Hija l-Għajnuna Filantropika s-Soluzzjoni?
GĦALKEMM fuq l-aħbarijiet tismaʼ ħafna dwar id-diżastri naturali, il-faqar, il-ġuħ, il-mard, u problemi potenzjali fl-ambjent, ġiet osservata wkoll xejra ftit iktar pożittiva—waħda taʼ ġenerożità. Kultant fuq l-aħbarijiet tismaʼ avviżi dwar nies għonja li jagħtu donazzjonijiet taʼ mijiet taʼ miljuni, saħansitra biljuni, taʼ dollari għal raġunijiet validi. Spiss tara ċelebritajiet jużaw il-fama li għandhom biex jiġbdu l-attenzjoni lejn problemi serji. Anki ħafna nies li għandhom dħul medju jagħtu donazzjonijiet għal diversi motivi validi. Però, il-ġenerożità finanzjarja waħedha sa liema punt tistaʼ tkun t’għajnuna, speċjalment meta nitħaddtu dwar il-futur?
Era tad-Deheb għall-Ġenerożità?
F’ċerti pajjiżi milli jidher il-ġenerożità qed issir iktar u iktar popolari. “Fil-bidu tas-seklu wieħed u għoxrin, hawn iktar fondazzjonijiet [filantropiċi] b’iktar riżorsi finanzjarji f’iktar pajjiżi milli qatt kien hawn qabel,” innota sors wieħed. U hekk kif iktar u iktar nies qed isiru għonja, huwa mistenni li l-ġenerożità tkompli tiżdied. Mhux biss se jkun hemm uħud li se jkollhom iktar x’jagħtu imma wkoll hekk kif l-għonja jmutu u jħallu l-għana tagħhom bħala wirt, huwa mistenni li s-sehem li jmur lill-għaqdiet tal-karità se jiżdied. Mhux taʼ b’xejn li The Economist, ġurnal Ingliż taʼ l-aħbarijiet, qal li forsi qed niffaċċjaw il-bidu t’“era tad-deheb għall-għajnuna filantropika.”
Raġuni waħda għala n-nies qed jagħmlu dan hu minħabba li l-gvernijiet jonqsu milli jieħdu ħsieb problemi globali urġenti. Mibgħut speċjali tal-ĠM għall-HIV/AIDS fl-Afrika semma “nuqqas kbir taʼ tmexxija politika” bħala raġuni waħda għala ċ-ċelebritajiet qed jinvolvu ruħhom iktar u iktar fi kwistjonijiet globali li jinvolvu s-saħħa. Kemm jekk il-problema tinvolvi l-faqar, il-kura tas-saħħa, l-ambjent, l-edukazzjoni, u kemm jekk il-ġustizzja soċjali, l-għonja b’mod partikulari qed juru “nuqqas taʼ paċenzja li dejjem jikber minħabba li l-isforzi tal-gvern u l-isforzi internazzjonali m’humiex biżżejjed biex il-problemi jiġu solvuti jew imorru għall-aħjar,” jgħid Joel Fleishman fil-ktieb tiegħu The Foundation: A Great American Secret—How Private Wealth Is Changing the World. Xi filantropi għonja li huma ħerqanin biex iġibu bidla minn issa, jipprovaw japplikaw metodi li rnexxewlhom fin-negozju.
Il-Qawwa taʼ l-Għajnuna Filantropika
Fil-bidu tas-seklu 20 kien hemm l-hekk imsejħa era tad-deheb għall-għajnuna filantropika. Negozjanti li għandhom qawwa kbira bħal Andrew Carnegie u John D. Rockefeller, Sr., iddeċidew li jużaw l-għana kbir tagħhom biex jgħinu lil min hu fil-bżonn. Dawn il-benefatturi raw li l-għaqdiet tradizzjonali tal-karità, waqt li kienu qed jitimgħu lil nies imġewħin jew jikkuraw tfal morda, ma kinux qed jieħdu ħsieb il-kaġun taʼ dawn l-affarijiet. Minħabba li ħassew il-bżonn li l-għoti jsir b’mod iktar strateġiku, huma stabbilew istituti u fondazzjonijiet li kienu se jinkuraġġixxu bidla soċjali u jipprovdu l-fondi għal riċerka mmirata biex il-problemi jiġu eliminati mill-għeruq. Minn dakinhar ’l hawn, letteralment eluf t’organizzazzjonijiet bħal dawn ġew stabbiliti madwar id-dinja, u iktar minn 50 minnhom għandhom fondi taʼ iktar minn biljun dollaru kull wieħed.
