LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • jr kap. 5 pp. 54-66
  • Liema Ħbieb Se Tagħżel Int?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Liema Ħbieb Se Tagħżel Int?
  • Il-Kelma t’Alla Għalina Permezz taʼ Ġeremija
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • LIEMA ĦBIBERIJI TIRSISTI GĦALIHOM?
  • GĦANDEK TAGĦŻEL ĦBIEB XETTIĊI?
  • LIEMA ĦBIEB GĦAŻEL ĠEREMIJA?
  • AGĦŻEL ĦBIEBEK BIL-​GĦAQAL
  • “Ma Nistax Noqgħod Sieket”
    Il-Kelma t’Alla Għalina Permezz taʼ Ġeremija
  • “Jien Inserraħ lir-​Ruħ Għajjiena”
    Il-Kelma t’Alla Għalina Permezz taʼ Ġeremija
  • “Jien Poġġejtlek Kliemi f’Fommok”
    Il-Kelma t’Alla Għalina Permezz taʼ Ġeremija
  • Ġeħova jibgħat lil Ġeremija jipprietka
    Lezzjonijiet li tista’ titgħallem mill-Bibbja
Ara Iżjed
Il-Kelma t’Alla Għalina Permezz taʼ Ġeremija
jr kap. 5 pp. 54-66

Kapitlu Ħamsa

Liema Ħbieb Se Tagħżel Int?

1, 2. (a) Liema sfidi jiffaċċjaw il-​Kristjani rigward in-​nies li jkollhom kuntatt magħhom? (b) Għaliex għandna nkunu interessati fl-​għażla tal-​ħbieb taʼ Ġeremija?

KIEKU x’tagħmel jekk xi kollegi, ġirien, jew sħabek tal-​iskola jistidnuk tattendi party tal-​Milied? Xi ngħidu jekk l-​imgħallem tiegħek jgħidlek biex tigdeb jew tagħmel xi ħaġa illegali? Jew x’tagħmel jekk xi awtoritajiet tal-​gvern isejħulek biex tieħu sehem f’attivitajiet li mhumiex newtrali? X’aktarx li l-​kuxjenza tgħidlek biex ma tagħmel l-​ebda waħda minn dawn l-​affarijiet, anki jekk ifisser li tiġi mwaqqaʼ għaċ-​ċajt jew trattat ħażin minħabba li tirrifjuta li tagħmilhom.

2 Kif se naraw, Ġeremija spiss sab ruħu wiċċ imb wiċċ maʼ sfidi simili. Żgur li se tibbenefika jekk tikkunsidra ftit mill-​individwi u l-​gruppi li Ġeremija kellu kuntatt magħhom matul is-​snin taʼ servizz tiegħu lejn Alla. Xi wħud minnhom ipprovaw jaqtgħulu qalbu biex ma jibqax iwettaq l-​inkarigu tiegħu. Ġeremija kellu jkollu xi kuntatt mill-​qrib magħhom, imma żgur li ma kinux in-​nies li għażel bħala l-​ħbieb tiegħu. Madankollu, tistaʼ tibbenefika jekk tagħti l-​attenzjoni tiegħek lejn dawk li Ġeremija għażel bħala ħbieb, dawk li appoġġawh u saħħewlu d-​determinazzjoni biex ikun leali. Iva, tassew nistgħu nitgħallmu mid-​deċiżjonijiet li ħa Ġeremija dwar il-​ħbieb.

LIEMA ĦBIBERIJI TIRSISTI GĦALIHOM?

