-​tafal? Kuntrarju għal xi fuħħari uman, Ġeħova ma jiħux żbalji; lanqas ma jeqred xogħol idejh għal xejn b’xejn. Il-​mod kif in-​nies iwieġbu għat-​tiswir minn Ġeħova jiddetermina dak li se jagħmel bihom.—Aqra Ġeremija 18:6-​10.

12. (a) Ġeħojakim kif irreaġixxa għall-​isforzi taʼ Ġeħova biex isawru? (b) X’lezzjoni tistaʼ titgħallem mir-​rakkont taʼ Ġeħojakim?

12 Allura, Ġeħova kif isawwar lil individwi? L-​iktar ħaġa li juża llum hi l-​Bibbja. Hekk kif persuna taqra u tirreaġixxi għall-​Kelma t’Alla, hi turi x’tip taʼ persuna hi, u b’hekk Alla jkun jistaʼ jsawwarha. Issa ejja nikkunsidraw l-​eżempju tas-​Sultan Ġeħojakim biex naraw kif in-​nies fi żmien Ġeremija setgħu ġew imsawrin fil-​kwistjonijiet tal-​ħajja taʼ kuljum. Il-​Liġi ordnat li ħadd m’għandu ‘jimbrolja lil ħaddiem mikri,’ imma s-​sultan proprju hekk għamel billi sfrutta lill-​Iżraelin sħabu u ħaddimhom għal ħlas baxx biex jibni “dar kbira.” (Dt. 24:14; Ġer. 22:13, 14, 17) Alla pprova jsawwar lil Ġeħojakim permezz tal-​kelma Tiegħu mwassla mill-​profeti. Però, is-​sultan segwa l-​inklinazzjoni tal-​qalb qarrieqa tiegħu. Hu qal, “Ma rridx nobdi” u baqaʼ jaġixxi bħalma kien jagħmel minn żgħożitu ’l quddiem. Għalhekk, Alla qal: “B’difna bħal taʼ ħmar jindifen [Ġeħojakim], imkaxkar u mormi.” (Ġer. 22:19, 21) Xi bluha tkun din jekk ngħidu: ‘Jien hekk magħmul!’ Illum, Alla mhux qed jibgħat profeti bħal Ġeremija, imma qed joffri l-​gwida. Il-​klassi tal-​ilsir leali u għaqli tgħinna naraw u napplikaw prinċipji Bibliċi. Dawn jistgħu jolqtu xi aspetti mill-​ħajja taʼ kuljum, bħal pereżempju, l-​ilbies u d-​dehra tagħna jew il-​mużika u ż-​żfin li jkun hemm f’tieġ jew f’okkażjoni soċjali oħra. Se nħallu lilna nfusna niġu msawrin mill-​Kelma t’Alla?

13, 14. (a) Dawk li kellhom l-​ilsiera f’Ġerusalemm għala qablu li jeħilsu lill-​ilsiera Ebrej tagħhom? (b) Kif intweriet il-​kundizzjoni vera tal-​qalb taʼ dawk li kellhom l-​ilsiera?

13 Ikkunsidra eżempju ieħor. Il-​Babiloniżi poġġew lil Sedekija fuq it-​tron taʼ Ġuda bħala sultan sottomess lejhom. Imbagħad, kuntrarju għall-​parir li Alla ta permezz taʼ Ġeremija, Sedekija rribella. (Ġer. 27:8, 12) Għalhekk, il-​Babiloniżi assedjaw lil Ġerusalemm. Is-​sultan u l-​prinċpijiet tiegħu ħassew li kellhom jagħmlu xi ħaġa biex jobdu l-​Liġi ħalli jiksbu l-​approvazzjoni t’Alla. Peress li Sedekija kien jaf li l-​ilsiera Ebrej kellhom jinħelsu fis-​sebaʼ sena tal-​jasar tagħhom, hu għamel patt biex jeħles ilsiera bħal dawn. (Eżo. 21:2; Ġer. 34:14) Iva, kien meta Ġerusalemm kienet imdawra bl-​għedewwa li n-​nies f’daqqa waħda dehrilhom li kien jaqblilhom jeħilsu lill-​ilsiera tagħhom!—Aqra Ġeremija 34:8-​10.

14 Iktar tard, armata militari Eġizzjana ġiet tgħin lil Ġerusalemm, u b’hekk il-​Babiloniżi kellhom jirtiraw l-​assedju. (Ġer. 37:5) X’kienu se jagħmlu dawk li ħelsu lill-​ilsiera tagħhom? Huma ġegħluhom jerġgħu jidħlu fil-​jasar. (Ġer. 34:11) Il-​punt hu li meta kienu fil-​periklu, il-​Lhud donnhom obdew il-​liġijiet divini, bħallikieku dan setaʼ jpatti għad-​diżubbidjenza li wrew. Imma meta ma kienx għad hemm periklu, reġgħu bdew jaġixxu bħal qabel. Minkejja l-​fatt li taparsi aċċettaw it-​tifsir veru tal-​Liġi, dak li għamlu wara wera li f’qalbhom ma ridux jaġixxu fi qbil mad-​direzzjoni misjuba fil-​Kelma t’Alla u jkunu msawrin minnha.