M’għandniex xi ngħidu, sar ħafna ġid minħabba dawn l-inizjattivi. Hemm numru bla għadd taʼ skejjel, libreriji, sptarijiet, ġonna, u mużewijiet li jixhdu għal dan. Bl-istess mod, programmi li jgħinu biex ir-rabaʼ jipproduċi iktar ikel għenu biex jiġi provdut iktar ikel lil pajjiżi milqutin mill-faqar. L-għajnuna finanzjarja li ngħatat għar-riċerka medika kkontribwiet għal avanzi fil-kura tas-saħħa u, f’ċerti każi, tneħħa għalkollox ċertu mard, bħad-deni tas-suffejra.
Illum, minħabba li l-problemi globali qed jiġu miġġildin b’iktar urġenza u b’iktar riżorsi minn qatt qabel, l-opportunità għas-suċċess tidher probabbli għal ħafna nies. Fl-2006, wieħed li qabel kien president taʼ l-Istati Uniti qal lil grupp taʼ filantropi: “M’huwiex possibbli nenfasizzaw iżżejjed l-effett li l-ġenerożità privata se jkollha fuq il-ġid tan-nies b’mod ġenerali.”
Però, ħafna huma iktar attenti fil-ħarsa tagħhom. Laurie Garrett, esperta fil-qasam tal-kura tas-saħħa globali, kitbet: “Individwu għandu mnejn jaħseb li b’dawn il-flus kollha disponibbli dalwaqt se jkun possibbli li nsolvu ħafna mill-problemi tas-saħħa globali. Imma dan ikun sejjer żball.” Għala? Hi ssemmi l-burokrazija, il-korruzzjoni, in-nuqqas taʼ koordinazzjoni fl-isforzi li jsiru, u t-tendenza fost min jagħti l-flus li jiddetermina għal liema mard għandhom jintużaw flusu—per eżempju, għall-AIDS.
Minħabba li l-isforzi m’humiex koordinati sew u l-flus qed jiġu “diretti l-iktar għal mard speċifiku li hu magħruf ħafna—minflok għas-saħħa pubblika b’mod ġenerali,” Garrett tħoss li “hemm periklu kbir li l-era taʼ ġenerożità li hawn bħalissa mhux biss se tonqos milli twettaq l-istennijiet imma wkoll se ġġiegħel li l-affarijiet imorru għall-agħar.”
Għala l-Flus M’Humiex Biżżejjed
Is-suċċess taʼ l-għajnuna filantropika, minkejja l-mira tagħha, dejjem se jkun limitat. Għala? Raġuni waħda hi li la l-flus u lanqas l-edukazzjoni sekulari tajba ma jistgħu jeliminaw problemi bħar-regħba, il-mibegħda, il-preġudizzju, in-nazzjonaliżmu, it-tribwaliżmu, u t-twemmin reliġjuż falz. Għalkemm dawn l-affarijiet iżidu l-gwajijiet tal-bniedem, m’humiex il-kaġun ewlieni tat-tbatija. Bħalma turi l-Bibbja, hemm involuti fatturi saħansitra iktar fundamentali.
Wieħed minnhom hu l-imperfezzjoni tal-bniedem minħabba d-dnub. (Rumani 3:23; 5:12) Minħabba l-imperfezzjoni tagħna għandna t-tendenza li naħsbu u nagħmlu affarijiet ħżiena. Ġenesi 8:21 jgħid: “Qalb il-bniedem miġbuda għall-ħażen sa minn ċkunitu.” Peress li jċedu għal din l-inklinazzjoni ħażina, miljuni jieħdu sehem fl-immoralità sesswali u fl-abbuż tad-drogi. Mill-banda l-oħra, dawn l-attivitajiet jikkontribwixxu biex jinfirxu diversi tipi taʼ mard, bħall-AIDS.—Rumani 1:26, 27.
It-tieni kaġun għat-tbatija umana hu li aħna ma nafux naħkmu lilna nfusna b’mod effettiv. “M’hijiex f’idejh [il-bniedem] . . . anqas min jimxi ma jistaʼ jiddirieġi l-passi tiegħu,” jgħid Ġeremija 10:23. In-“nuqqas kbir taʼ tmexxija politika,” li rreferejna għalih qabel, huwa raġuni waħda għala ħafna organizzazzjonijiet filantropiċi jagħmlu d-donazzjonijiet tagħhom mingħajr ma jfittxu l-għajnuna tal-gvern. Il-Bibbja tispjega li l-bnedmin kellhom iduru lejn il-Ħallieq bħala Ħakkiem, mhux lejn xulxin.—Isaija 33:22.