3. Sedekija x’ried minn Ġeremija, u Ġeremija kif wieġeb?

3 Is-​Sultan Sedekija tkellem maʼ Ġeremija diversi drabi qabel il-​qerda taʼ Ġerusalemm. Għala? Is-​sultan ittama li jieħu tweġibiet rassiguranti għal mistoqsijiet dwar il-​futur taʼ saltnatu. Hu ried li Ġeremija jħabbar li Ġeħova kien se jidħol għan-​nom taʼ Ġuda u jsalvaha mill-​għedewwa tagħha. Permezz taʼ rappreżentanti, Sedekija talab bil-​ħrara lil Ġeremija: “Jekk jogħġbok staqsi lil Ġeħova għalina, għax Nebukadressar, is-​sultan taʼ Babilonja, qed jiġġieled kontrina. Forsi Ġeħova jagħmel magħna wieħed mill-​għemejjel meraviljużi tiegħu, u [Nebukadressar] jitlaq minn hawn.” (Ġer. 21:2) Is-​sultan ma riedx isegwi d-​direzzjoni t’Alla biex iċedi għal Babilonja. Studjuż xebbah lil Sedekija maʼ “pazjent li jmur darba wara l-​oħra għand tabib biex iserraħlu moħħu, imma li ma jridx jieħu l-​mediċina li qallu.” Xi ngħidu għal Ġeremija? Hu setaʼ jsir popolari billi jgħid lil Sedekija dak li xtaq jismaʼ. Allura Ġeremija għala ma qabadx u biddel il-​messaġġ tiegħu, u b’hekk jiffranka l-​inkwiet? Hu rrifjuta li jagħmel dan għax Ġeħova kien qallu jipproklama li Ġerusalemm kienet se taqaʼ.—Aqra Ġeremija 32:1-​5.

Stampi f’paġni 54, 55

Meta taqra dwar Ġeremija u Għebed-​melek, temmen li kienu nies taʼ veru? Dan l-​aħħar, ir-​rakkont f’Ġeremija kapitlu 38 li jsemmi ’l dawn, kiseb iktar appoġġ minn żewġ sejbiet li saru fil-​Belt taʼ David tal-​qedem.

L-​arkeologa Eilat Mazar irrapportat li sabet siġill tat-​tafal żgħir. (isfel fuq ix-​xellug) Instab fl-​2005 meta kienu qed iħaffru taħt superviżjoni saff t’art li jmur lura għaż-​żmien li nqerdet Ġerusalemm fis-​sena 607 Q.E.K. Is-​siġill fih l-​isem Ebrew tal-​qedem “Yehuchal ben Shelemyahu,” li bil-​Malti jiġi “Ġukal bin Selemija.

Iktar tard, f’saff simili u ftit metri ’l bogħod, instab siġill ieħor. (isfel fuq il-​lemin) Fih l-​isem “Gedalyahu ben Pashhur,” jew “Gedalija bin Pasħur.”

Issa aqra f’Ġeremija 38:1 l-​ismijiet taʼ żewġ prinċpijiet li ħeġġew lis-​Sultan Sedekija biex joqtol lil Ġeremija, pjan li Għebed-​melek ġab fix-​xejn. Iva, dawk imsemmijin f’Ġeremija kapitlu 38 kienu nies taʼ veru.

4. X’deċiżjonijiet niffaċċjaw dwar li nirsistu għal ħbiberiji, bħal pereżempju, fuq il-​post tax-​xogħol?

4 Xi ftit jew wisq, is-​sitwazzjoni tiegħek tixbah ’il dik taʼ Ġeremija. M’hemmx dubju li għandek kuntatt mal-​ġirien, mal-​kollegi, jew maʼ dawk tal-​iskola li sa ċertu punt huma sħabek. Imma se tkabbar din l-​assoċjazzjoni billi tirsisti għal ħbiberija magħhom, avolja wrew li mhumiex interessati f’li jisimgħu jew isegwu l-​gwida t’Alla? Ġeremija ma setax jevita lil Sedekija għalkollox; dan xorta kien is-​sultan, anki meta rrifjuta li jsegwi l-​parir t’Alla. Imma, Ġeremija ma kienx obbligat li jinbidel biex jiġi fi qbil mal-​mod taʼ ħsib żbaljat tas-​sultan jew biex jikseb il-​favur tiegħu. Huwa minnu li jekk Ġeremija għamel dak li xtaq is-​sultan, Sedekija setaʼ tah ruxxmata t’għotjiet u benefiċċji oħra. Minkejja dan, Ġeremija rrifjuta li jċedi għal kwalunkwe pressjoni jew tentazzjoni biex jitħabbeb maʼ Sedekija. Għala? Għax Ġeremija ma kienx lest li jbiddel il-​waqfa li Ġeħova kien qallu jieħu. L-​eżempju taʼ Ġeremija għandu jqanqalna neżaminaw jekk dawk li għażilna bħala sħabna humiex qed jinkuraġġuna nkunu leali lejn Alla. Ma tistax tevita kull kuntatt man-​nies li mhumiex jaqdu ’l Alla—dawk tax-​xogħol, tal-​iskola, jew tal-​inħawi fejn tgħix. (1 Kor. 5:9, 10) Però, int tirrealizza li jekk tagħżel lil uħud bħal dawn bħala ħbiebek, jistaʼ jkun li tipperikola l-​ħbiberija li għandek m’Alla.

Stampa f’paġna 57

GĦANDEK TAGĦŻEL ĦBIEB XETTIĊI?

5, 6. X’għamlu xi wħud bi sforz li jsikktu lil Ġeremija?

5 Sedekija ma kienx l-​uniku wieħed li pprova jkollu influwenza negattiva fuq Ġeremija. Qassis jismu Pasħur “sawwat” lil Ġeremija, forsi billi tah 39 daqqa. (Ġer. 20:2; Dt. 25:3) Xi prinċpijiet Lhud għamlu ħaġa simili, u mbagħad tefgħu lil Ġeremija “f’dar l-​irbit.” Il-​profeta tpoġġa f’ħabs taħt l-​art f’kundizzjonijiet tant gravi li wara ħafna żmien hu beżaʼ li kien se jmut hemmhekk. (Aqra Ġeremija 37:3, 15, 16.) Imbagħad, wara li Ġeremija kien inħeles għal xi żmien, prinċpijiet oħrajn ħeġġew lil Sedekija biex joqtlu. F’għajnejhom, hu kien qed jaqtaʼ qalb l-​armata taʼ Ġuda. Dan wassal biex il-​profeta twaddab f’ġiebja mimlija ħama biex imut. (Ġer. 38:1-​4) Int diġà qrajt li Ġeremija ġie meħlus minn din il-​mewta terribbli. Madankollu, dawn il-​ġrajjiet juru kif dawk in-​nies li messhom kienu jafu aħjar, saru xettiċi dwar dak li kellu jgħid il-​profeta t’Alla; huma daru kontrih.

6 L-​għedewwa taʼ Ġeremija ma kinux biss l-​awtoritajiet ċivili. Darba oħra, xi rġiel mill-​belt taʼ Ġeremija, Għanatot—il-​ġirien tiegħu, tistaʼ tgħid—heddew li joqtluh jekk ma jiqafx jipprofetizza. (Ġer. 11:21) Huma ma ħadux gost b’dak li semgħu mingħandu, u għalhekk heddewh. Iżda, Ġeremija għażel lil Ġeħova bħala l-​ħabib tiegħu u mhux lill-​ġirien. Nies oħrajn saħansitra pprovaw iweġġgħuh fiżikament. Darba, Ġeremija uża madmad bħala eżempju ħaj biex iħeġġeġ lil-​Lhud imiddu għonqhom għall-​madmad tas-​sultan taʼ Babilonja, u b’hekk jibqgħu ħajjin. Għal dan, Ħananija neħħa l-​madmad tal-​injam minn fuq għonq Ġeremija u kissru. Skont dan il-​profeta falz, Ġeħova kien qal: “Se nkisser il-​madmad tas-​sultan taʼ Babilonja.” Ħananija miet dik is-​sena stess, u inti taf liema profeta wera li kien taʼ min joqgħod fuqu. (Ġer. 28:1-​11, 17) Wara li nqerdet Ġerusalemm kif kien bassar Ġeremija, Ġoħanan u kapijiet militari oħrajn irrifjutaw li jagħtu kas il-​kmand t’Alla biex jibqgħu fl-​art taʼ Ġuda. Huma qalu lil Ġeremija: “Qed tgħid gidba. Mhux . . . Alla tagħna bagħtek u qal, ‘Tmorrux l-​Eġittu biex tgħixu hemmhekk.’” Huma komplew jisfidaw lil Ġeħova billi ħadu lil Ġeremija u Baruk magħhom fl-​Eġittu.—Ġer. 42:1–43:7.

Stampa f’paġna 58

Liema xorta t’individwi kellu jittratta magħhom Ġeremija? X’titgħallem mill-​eżempju taʼ Ġeremija?

7. Xi sfida tiffaċċja li tinvolvi l-​fedeltà lejn Ġeħova?

7 Għal snin sħaħ, Ġeremija kien imdawwar b’nies xettiċi u opponenti. Immedita fuq dak li għamel. Faċilment setaʼ wasal biex jaċċetta l-​ħbiberija taʼ nies li ma tantx kellhom rispett għal Alla jew għall-​Kelma Tiegħu. Nies bħal dawn kienu kull fejn tħares. Xi ngħidu għas-​sitwazzjoni tiegħek? X’aktarx li kellek xi kuntatt maʼ nies li huma simili għal dawk li kienu madwar Ġeremija. Kemm jekk jopponu lilek u lil Alla tiegħek b’mod aggressiv u kemm jekk donnhom nies dħulin, se tagħżilhom bħala ħbiebek? Ikun għaqli li tqattaʼ l-​ħin maʼ nies li ma jiħdux bis-​serjetà l-​profeziji t’Alla? Kieku Ġeremija kien flokok, taħseb li kien jagħżel bħala l-​ħbieb tiegħu nies li l-​ħajja tagħhom tiċħad il-​verità tal-​Kelma t’Alla jew li jafdaw fil-​bnedmin? (2 Kron. 19:2) Alla ma ħalliex lil Ġeremija fid-​dlam dwar ir-​riżultat taʼ li wieħed jafda fil-​bnedmin minflok f’Alla. (Aqra Ġeremija 17:5, 6.) Kif tħossok dwar dan?

Stampa f’paġna 63

8. Spjega l-​isfidi li l-​Kristjani fl-​inħawi tiegħek għandhom mnejn jiffaċċjaw.

8 Xi Kristjani ħassew li setgħu jippromwovu n-​negozju jew il-​karriera tagħhom billi jagħżlu li jqattgħu ħin maʼ klijenti tad-​dinja u jipprovdulhom ikel jew divertiment. Imma ma taħsibx li dawn il-​Kristjani fil-​fatt ikunu qed jesponu lilhom infushom għal assoċjazzjonijiet korrotti u perikli, bħal kliem doppju sens jew xorb żejjed? Int tistaʼ tifhem għala ħafna Kristjani li jiffaċċjaw deċiżjoni bħal din jagħżlu li jevitaw assoċjazzjonijiet ħżiena, anki jekk dan ifisser li jitilfu ċ-​ċans li jagħmlu profitt jew li javanzaw fix-​xena tad-​dinja. Bl-​istess mod, l-​imgħallem jew il-​ħaddiema sħabek jistgħu ma jaħsbuhiex darbtejn biex iqarrqu bil-​klijenti. Minkejja dan, il-​Kristjani veri mhumiex influwenzati minn dawk taʼ madwarhom. Kultant, jistaʼ ma jkunx faċli tieħu deċiżjonijiet dwar affarijiet bħal dawn. Nistgħu nkunu grati għal eżempji bħal taʼ Ġeremija, li bil-​mod li aġixxa żamm kuxjenza tajba u, iktar importanti minn hekk, relazzjoni tajba m’Alla.

9. X’periklu hemm f’li tkun trid tkun popolari?

9 Il-​waqfa u l-​konvinzjonijiet taʼ Ġeremija għamluh oġġett taʼ stmerrija għal xi Lhud sħabu. (Ġer. 18:18) Xorta waħda, hu kien lest li jispikka bħala differenti min-​nies taʼ żmienu li segwew “it-​triq l-​iktar popolari.” (Ġer. 8:5, 6) Ġeremija saħansitra kien lest ikun waħdu kultant, u ‘poġġa bil-​qiegħda waħdu.’ Hu pprefera dan milli jkun maʼ kumpanija ħażina, milli jkun ħbieb maʼ dawk li kien se jkollhom influwenza negattiva fuqu. (Aqra Ġeremija 9:4, 5; 15:17.) Xi ngħidu għalik? Illum, bħal fi żmien Ġeremija, it-​triq popolari hi waħda taʼ żlealtà lejn Alla. Il-​qaddejja taʼ Ġeħova ilhom ikollhom joqogħdu b’sebaʼ għajnejn fejn tidħol l-​għażla tagħhom tal-​ħbieb. Dan ma jfissirx li Ġeremija ma kellux ħbieb. Xi individwi qabżu għalih u appoġġawh. Min kienu dawn in-​nies? Li tkun taf dan jistaʼ jgħinek ħafna.

LIEMA ĦBIEB GĦAŻEL ĠEREMIJA?

10, 11. (a) Liema prinċipji ddeterminaw l-​għażla tal-​ħbieb taʼ Ġeremija? (b) Min kienu l-​ħbieb taʼ Ġeremija, u x’mistoqsijiet iqumu dwarhom?

10 Ġeremija maʼ min kien se jikkultiva ħbiberija? Taħt id-​direzzjoni taʼ Ġeħova, hu kkundanna darba wara l-​oħra lil dawk li kienu mill-​agħar, qarriqin, inġusti, vjolenti, ma jimpurtahom minn ħadd, u immorali—dawk li ppreferew l-​idolatrija mill-​qima pura, u b’hekk żnew spiritwalment. Hu ħeġġeġ lin-​nies taʼ Ġuda: “Duru lura, jekk jogħġobkom, kull wieħed minnkom minn triqtu l-​ħażina, u rranġaw triqatkom u l-​għemejjel tagħkom.” (Ġer. 18:11) Anki wara l-​qerda taʼ Ġerusalemm, Ġeremija faħħar bil-​kbir “l-​atti taʼ qalb tajba bl-​imħabba,” “il-​ħniniet,” u “l-​fedeltà” t’Alla. (Lam. 3:22-​24) Ġeremija ried biss lil qaddejja leali taʼ Ġeħova bħala l-​ħbieb tiegħu.—Aqra Ġeremija 17:7.

11 Aħna ma tħallejniex għalkollox fid-​dlam rigward dawk li Ġeremija għażel bħala ħbieb, jew dawk li qattaʼ ħafna ħin magħhom. Għadd taʼ rġiel jidher ċar li kienu sħabu—Għebed-​melek, Baruk, Seraja, u wlied Safan. Forsi nistaqsu: ‘X’tip taʼ rġiel kienu? X’assoċjazzjoni kellhom maʼ Ġeremija? F’liema sens kienu l-​ħbieb tal-​qalb tiegħu? U kif għenu lil Ġeremija jżomm l-​integrità tiegħu?’ Ejja naraw, filwaqt li nżommu s-​sitwazzjoni tagħna f’moħħna.

12. (a) X’kellhom inkomuni Ġeremija u Baruk, murijin f’paġna 58? (b) Min kien Seraja, u x’nafu dwaru?