X’lezzjoni prattika tistaʼ tislet minn dak li kiteb Ġeremija dwar fuħħari? Ġeħova kif isawwarna llum?

AĊĊETTA T-​TISWIR MINN ĠEĦOVA

15. Sa liema punt tixtieq tkun imsawwar minn Ġeħova? Spjega.

15 Bl-​għajnuna tal-​kongregazzjoni globali taʼ Ġeħova, nistgħu nsiru konxji taʼ prinċipji Bibliċi li jittrattaw dwar ċerta mġiba. Pereżempju, għandna mnejn nafu kif għandna nirreaġixxu jekk ħu jirfsilna l-​kallu. (Efes. 4:32) X’aktarx nammettu li l-​parir tal-​Bibbja hu tajjeb u għaqli. Imma xi kwalità taʼ tafal se nuru li aħna? Se nħallu verament lil Ġeħova jsawwarna? Jekk qalbna kapaċi tirtab, se ninbidlu għall-​aħjar; il-​Fuħħari l-​Kbir se jsawwarna f’reċipjent li hu iktar adattat biex ikun jistaʼ jużah. (Aqra Rumani 9:20, 21; it-​2 Timotju 2:20, 21.) Minflok ma nuru attitudni tal-​qalb bħal dik taʼ Ġeħojakim jew tas-​sidien tal-​ilsiera fi żmien Sedekija, għandna naċċettaw li nkunu msawrin minn Ġeħova għal skop onorabbli.

16. Ġeremija kien konxju taʼ liema verità importanti?

16 Anki Ġeremija ġie msawwar minn Alla. X’kienet l-​attitudni tal-​profeta? Tistaʼ tinduna x’kienet minn dak li ammetta meta qal: “Lanqas min jimxi ma jistaʼ jidderieġi l-​passi tiegħu.” Imbagħad talab lil Alla bil-​ħrara: “Ikkoreġini, O Ġeħova.” (Ġer. 10:23, 24) Żgħażagħ, se timitaw intom lil Ġeremija? X’aktarx għandkom ħafna deċiżjonijiet quddiemkom. Xi żgħażagħ iridu ‘jidderieġu l-​passi tagħhom stess.’ Se dduru lejn Alla għall-​gwida meta tiġu biex tieħdu d-​deċiżjonijiet? Se tammettu b’mod umli, kif għamel Ġeremija, li l-​bnedmin urew li mhumiex kapaċi jidderieġu l-​passi tagħhom stess? Ftakar: Jekk tfittex għall-​gwida t’Alla, hu jsawrek.

17-19. (a) Ġeremija għala għamel vjaġġ twil lejn l-​Ewfrat? (b) L-​ubbidjenza taʼ Ġeremija kif setgħet ġiet imġarrba? (ċ) X’kien ir-​riżultat taʼ dak li għamel Ġeremija biċ-​ċinturin?

17 L-​inkarigu taʼ Ġeremija involva l-​ubbidjenza lejn dak li qallu Alla. Kieku inti kont Ġeremija kont taċċetta kwalunkwe istruzzjoni li stajt ngħatajt? Darba minnhom, Ġeħova qal lil Ġeremija biex jieħu ċinturin tal-​għażel u jilbsu. Imbagħad, Alla kkmandah jivvjaġġa sal-​Ewfrat. Jekk tħares lejn mappa se tara li dan kien vjaġġ taʼ xi 500 kilometru. Meta jasal, Ġeremija kellu jaħbi ċ-​ċinturin f’xaqq fil-​blat u mbagħad jivvjaġġa t-​triq kollha lura Ġerusalemm. U wara, Alla qabbdu jerġaʼ jmur iġib iċ-​ċinturin. (Aqra Ġeremija 13:1-​9.) B’kollox, Ġeremija kellu jivvjaġġa madwar 2,000 kilometru. Kritiċi tal-​Bibbja sempliċement ma jistgħux jemmnu li Ġeremija vvjaġġa distanzi daqshekk twal, vjaġġ li kien ifisser mixi għal xhur sħaħ.b (Esd. 7:9) Xorta waħda, Alla hekk qallu jagħmel u Ġeremija obda.

