Għala Għandek Iżżomm il-Wegħdi Tiegħek?
“IVVOTAW lil dak li jwiegħed l-inqas; hu jkun l-inqas wieħed li jiddiżappuntakom,” qal il-mejjet Bernard Baruch, dak li kien jagħti l-pariri lill-president Amerikan. Fid-dinja tal-lum donnu li l-wegħdi jsiru biex ma jitwettqu qatt. Jistgħu jkunu l-wegħdi taż-żwieġ, taʼ ftehim fin-negozju, jew dawk biex wieħed iqattaʼ iktar ħin mat-tfal. Dak li jrid jgħid il-qawl komuni, “Il-bniedem tagħrfu minn wegħditu,” qed jiġi injorat bil-kbir.
M’għandniex xi ngħidu, ħafna nies qatt ma jkollhom l-intenzjoni li jżommu l-wegħdi tagħhom. Oħrajn jagħmlu wegħdi taʼ malajr li ma jkunux jistgħu jwettquhom jew li ma jżommux kelmithom sempliċement għaliex dan ikun eħfef għalihom li jagħmlu hekk.
Irridu nammettu illi li żżomm wegħda jistaʼ jkun diffiċli jekk iqumu xi ċirkustanzi mhux mistennijin. Imma wegħda mhix kompluta tassew li tagħmel daqshekk ħsara? Għandek tieħu l-wegħdi tiegħek bis-serjetà? Ħarsa qasira lejn l-eżempju t’Alla Jehovah se jgħinna naraw għaliex għandna nikkunsidraw bis-serjetà din il-kwistjoni.
Jehovah Jwettaq il-Wegħdi Tiegħu
Aħna nqimu lil Alla, li l-istess ismu għandu x’jaqsam mat-twettiq tal-wegħdi tiegħu. Fiż-żminijiet Bibliċi l-isem taʼ spiss kien jiddeskrivi lill-persuna. Dan hu minnu wkoll dwar l-isem taʼ Jehovah, li jfisser “Hu Jikkaġuna li Jsir.” (Eżodu 3:14) B’hekk, l-isem divin jinkludi l-ħsieb li Alla se jwettaq il-wegħdi tiegħu u jtemm l-iskopijiet tiegħu.
Fi qbil maʼ ismu, Jehovah żamm kull wegħda li għamel lill-ġens taʼ Iżrael tal-qedem. Rigward dawn il-wegħdi, is-Sultan Salamun irrikonoxxa: “Mbierek il-Mulej li ta l-mistrieħ lill-poplu tiegħu Iżrael bħalma kien wiegħdu. Ebda wegħda ma sfat fix-xejn milli kien wiegħed permezz tal-qaddej tiegħu Mosè.”—1 Slaten 8:56.
Dwar il-fatt kemm tassew Jehovah jistħoqqlu fiduċja, l-appostlu Pawlu setaʼ jirraġuna: “Meta Alla għamel il-wegħda lil Abraham, billi ma kienx hemm aqwa minnu biex jaħlef bih, ħalef bih innifsu.” (Lhud 6:13) Iva, l-istess isem u l-persuna taʼ Jehovah huma garanzija li hu se jżomm il-wegħdi tiegħu, avolja dawn jistgħu jiswewlu bil-bosta. (Rumani 8:32) Il-fatt li Jehovah jwettaq il-wegħdi tiegħu jagħtina t-tama li hu ankra għal ruħna, jew għal ħajjitna.—Lhud 6:19.