12 Milli jidher, l-​iktar ħabib tal-​qalb taʼ Ġeremija kien Baruk, bin Nerija. Ġeremija, b’wiċċu minn quddiem, fdah bir-​responsabbiltajiet li jikteb id-​dikjarazzjonijiet taʼ Ġeħova hekk kif iddettahom il-​profeta u li mbagħad jaqra b’leħen għoli r-​romblu li kiteb, l-​ewwel fil-​pubbliku u wara lill-​prinċpijiet taʼ Ġuda. (Ġer. 36:4-​8, 14, 15) Baruk kellu l-​istess fidi u konvinzjonijiet taʼ Ġeremija, li dak li bassar Alla kien se jseħħ. Dawn l-​irġiel għaddew minn esperjenzi simili matul l-​aħħar 18-​il sena taʼ taqlib taʼ Ġuda. Huma qattgħu ħafna ħin jaħdmu flimkien fuq l-​istess inkarigu mogħti lilhom minn Alla. It-​tnejn li huma ffaċċjaw diffikultajiet u kellhom bżonn jinħbew mill-​għedewwa. U t-​tnejn irċivew inkuraġġiment persunali mingħand Ġeħova. Jidher li Baruk kien ġej minn familja prominenti tal-​iskribi f’Ġuda. L-​Iskrittura ssejjaħlu “s-​segretarju,” u ħuh Seraja kien uffiċjal importanti tal-​istat. Bħal Baruk, Seraja iktar tard ħadem maʼ Ġeremija biex iwassal il-​proklamazzjonijiet profetiċi taʼ Ġeħova. (Ġer. 36:32; 51:59-​64) Il-​fatt li dawn iż-​żewġ subien taʼ Nerija kienu lesti jaħdmu maʼ Ġeremija f’dawk iż-​żminijiet diffiċli, żgur li saħħaħ u inkuraġġixxa lill-​profeta. Inti wkoll tistaʼ tissaħħaħ u tiġi inkuraġġit minn dawk li fedelment jaħdmu spalla maʼ spalla miegħek fis-​servizz lil Ġeħova.

X’tistaʼ titgħallem mill-​għażla tal-​ħbieb taʼ Ġeremija?

13. Kif jidher f’paġna 63, Għebed-​melek kif wera li kien ħabib tal-​qalb għal Ġeremija?

13 Għebed-​melek kien sieħeb ieħor li jispikka taʼ Ġeremija. Meta l-​prinċpijiet irrabjati xeħtu lil Ġeremija f’ġiebja vojta biex imut, ir-​raġel li kellu l-​ħila jaqbeż għalih kien barrani, Għebed-​melek l-​Etjopjan. Dan kien ewnuku, jiġifieri, uffiċjal, fid-​dar tas-​sultan. Hu mar ikellem pubblikament lil Sedekija, li kien bilqiegħda fil-​Bieb taʼ Benjamin. Għebed-​melek bi qlubija talab lil Sedekija biex ikun jistaʼ jsalva lil Ġeremija mill-​ġiebja kollha ħama. Hu ħa 30 raġel miegħu biex jagħmel dan ix-​xogħol. Dan jagħtina x’nifhmu li Għebed-​melek setaʼ kien qed jistenna li l-​għedewwa taʼ Ġeremija kienu se jiġġieldu kontrihom. (Ġer. 38:7-​13) Ma nafux eżattament kemm kienu jqattgħu ħin flimkien Għebed-​melek u Ġeremija. Imma meta nqisu l-​ħbiberija li kellhom maʼ Ġeħova, jagħmel sens li nassumu li kienu ħbieb sew. Għebed-​melek kien jaf li Ġeremija kien il-​profeta taʼ Ġeħova. Hu qal li l-​prinċpijiet kienu mxew “ħażin” u kien lest li jipperikola l-​pożizzjoni tiegħu sabiex jagħmel dak li hu tajjeb. Iva, Għebed-​melek kien raġel tajjeb. Tant hu hekk li Ġeħova assigurah: “Jien neħilsek [f’jum il-​gwaj taʼ Ġerusalemm] . . . għax int fdajt fija.” (Aqra Ġeremija 39:15-​18.) X’tifħir dak! Mhuwiex dan it-​tip taʼ ħabib li tixtieq?