18 Ġib quddiem għajnejk il-​profeta jivvjaġġa ġol-​muntanji tal-​Lhudija u mbagħad, skont ir-​rotta li ddeċieda jieħu, jgħaddi minn deżert lejn l-​Ewfrat. Dan kollu sempliċement biex jaħbi ċinturin tal-​għażel! Il-​fatt li dam żmien twil nieqes mid-​dar żgur li qajjem il-​kurżità tal-​ġirien. Meta rritorna ma kienx għad għandu ċ-​ċinturin tal-​għażel. Imbagħad, Alla qallu biex jerġaʼ jagħmel il-​vjaġġ twil biex iġib lura ċ-​ċinturin, li issa kien tmermer u “ma kien tajjeb għal xejn.” Immaġina kemm setaʼ kien faċli li jaħseb: ‘Issa żżejjed kollu żejjed. Dan kollu għalfejn?’ Iżda, peress li kien imsawwar minn Alla, ma rreaġixxiex b’dan il-​mod. Minflok ma lmenta, hu għamel kif ġie kmandat!

Stampa f’paġna 53

Għaliex għandna nobdu l-​istruzzjonijiet taʼ Ġeħova anki jekk ma nifhmuhomx għalkollox?

19 Kien biss wara t-​tieni vjaġġ li Alla spjega l-​affarijiet. Dak li kien għamel Ġeremija serva t’eżempju li setaʼ juża meta wassal messaġġ qawwi: “Dawn in-​nies ħżiena li ma jridux jobdu kliemi, li mexjin fl-​ebusija taʼ qalbhom, u li jibqgħu jimxu wara allat oħrajn sabiex jaqduhom u jmilu quddiemhom, se jsiru wkoll bħal dan iċ-​ċinturin li m’hu tajjeb għal xejn.” (Ġer. 13:10) Kemm hu impressjonanti l-​mod kif Ġeħova jgħallem lill-​poplu tiegħu! L-​ubbidjenza mill-​qalb taʼ Ġeremija lejn Ġeħova f’dak li donnu kien xi ħaġa insinifikanti kellha rwol fl-​isforzi Tiegħu biex jilħaq qalb in-​nies.—Ġer. 13:11.

20. L-​ubbidjenza tiegħek għala tistaʼ tħawwad lil xi wħud, imma minn xiex tistaʼ tkun ċert?

20 Il-​Kristjani llum mhux se jiġu mitlubin jimxu mijiet taʼ kilometri bħala parti minn xi tagħlima divina. Jistaʼ jkun, imma, li l-​mod taʼ ħajja Kristjana tiegħek iġiegħel lill-​ġirien jew uħud li jafuk biex jitħawdu jew saħansitra jikkritikawk? Dan jistaʼ jkun minħabba l-​ilbies u d-​dehra tiegħek, l-​għażla tiegħek fl-​edukazzjoni, dak li tippreferi bħala karriera, jew anki l-​ħarsa tiegħek lejn ix-​xorb alkoħoliku. Se tkun determinat daqskemm kien Ġeremija biex tgħix fi qbil mal-​gwida t’Alla? L-​għażliet li tagħmel minħabba l-​fatt li ħallejt lil qalbek tkun imsawra minn Alla jistgħu jwassluk biex tagħti xhieda mill-​aħjar. Jiġri x’jiġri, hu għall-​ġid dejjiemi tiegħek li tobdi d-​direzzjoni taʼ Ġeħova li tinsab fil-​Kelma tiegħu u taċċetta l-​gwida mogħtija permezz tal-​klassi tal-​ilsir leali. Minflok ma tkun immexxi minn qalb qarrieqa, int tistaʼ tkun bħal Ġeremija. Allura, kun determinat li taċċetta t-​tiswir minn Alla; ħallih jifformak f’reċipjent onorabbli li jistaʼ juża għal dejjem.

Għala huwa vitali li niġġieldu kontra l-​pressjonijiet minn Satana, mill-​qalb imperfetta tagħna, u mid-​dinja?

a In-​NET Bible (2005) tgħid: “Issirx fi qbil maʼ din id-​dinja.” Nota taʼ taħt tispjega li din il-​frażi tistaʼ tagħti x’tifhem li wieħed isir fi qbil maʼ din id-​dinja b’mod sottili, jiġifieri, li kważi kważi lanqas jinduna b’dak li qed jiġri, għalkemm jistaʼ jinduna b’xi ftit mit-​tibdil li qed iseħħ. X’aktarx dan it-​tibdil ikun qed iseħħ kemm b’mod konxju kif ukoll mingħajr ma wieħed jinduna. ”

b Xi wħud jgħidu li l-​post fejn kellu jmur Ġeremija ma kienx l-​Ewfrat imma xi mkien iktar fil-​viċin. Għala? Studjuż jgħid: “L-​unika raġuni għal din il-​kritika hi biex il-​profeta jiffranka l-​battikata taż-​żewġ vjaġġi li suppost għamel minn Ġerusalemm sal-​Ewfrat.”

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja