Tistaʼ Festa Pagana Ssir Kristjana?
MATUL ix-xitwa tas-sena 2004, fl-istaġun tal-Milied fl-Italja kien hemm dibattitu jaħraq. Xi għalliema u oħrajn fil-qasam taʼ l-edukazzjoni appoġġaw l-idea li jnaqqsu kemm jistgħu jew saħansitra jeliminaw għalkollox kwalunkwe referenza għat-tradizzjonijiet reliġjużi tal-Milied. Huma appoġġaw din l-idea minħabba r-rispett lejn l-għadd li dejjem jikber taʼ tfal taʼ l-iskola li la huma Kattoliċi u lanqas Protestanti. Madankollu, oħrajn fil-qasam taʼ l-edukazzjoni u f’oqsma oħrajn insistew li t-tradizzjonijiet jiġu rispettati u preservati għalkollox.
Però, minbarra din il-kontroversja, sewwasew minfejn ġew eżattament ħafna mit-tradizzjonijiet tal-Milied? Hekk kif id-dibattitu kien qed jilħaq il-quċċata tiegħu, il-ġurnal tal-Vatikan L’Osservatore Romano semma xi affarijiet interessanti.
Rigward id-data taʼ meta jiġi ċelebrat il-Milied, il-ġurnal Kattoliku qal: “Mill-ħarsa storika, id-data vera tat-twelid taʼ Ġesù, tinsab moħbija wara velu taʼ inċertezza rigward l-istorja Rumana, iċ-ċensiment imperjali taʼ dak iż-żmien, u r-riċerka fis-sekli taʼ wara. . . . Id-data tal-25 taʼ Diċembru, kif ħafna jafu sew, intgħażlet mill-Knisja taʼ Ruma fir-rabaʼ seklu. Din id-data, f’Ruma, li dak iż-żmien kienet tqim ħafna allat, kienet dedikata lill-alla Xemx . . . Għalkemm il-Kristjanità kienet diġà ġiet rikonoxxuta f’Ruma mid-Digriet taʼ Kostantinu, il-ħrafa taʼ . . . l-alla Xemx kienet għadha popolari speċjalment fost is-suldati. Il-festi li semmejna, li kienu jsiru kollha fil-25 taʼ Diċembru, kellhom l-għeruq fondi tagħhom fit-tradizzjoni popolari. Dan il-fatt ta l-idea lill-Knisja taʼ Ruma biex tagħti sinifikat reliġjuż Kristjan lil dan il-jum billi minflok lill-alla Xemx tpoġġi x-Xemx vera tal-Ġustizzja, Ġesù Kristu, u tagħżel dan il-jum biex fih jiġi ċelebrat it-twelid tiegħu.”
Xi ngħidu għas-siġra tal-Milied, li issa hija parti mit-tradizzjoni Kattolika?
L-artiklu fil-ġurnal Kattoliku semma li lura fiż-żminijiet tal-qedem, ħafna mis-siġar li jħaddru s-sena kollha, bħal dik taʼ l-“ileks (holly), taż-żuf, tar-rand, u l-friegħi taʼ larżnu jew taż-żnuber kienu kunsidrati bħala li għandhom qawwiet maġiċi jew mediċi li jbiegħdu l-mard.” Dan l-artiklu kompla jgħid: “Lejliet il-Milied, fl-24 taʼ Diċembru, kienet issir it-tifkira taʼ Adam u Eva permezz taʼ l-episodju tant magħruf tas-Siġra tal-Ġenna taʼ l-art . . . Is-siġra suppost li kienet siġra tat-tuffieħ, imma ladarba s-siġra tat-tuffieħ ma kinitx tkun adattata fix-xitwa, kienet titpoġġa siġra taż-żnuber fuq il-palk u kien jiddendel xi tuffieħ mal-friegħi jew inkella, bħala simbolu tal-miġja futura tal-Fidwa, kienu jiddendlu ostji magħmulin minn gallettini mfarrkin impoġġijin f’forom speċjali li kienu simboli tal-preżenza taʼ Ġesù fl-Ewkaristija, u kienu jiddendlu wkoll ħelu u rigali għat-tfal.” Xi ngħidu għaż-żmien taʼ wara?
Meta semma li t-tradizzjoni taʼ l-użu taʼ siġra tal-Milied bdiet għall-ewwel fil-Ġermanja fis-seklu 16, L’Osservatore Romano nnota: “L-Italja kienet waħda mill-aħħar pajjiżi li aċċettat is-siġra tal-Milied, u parti mir-raġuni kienet minħabba l-għajdut mifrux maʼ kullimkien li l-użu tas-siġar tal-Milied kien drawwa Protestanta, u b’hekk minflokha kellu jsir il-presepju [ix-xena tat-Twelid taʼ Ġesù].” Il-Papa Pawlu VI “beda t-tradizzjoni li titpoġġa siġra enormi tal-Milied [fil-Pjazza San Pietru, f’Ruma]” ħdejn ix-xena tat-Twelid taʼ Ġesù.
Taqbel int li għandek taċċetta l-fatt li mexxej reliġjuż jagħti tifsir li jidher Kristjan lil ġrajjiet u simboli li għandhom l-għeruq tagħhom fil-paganiżmu tal-qedem? Rigward l-għażla għaqlija, l-Iskrittura twissi lill-Kristjani veri: “Xi sħubija hemm bejn il-ġustizzja u l-ksur tal-liġi? Jew x’għandu x’jaqsam id-dawl mad-dlam?”—2 Korintin 6:14-17.
[Stampi f’paġni 8, 9]
Is-siġra tal-Milied (fil-paġna taʼ faċċata) u x-xena tat-Twelid taʼ Ġesù fil-Vatikan
[Sors]
© 2003 BiblePlaces.com
[Stampa f’paġna 9]
L-alla xemx
[Sors]
Museum Wiesbaden