Għandek Int Konsulent Spiritwali?
FL-ETÀ żgħira taʼ 16-il sena, Għużżija sar sultan tas-saltna tan-nofsinhar taʼ Ġuda. Hu saltan għal iktar minn 50 sena, mis-sena 829 Q.E.K. sas-sena 778 Q.E.K. Għużżija “għamel is-sewwa f’għajnejn il-Mulej” sa minn żgħożitu. X’influwenzah biex jaqbad it-triq it-tajba? Ir-rakkont storiku jgħid: “[Għużżija] kien ifittex lil Alla sakemm dam ħaj Żakkarija, li kien jgħallmu jibżaʼ minn Alla. U sakemm dam ifittex il-Mulej, Alla kien jagħtih ir-riżq.”—2 Kronaki 26:1, 4, 5.
Il-ftit li nafu dwar Żakkarija, il-konsulent tas-sultan, huwa biss minn dan ir-rakkont fil-Bibbja. Madankollu, bħala għalliem li kien ‘jibżaʼ minn Alla,’ Żakkarija kellu influwenza mill-aqwa fuq il-ħakkiem żagħżugħ sabiex jagħmel dak li hu tajjeb. The Expositor’s Bible jgħid li Żakkarija żgur kien “raġel midħla taʼ l-għarfien Skritturali, kellu abbundanza taʼ dehen spiritwali, u kien kapaċi jaqsam l-għarfien maʼ ħaddieħor.” Wieħed studjuż tal-Bibbja kkonkluda hekk dwar Żakkarija: “Hu kien midħla tal-profeziji u . . . kien raġel intelliġenti, devot, rett; u jidher li kellu influwenza kbira fuq Għużżija.”
Il-ħajja leali t’Għużżija ġabitlu ħafna barkiet, u hu “tqawwa fuq li tqawwa” minħabba li “Alla kien jgħinu.” Iva, is-suċċess fl-isforzi sekulari tiegħu kien jiddependi mis-suċċess spiritwali li kellu “sakemm dam ħaj Żakkarija.” (2 Kronaki 26:6-8) Wara li Għużżija kellu dan is-suċċess hu abbanduna t-tagħlim taʼ Żakkarija, il-konsulent tiegħu. “Qalbu [Għużżija] tkabbret sa tħassret, u dineb kontra l-Mulej.” B’konsegwenza taʼ l-għemil tiegħu bla rispett, hu ġie milqut b’marda moqżieża fil-ġilda, li ġabitlu diżabilità, u b’hekk ma setax iwettaq id-dmirijiet kollha taʼ sultan.—2 Kronaki 26:16-21.
Għandek int lil xi ħadd li tistaʼ ssejjaħlu struttur, jew konsulent, li jinfluwenzak biex ‘tfittex lil Alla’? Int jistaʼ jkollok lil xi ħadd, sew jekk għadek żagħżugħ u sew jekk m’għadekx, sew jekk int raġel u sew jekk int mara. Għożżu konsulent bħal dan, għax il-pariri tiegħu jew tagħha jistgħu jgħinuk tagħmel dak li hu sewwa f’għajnejn Ġeħova. Agħti widen għal dan il-Kristjan matur, u kkunsidra bis-serjetà l-parir li jagħtik. Jalla qatt ma tagħti dahrek għall-kliem għaqli minn struttur li “jibżaʼ minn Alla.”—Proverbji 1:5; 12:15; 19:20.