LEZZJONI 1
X’Tip taʼ Nies Huma x-Xhieda taʼ Ġeħova?
Id-Danimarka
It-Tajwan
Il-Venezwela
L-Indja
Kemm-il Xhud taʼ Ġeħova taf? Xi wħud minna nistgħu nkunu ġirien tiegħek, kollegi tax-xogħol, jew ħbiebek tal-iskola. Jew jistaʼ jkun li ġieli kellna diskussjonijiet miegħek minn fuq il-Bibbja. Min aħna verament? Għaliex inxandru pubblikament it-twemmin tagħna?
Aħna nies komuni. Aħna niġu minn sfondi u stati soċjali differenti. Xi wħud minna qabel kienu jipprattikaw reliġjon differenti, filwaqt li oħrajn ma kinux jemmnu f’Alla. Madankollu, qabel ma sirna Xhieda taʼ Ġeħova, ilkoll ħadna l-ħin meħtieġ biex neżaminaw bir-reqqa t-tagħlim tal-Bibbja. (Atti 17:11) Aħna qbilna maʼ dak li tgħallimna, u mbagħad ħadna deċiżjoni personali biex inqimu ’l Alla Ġeħova.
Aħna nibbenefikaw milli nistudjaw il-Bibbja. Bħal kulħadd, aħna jkollna nħabbtu wiċċna mal-problemi u n-nuqqasijiet tagħna stess. Imma billi nipprovaw napplikaw il-prinċipji Bibliċi fil-ħajja tagħna taʼ kuljum, aħna esperjenzajna titjib sostanzjali fil-kwalità tal-ħajja tagħna. (Salm 128:1, 2) Din hi raġuni waħda għala nxandru lil oħrajn l-affarijiet tajbin li tgħallimna mill-Bibbja.
Aħna ngħixu fi qbil mal-prinċipji divini. Dawn il-prinċipji, bħalma tgħallem il-Bibbja, jippromwovu saħħa aħjar u rispett lejn ħaddieħor, flimkien maʼ kwalitajiet bħall-onestà u l-qalb tajba. Dawn il-prinċipji Bibliċi jgħinu biex membri tas-soċjetà jkunu f’saħħithom u produttivi, u jinkuraġġixxu unità fil-familja u morali tajbin. Minħabba li konvinti li “Alla mhux parzjali,” aħna nqisu lilna nfusna bħala familja internazzjonali magħquda permezz tat-twemmin tagħna. Għalkemm individwalment aħna nies komuni, flimkien nagħmlu poplu uniku.—Atti 4:13; 10:34, 35.
Ix-Xhieda taʼ Ġeħova x’għandhom komuni maʼ nies oħrajn?
Ix-Xhieda xi prinċipji tgħallmu mill-istudju tal-Bibbja?