Il-Wegħdi taʼ Jehovah u l-Futur Tagħna
It-tama tagħna, il-fidi tagħna, u l-ħajja nfisha tagħna tassew li kollha jiddependu fuq it-twettiq tal-wegħdi taʼ Jehovah. Liema tama qed ngħożżu? “Imma aħna, skond il-wegħda tiegħu [t’Alla], nistennew smewwiet ġodda u art ġdida, li fihom tgħammar il-ġustizzja.” (2 Pietru 3:13) L-Iskrittura tagħtina wkoll bażi għall-fidi li “kemm it-tajbin u kemm il-ħżiena għad iqumu minn bejn l-imwiet.” (Atti 24:15) U nistgħu nkunu ċerti li hemm xi ħaġa iktar minn din il-ħajja preżenti. Tabilħaqq, dik li l-appostlu Ġwanni jsejħilha “l-wegħda” hija l-“ħajja taʼ dejjem.” (1 Ġwann 2:25) Imma l-wegħdi taʼ Jehovah fil-Kelma tiegħu m’humiex limitati għall-futur. Dawn jagħtu sinjifikat lil ħajjitna issa stess.
Is-salmista għanna: “Qrib il-Mulej lejn kull min isejjaħlu, . . . jismaʼ l-għajta tagħhom.” (Salm 145:18, 19) Alla jassigurana wkoll li “Hu li jagħti l-qawwa lill-għajjien, u jkattar il-qawwa lil min hu bla saħħa.” (Isaija 40:29) Kemm hu taʼ faraġ li tkun taf li ‘Alla ma jħallinix niġġarrbu iktar milli nifilħu: jaħseb li mat-tiġrib jagħtina l-qawwa u l-għajnuna’! (1 Korintin 10:13) Jekk esperjenzajna aħna stess it-twettiq taʼ kwalunkwe waħda minn dawn il-wegħdi, aħna nafu li Jehovah jistaʼ jiġi fdat kompletament. Meta nqisu l-benefiċċji li niksbu mill-ħafna wegħdi li Alla jagħmel u jżomm, kif għandna nqisu l-wegħdi li aħna nagħmlulu?
Inżommu l-Wegħdi Tagħna lil Alla
Id-dedikazzjoni tagħna lil Alla hija mingħajr ebda dubju l-iktar wegħda importanti li nistgħu nagħmlu. Billi nieħdu dan il-pass, aħna nuru li rridu naqdu lil Jehovah għal dejjem. Waqt li l-kmandamenti t’Alla m’humiex tqal, għandu mnejn li mhux dejjem ikun faċli li nagħmlu r-rieda tiegħu, peress li qed ngħixu f’din is-sistema t’affarijiet mill-agħar. (2 Timotju 3:12; 1 Ġwann 5:3) Imma ladarba ‘qegħedna idejna fuq il-moħriet’ u sirna qaddejja dedikati taʼ Jehovah u dixxipli taʼ Ibnu, Ġesù Kristu, qatt m’għandna nħarsu lura lejn l-affarijiet tad-dinja li ħallejna warajna.—Luqa 9:62.
Meta nitolbu lil Jehovah, nistgħu nħossuna mqanqlin li nwegħduh li se niġġieldu biex negħlbu xi dgħjufija, li se nikkultivaw xi kwalità Kristjana, jew li se nżidu xi aspett taʼ l-attività teokratika tagħna. X’se jgħinna nsegwu dawn il-wegħdi sa l-aħħar?—Qabbel Koħèlet 5:1-4 [Koħèlet 5:2-5, NW].
Wegħdi sinċieri joħorġu mill-qalb kif ukoll mill-moħħ. Għalhekk, ejja nżommu l-wegħdi tagħna lil Jehovah billi niftħu qlubna miegħu fit-talb, billi bl-onestà nesprimu l-biżaʼ, ix-xewqat, u d-dgħjufijiet tagħna. Meta nitolbu dwar xi wegħda, id-deċiżjoni tagħna biex inżommuha se tissaħħaħ. Nistgħu nħarsu lejn il-wegħdi tagħna lil Alla bħad-djun. Meta d-djun ikunu kbar, il-ħlas ikollu jsir bin-nifs. Bl-istess mod, ħafna wegħdi li aħna nagħmlu lil Jehovah se jieħdu ż-żmien biex inwettquhom. Imma billi regolarment nagħtuh dak li nistgħu, aħna nuru li qed nieħdu bis-serjetà dak li ngħidu, u hu se jberikna fi qbil maʼ dan.