14. X’nafu dwar il-​familja taʼ Safan u l-​kuntatt li kellhom maʼ Ġeremija?

14 Fost il-​ħbieb l-​oħra taʼ Ġeremija nsibu lil tliet ulied u neputi taʼ Safan. Huma kienu ġejjin minn familja taʼ rġiel b’pożizzjonijiet għoljin. Pereżempju, Safan qabel kien qeda bħala s-​segretarju tas-​Sultan Ġosija. Meta l-​għedewwa taʼ Ġeremija għall-​ewwel darba riedu joqtlu lill-​profeta, “id Aħikam bin Safan kienet maʼ Ġeremija, u b’hekk ma ngħatax f’idejn il-​poplu.” (Ġer. 26:24) Aħikam kellu ħuh jismu Gemarija. Meta Baruk qara l-​ġudizzji t’Alla fil-​pubbliku, it-​tifel taʼ Gemarija, Mikaja, semgħu u avża lil missieru u lil prinċpijiet oħrajn. Peress li kienu inkwetati dwar kif kien se jirreaġixxi Ġeħojakim, huma taw parir lil Ġeremija u Baruk biex jinħbew. U meta s-​sultan irrifjuta l-​messaġġ divin, Gemarija kien fost dawk li talbu lis-​sultan bil-​ħrara biex ma jaħraqx ir-​romblu. (Ġer. 36:9-​25) Jerġaʼ, Ġeremija fada iben ieħor taʼ Safan, Elgħasa, b’ittra profetika għal-​Lhud eżiljati f’Babilonja. (Ġer. 29:1-​3) Għalhekk, hawn għandek tliet ulied u neputi taʼ Safan li lkoll appoġġaw il-​profeta t’Alla. Aħseb ftit kemm Ġeremija żgur apprezza rġiel bħal dawn! Kienu ħbieb, imma mhux għax kellhom l-​istess gosti rigward l-​ikel jew ix-​xorb jew għax għoġobhom l-​istess divertiment jew passatempi. Il-​ħbiberija tagħhom kienet ibbażata fuq ħafna iktar minn hekk.

AGĦŻEL ĦBIEBEK BIL-​GĦAQAL

15. Ġeremija x’eżempju mill-​aħjar ta rigward l-​għażla tal-​ħbieb?

15 Tistaʼ titgħallem minn kif Ġeremija ttratta maʼ dawk fi żmienu, kemm tajbin u kemm ħżiena. Is-​sultan, ħafna mill-​prinċpijiet, il-​profeti foloz, u l-​kapijiet tal-​militar għamlulu l-​pressjoni biex jibdel il-​messaġġ tiegħu. Imma, Ġeremija m’għamilx kompromess. Il-​waqfa tiegħu ma tantx għamlitu jingħoġob minn dawk l-​irġiel, imma Ġeremija ma kienx qed ifittex il-​ħbiberija tagħhom. L-​aqwa ħabib tiegħu dejjem kien Ġeħova. Ġeremija kien lest li jkun trattat b’mod ostili minn ċerti wħud jekk dan kien ifisser li jibqaʼ leali lejn Alla. (Aqra Lamentazzjonijiet 3:52-​59.) Minkejja dan, bħalma rajna, Ġeremija ma kienx waħdu fid-​determinazzjoni tiegħu li jaqdi lil Ġeħova.

16, 17. (a) X’għajnuna jistaʼ jirċievi qaddej taʼ Ġeħova mingħand ħabib tajjeb? (b) Fejn tistaʼ ssib l-​aħjar ħbieb tkun minn liema pajjiż tkun?