Iktar minn hekk, il-Bibbja twiegħed li l-Ħallieq, Alla Ġeħova, se jsolvi l-problemi kollha li qed inikktu l-umanità. Tabilħaqq, hu diġà ħa miżuri kbar għal dan l-iskop.
L-Akbar Filantropu
Il-kelma “filantropija” ġejja minn kelma Griega li tfisser “imħabba għall-bnedmin.” Ħadd m’għandu mħabba akbar għall-bnedmin milli għandu l-Ħallieq tagħna. Ġwanni 3:16 jgħid: “Alla tant ħabb lid-dinja li ta l-Iben uniġenitu tiegħu, biex kulmin jeżerċita l-fidi fih ma jinqeridx imma jkollu l-ħajja taʼ dejjem.” Iva, Ġeħova ta ħafna iktar minn sempliċi flus biex jeħles lill-bnedmin mill-qabda soda tad-dnub u l-mewt. Hu ta lill-Iben prezzjuż tiegħu bħala “fidwa għal ħafna.” (Mattew 20:28) L-appostlu Pietru kiteb dwar Ġesù: “Hu ġarr dnubietna f’ġismu stess fuq iz-zokk, sabiex neħilsu mid-dnubiet u ngħixu għall-ġustizzja. U ‘bil-ġrieħi tiegħu ġejtu mfejqin.’”—1 Pietru 2:24.
Ġeħova ħa ħsieb ukoll il-problema tal-ħakma. Għal dan l-għan, hu stabbilixxa gvern dinji msejjaħ is-Saltna t’Alla. Waqt li taħkem mis-sema, din is-Saltna se tneħħi l-ħżiena kollha u se ġġib paċi u armonija fuq il-Pjaneta Art.—Salm 37:10, 11; Danjel 2:44; 7:13, 14.
Minħabba li se jieħu ħsieb għalkollox il-kaġuni ewlenin għat-tbatija umana, Alla se jwettaq dak li huwa impossibbli għall-bnedmin kollha, kemm b’mod individwali u kemm bħala grupp. Fi qbil maʼ dan, minflok ma jistabbilixxu organizzazzjonijiet filantropiċi, ix-Xhieda taʼ Ġeħova, minħabba li jimitaw lil Kristu, jippreferu jiddedikaw il-ħin u r-riżorsi finanzjarji tagħhom biex jiddikjaraw “l-aħbar tajba tas-saltna” t’Alla.—Mattew 24:14; Luqa 4:43.
[Kaxxa/Stampa f’paġna 21]
“Alla Jħobb lil Min Jagħti bil-Ferħ”
Dan il-kliem, misjub fil-Bibbja fit-2 Korintin 9:7, huwa prinċipju li jiggwida lix-Xhieda taʼ Ġeħova. Meta jagħtu mill-ħin, l-enerġija, u l-affarijiet materjali tagħhom għall-benefiċċju t’oħrajn, huma jistinkaw biex jagħtu kas dan l-inkuraġġiment: “Ħa ma nħobbu la bil-kliem u lanqas bl-ilsien, imma bl-għemil u l-verità.”—1 Ġwanni 3:18.
Meta jkun hemm bżonn, bħal meta jkun hemm xi diżastru naturali, ix-Xhieda jarawh bħala privileġġ li jgħinu lil dawk li jkunu ġew effettwati. Per eżempju, wara li l-Uragani Katrina, Rita, u Wilma laqtu r-reġjuni tan-nofsinhar taʼ l-Istati Uniti, ħafna eluf taʼ Xhieda volontieri marru fl-inħawi li ġew effettwati biex jagħtu daqqa t’id fix-xogħol taʼ l-għajnuna u tal-bini mill-ġdid. Taħt is-superviżjoni tal-kumitati lokali għall-għajnuna, il-volontieri sewwew u rrestawraw iktar minn 5,600 dar tax-Xhieda taʼ Ġeħova u 90 Sala tas-Saltna—kważi kulma ġarrab il-ħsara.
M’huwiex meħtieġ mix-Xhieda taʼ Ġeħova li jagħtu 10 fil-mija mid-dħul tagħhom u b’ebda mod ieħor ma jittallbu għall-fondi. Ix-xogħol tagħhom huwa appoġġat għalkollox minn kontribuzzjonijiet volontarji.—Mattew 6:3, 4; 2 Korintin 8:12.
[Stampi f’paġna 19]
Il-flus ma jistgħux jaqilgħu mill-għeruq il-kaġun tal-mard u t-tbatija umana
[Sors]
© Chris de Bode/Panos Pictures