Nistgħu nuru li nieħdu l-wegħdi tagħna bis-serjetà billi nitolbu dwarhom taʼ sikwit, forsi anki kuljum. Dan se juri lil Missierna tas-sema li aħna sinċieri u se jservi wkoll bħala tfakkira regulari. David ħallielna eżempju mill-aħjar f’dan ir-rigward. Fl-għanja, hu talab bil-ħniena lil Jehovah: “Ismaʼ, o Alla, l-għajta tiegħi, agħti widen għat-talba tiegħi. . . . Hekk infaħħar ismek għal dejjem, jien u nrodd kuljum il-wegħdiet tiegħi.”—Salm 61:2, 9 [Salm 61:1, 8, NW].
Li Nżommu l-Wegħdi Tagħna Jibni l-Fiduċja
Jekk il-wegħdi lil Alla m’għandhomx jittieħdu ħafif ħafif, l-istess jistaʼ jingħad dwar dawk li nagħmlu lil Kristjani sħabna. M’għandniex nittrattaw lil Jehovah b’mod u lil ħutna b’mod ieħor. (Qabbel l-1 Ġwann 4:20.) Fil-Priedka tiegħu taʼ fuq il-Muntanja, Ġesù qal: “Mela ħa jkun id-diskors tagħkom, ‘Iva, iva’, ‘Le, le.’” (Korsiv tagħna.) (Mattew 5:37) Li nkunu ċerti li kelmitna hi dejjem taʼ min jafdaha hu mod wieħed biex “nagħmlu l-ġid maʼ kulħadd, l-iktar maʼ qrabatna fil-fidi.” (Galatin 6:10) Kull wegħda li nagħmlu tibni l-fiduċja.
Il-ħsara li ssir meta ma nżommux wegħda taʼ spiss tidher iktar meta jkunu involuti l-flus. Kemm jekk iħallas lura xi self, jagħmel xi servizz, jew iwettaq xi ftehim kummerċjali, Kristjan għandu jżomm il-wegħda tiegħu. Dan jogħġob lil Alla u jgħaqqad il-fiduċja reċiproka li tant hi essenzjali jekk l-aħwa għandhom “jgħammru flimkien.”—Salm 133:1.
Madankollu, in-nuqqas taʼ li wieħed jimxi skond il-ftehim jistaʼ jkun taʼ ħsara għall-kongregazzjoni kif ukoll għall-individwi involuti direttament. Indokratur li jivvjaġġa josserva: “Tilwim fin-negozju—kważi dejjem kaġunat minħabba li parti waħda taħseb li l-parti l-oħra naqset li taġixxi fuq il-ftehim li jkun sar—ta’ sikwit isir xi ħaġa pubblika. Bħala riżultat, l-aħwa jinfirdu, u l-atmosfera fis-Sala tas-Saltna tistaʼ ssir waħda mimlija tensjoni.” Kemm hu importanti li nikkunsidraw bir-reqqa kwalunkwe ftehim li nagħmlu u npoġġu l-kwistjoni bil-miktub!a
Għandna noqogħdu attenti wkoll meta nbigħu prodotti li jiswew ħafna flus jew meta nirrikkmandaw xi investiment, speċjalment jekk aħna stess ikollna xi profitt minn dan in-negozju. Bl-istess mod, hemm bżonn li noqogħdu verament b’sebaʼ għajnejn biex ma nesaġerawx il-benefiċċji taʼ ċerti artikli jew prodotti tas-saħħa jew li nwegħdu xi qligħ mhux realistiku minn xi investiment. L-imħabba għandha tqanqal lill-Kristjani biex jispjegaw ċar kwalunkwe riskju involut. (Rumani 12:10) Ladarba l-biċċa l-kbira taʼ l-aħwa għandhom esperjenza limitata fuq in-negozju, huma jistgħu jafdaw il-parir tagħna sempliċement minħabba li aħna relatati magħhom fil-fidi. Kemm ikun traġiku jekk din il-fiduċja tiġi mżebilħa!
Bħala Kristjani, aħna ma nistgħux nadottaw prattiċi taʼ negozju li huma diżonesti jew li jinjoraw l-interessi leġittimi t’oħrajn. (Efesin 2:2, 3; Lhud 13:18) Sabiex ikollna l-favur taʼ Jehovah bħala li ‘ngħammru fit-tinda tiegħu,’ għandna nkunu wħud taʼ min jafdana. ‘Jekk naħilfu, imqar bi ħsara tagħna stess, . . . inżommu kelmitna.’—Salm 15:1, 4, Karm Żammit.
Ġeftaħ, l-imħallef taʼ Iżrael, wiegħed li jekk Alla jagħtih ir-rebħa fuq l-Għammonin, hu kien se jagħti bħala offerta maħruqa lil Jehovah l-ewwel persuna li toħroġ biex tiltaqaʼ miegħu wara r-ritorn tiegħu mill-battalja. Irriżulta li din kienet l-unika wild taʼ Ġeftaħ, imma hu ma marx lura minn kelmtu. Billi bintu minn qiegħ qalbha qablet miegħu, hu offrieha għal servizz permanenti fis-santwarju t’Alla—sagrifiċċju li mingħajr ebda dubju kien taʼ wġigħ u li swielu ħafna f’diversi modi.—Mħallfin 11:30-40.
L-indokraturi fil-kongregazzjoni b’mod speċjali għandhom ir-responsabbiltà li jimxu skond il-ftehim li jagħmlu. Skond l-1 Timotju 3:2, indokratur għandu jkun “bniedem li ma ssibx xi tgħid fih.” Din hi t-traduzzjoni taʼ terminu Grieg li jfisser “ma tistax tqisu bħala wieħed taʼ min iċanfru.” Dan “jimplika mhux biss li r-raġel ikun taʼ reputazzjoni tajba, imma li jkun jistħoqqlu jissejjaħ hekk.” (A Linguistic Key to the Greek New Testament) Ladarba indokratur għandu jkun bniedem li ma ssibx xi tgħid fih, il-wegħdi tiegħu dejjem għandhom ikunu taʼ min joqgħod fuqhom.
Modi Oħrajn biex Inżommu l-Wegħdi Tagħna
Kif għandna nqisu l-wegħdi li nagħmlu lil dawk li m’humiex Kristjani sħabna? “Hekk għandu jiddi d-dawl tagħkom quddiem il-bnedmin,” qal Ġesù, “biex jaraw l-għemejjel tajba tagħkom u jagħtu glorja lil Missierkom li hu fis-smewwiet.” (Mattew 5:16) Billi nagħtu prova li nżommu kelmitna, nistgħu nattiraw lil oħrajn għall-messaġġ Kristjan tagħna. Minkejja li l-livelli taʼ l-onestà madwar id-dinja qed jonqsu, il-biċċa l-kbira tan-nies xorta għadhom jistmawha l-integrità. Li nżommu l-wegħdi tagħna hu mod wieħed kif nuru mħabba għal Alla u għal ġarna u biex nogħġbu lil dawk li jħobbu t-tjieba.—Mattew 22:36-39; Rumani 15:2.
Matul is-sena taʼ servizz tagħhom taʼ l-1998, ix-Xhieda taʼ Jehovah qattgħu ’l fuq minn elf miljun siegħa jiddikjaraw pubblikament l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla. (Mattew 24:14) Ftit minn dan l-ippridkar setaʼ ġie injorat jekk aħna ma żammejniex kelmitna fi trattar taʼ negozju jew fi kwistjonijiet oħrajn. Ladarba aħna nirrappreżentaw lil dak Alla taʼ verità, in-nies bix-xieraq jistennew li aħna naġixxu bl-onestà. Billi nkunu wħud taʼ min jafdana u onesti, aħna ‘nagħmlu ġieħ lit-tagħlim taʼ Alla, is-Salvatur tagħna.’—Titu 2:10.
Fil-ministeru tagħna, għandna opportunitajiet biex inżommu kelmitna meta nirritornaw biex inżuru lil dawk li jkunu wrew interess fil-messaġġ tas-Saltna. Jekk ngħidu li se mmorru lura, hekk għandna nagħmlu. Li nirritornaw bħalma nkunu wegħedna huwa mod biex lil ‘min ħaqqu l-ġid ma niċħduhulux.’ (Proverbji 3:27) Waħda oħt spjegat il-kwistjoni b’dan il-mod: “F’diversi okkażjonijiet, jien iltqajt maʼ individwi interessati li qalu li xi Xhud kien wegħedhom li se jirritorna imma dan ma mar xejn. M’għandniex xi ngħidu, jien naf li l-inkwilini forsi ma kinux id-dar jew li ċ-ċirkustanzi forsi għamluha diffiċli għal dak li jkun biex jirritorna. Imma jien kieku ma niħux pjaċir li xi ħadd jgħid hekk fuqi, u għalhekk nagħmel l-almu tiegħi li nerġaʼ nsib il-persuna d-dar. Jien nemmen li jekk niddiżappunta lil xi ħadd, dan se jirrifletti ħażin fuq Jehovah u fuq ħuti kollha.”
F’xi każi, aħna forsi ma nħossuniex inklinati li nirritornaw għax naqtgħuha li l-persuna m’hijiex tassew interessata. L-istess oħt tispjega: “Jien ma nipprovax niġġudika l-ammont taʼ interess. L-esperjenza tiegħi stess għallmitni li l-ewwel impressjonijiet taʼ spiss ikunu żbaljati. Għalhekk, nipprova nkun pożittiva, billi nqis kull persuna bħala li jistaʼ jsir ħu jew oħt.”
Fil-ministeru Kristjan u f’ħafna aspetti oħrajn, għandna bżonn nuru li kelmitna tistaʼ tiġi fdata. Veru, xi affarijiet huma iktar faċli li ngħiduhom milli nagħmluhom. Ir-raġel għaref innota: “Ħafna jiftaħru bi tjubithom; imma min jistaʼ jsib wieħed sinċier?” (Proverbji 20:6) B’determinazzjoni, aħna nistgħu nkunu leali u nżommu kelmitna.
Barkiet Għonja Mingħand Alla
Li deliberatament nagħmlu wegħda vojta hi xi ħaġa diżonesta u nistgħu nxebbhuha maʼ li tikteb ċekk li ma jkunx jistaʼ jissarraf minħabba nuqqas taʼ fondi. Imma x’għotjiet u x’barkiet nirċievu talli nżommu l-wegħdi tagħna! Barka waħda talli nkunu wħud taʼ min jafdana hi kuxjenza nadifa. (Qabbel Atti 24:16.) Minflok ma jkollna sentimenti taʼ rimors, aħna nħossuna sodisfatti u fil-paċi. Iktar minn hekk, billi nżommu kelmitna, aħna nikkontribwixxu għall-unità tal-kongregazzjoni, li tiddependi fuq fiduċja reċiproka. “Il-kelma tas-sewwa” tagħna tirrikkmandana wkoll bħala ministri taʼ dak Alla taʼ verità.—2 Korintin 6:3, 4, 7.
Jehovah jżomm kelmtu, u jobgħod “[i]lsien giddieb.” (Proverbji 6:16, 17) Billi nimitaw lil Missierna tas-sema, aħna nersqu iktar qrib tiegħu. Imbagħad, żgur li se jkollna raġuni tajba biex inżommu l-wegħdi tagħna.
[Nota taʼ taħt]
a Ara l-artiklu “Niżżel bil-Miktub!” fl-Awake! tat-8 taʼ Frar, 1983, paġni 13-15.
[Stampi f’paġna 10]
Ġeftaħ żamm il-wegħda tiegħu, avolja dan kien taʼ wġigħ
[Stampi f’paġna 11]
Jekk int wegħedt li se tirritorna, kun preparat sew li tagħmel dan