16 Il-​fidi u l-​fiduċja t’Għebed-​melek f’Ġeħova kienu dak li għamluh ħabib tal-​qalb. Dan ir-​raġel kellu l-​kuraġġ jaġixxi b’mod deċiżiv, u b’hekk salva ħajjet Ġeremija. Baruk minn jeddu qattaʼ ħafna ħin maʼ Ġeremija u għenu jwassal il-​messaġġi taʼ Ġeħova. Ħbieb tajbin fil-​kongregazzjoni Kristjana llum jistgħu jkunu prezzjużi daqskemm kienu dawn l-​irġiel. Cameron, pijuniera regulari t’20 sena, tapprezza l-​influwenza pożittiva li kellha fuqha Kara, li wkoll hi pijuniera. Cameron tgħid, “Kara ħeġġitni biex inżomm lil Ġeħova fl-​ewwel post f’ħajti, kemm bl-​eżempju tagħha kif ukoll bi kliemha.” Iż-​żewġ aħwa kienu jgħixu naqra ’l bogħod minn xulxin, imma Kara kienet iċċempel lil Cameron jew tiktbilha b’mod regulari biex tkun ċerta li ħabibitha kienet tajba u biex jinkuraġġixxu lil xulxin. “Kienet taf kollox dwar iċ-​ċirkustanzi tal-​familja tiegħi,” tiftakar Cameron. “Kienet taf x’kien qed jiġri lil oħti, u dwar kemm kien diffiċli għalija meta oħti rribellat u telqet mill-​verità. Hi waqfet miegħi meta kont għaddejja minn dan kollu, u ma nistax nimmaġina x’kont nagħmel kieku ma kellix l-​influwenza pożittiva u l-​għajnuna tagħha. Hi kienet appoġġ tal-​għaġeb għalija.”

Stampa f’paġna 64

17 Int tistaʼ ssib ħbieb tajbin fil-​kongregazzjoni Kristjana, kemm jekk huma tamparek u kemm jekk le. Ħutek għandhom l-​istess twemmin, valuri, imħabba għal Ġeħova, tamiet, u x’aktarx ftit mill-​provi li għandek int. Tistaʼ taħdem magħhom fil-​ministeru Kristjan. Huma se jkunu jistgħu jinkuraġġuk meta tkun għaddej mid-​diffikultajiet, u int tistaʼ tagħmel l-​istess għalihom. Huma se jifirħu miegħek meta jkollok żminijiet tajbin fis-​servizz taʼ Ġeħova. Iktar minn hekk, ħbiberiji bħal dawn jistgħu jibqgħu għal dejjem.—Prov. 17:17; 18:24; 27:9.

18. L-​għażla tal-​ħbieb taʼ Ġeremija x’tgħallmek?

18 Il-​lezzjoni għalina dwar l-​għażla tal-​ħbieb taʼ Ġeremija għandha tkun ovvja. Żomm f’moħħok din il-​verità li ma tistax tiċħadha: Ma tistax tfittex ħbiberija maʼ nies li t-​twemmin tagħhom mhuwiex fi qbil mat-​tagħlim tal-​Bibbja u fl-​istess ħin tibqaʼ żżomm mal-​konvinzjonijiet tiegħek. Li taġixxi fi qbil maʼ dan il-​fatt hu importanti llum daqskemm kien fi żmien Ġeremija. Biex iwettaq b’fedeltà u bl-​approvazzjoni taʼ Ġeħova l-​inkarigu tiegħu, Ġeremija kien lest li jkun differenti mill-​biċċa l-​kbira tan-​nies taʼ żmienu. Mhuwiex dan minnu fil-​każ tiegħek ukoll? Ġeremija għażel bħala ħbiebu nies li kellhom l-​istess fidi tiegħu u li appoġġawh f’li jwettaq l-​inkarigu tiegħu. Iva, kull Kristjan leali llum jistaʼ jitgħallem minn Ġeremija dwar li jagħżel il-​ħbieb bil-​għaqal!—Prov. 13:20; 22:17.

Kif tistaʼ tapplika l-​eżempju taʼ Ġeremija meta tiġi biex tagħżel min se jkun ħabibek u min le?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja