Sigurtà Vera—Issa u Għal Dejjem
M’HEMM ebda dubju li Alla Jehovah jistaʼ jipprovdi sigurtà għall-poplu tiegħu. Hu “Alla li jistaʼ kollox.” (Salm 68:15 [Salm 68:14, New World Translation]) L-isem uniku tiegħu jfisser “Hu Jġiegħel Li Jseħħ.” Dan jidentifikah bħala l-uniku Wieħed fl-univers li kapaċi jegħleb kull ostaklu sabiex iwettaq il-wegħdiet tiegħu u jirnexxilu jagħmel dak li jrid. Alla nnifsu jistqarr: “Hekk jiġri minn kelmti: hija toħroġ minn fommi, u ma terġax lura vojta, imma tagħmel dak li jogħġob lili, u ttemm dak li nkun bgħattha tagħmel.”—Isaija 55:11.
Alla jipprovdi sigurtà għal dawk li jafdaw fih. Il-Kelma tiegħu tiggarantih dan. “Isem il-Mulej hu torri qawwi,” stqarr l-għaref Sultan Salamun taħt ispirazzjoni divina. “Fih jistkenn il-ġust b’moħħu mistrieħ.” Hu kompla qal: “Min jittama fil-Mulej ikun fil-kenn.”—Proverbji 18:10; 29:25.
Sigurtà għall-Qaddejja t’Alla
Jehovah minn dejjem ipprovda sigurtà għal dawk li jistrieħu fuqu. Per eżempju, il-profeta Ġeremija gawda l-protezzjoni t’Alla. Meta l-armati taʼ Babilonja assedjaw lil Ġerusalemm apostata, in-nies kellhom “b’qalbhom ittaqtaq u mriegħda jiżnu l-ħobż li jieklu.” (Eżekjel 4:16) Is-sitwazzjoni saret tant kritika li xi nisa għallew u kielu ’l uliedhom stess. (Lamentazzjonijiet 2:20; 4:10) Avolja Ġeremija dak iż-żmien kien miżmum arrestat minħabba l-ippridkar bla biżaʼ tiegħu, Jehovah ra li “jagħtuh ħobża kull jum mit-triq tal-furnara, sakemm kien għad fadal ħobż fil-belt.”—Ġeremija 37:21.
Meta Ġerusalemm waqgħet f’idejn il-Babilonjani, Ġeremija la ġie maqtul u lanqas imkaxkar bħala priġunier lejn Babilonja. Minflok, “[i]l-kap tal-għases [Babilonjan] tah l-ikel u rigal, u bagħtu.”—Ġeremija 40:5.
Sekli wara, Ġesù Kristu assigura lill-qaddejja t’Alla: “Toqogħdux tinkwetaw ruħkom u tgħidu, ‘X’se nieklu? jew ‘X’se nilbsu?’, għax dawn huma kollha ħwejjeġ li jfittxuhom il-pagani. Imma Missierkom li hu fis-smewwiet jaf li dan kollu teħtiġuh. Mela fittxu l-ewwel is-Saltna u l-ġustizzja tiegħu, u dan kollu jingħatalkom ukoll.”—Mattew 6:31-33.
Ifisser dan li l-qaddejja taʼ Jehovah se jgawdu protezzjoni divina mill-gwaj kollu taʼ żmienna? Le, ma jfissirx hekk. Uħud leali m’humiex ħielsa mill-ħsara. Il-vera Kristjani jimirdu, jesperjenzaw il-persekuzzjoni, jaqgħu vittmi tal-kriminalità, imutu f’aċċidenti, u jsofru b’modi oħrajn.
Għalkemm Jehovah għalissa ma jfornix sigurtà totali mill-ħsara, rapporti juru li hu fil-fatt juża l-qawwa tiegħu biex jipprovdi l-bżonnijiet tal-qaddejja tiegħu u jipproteġihom. Il-Kristjani huma wkoll skansati minn ħafna problemi għax japplikaw prinċipji Bibliċi f’ħajjithom. (Proverbji 22:3) Barra minn hekk, igawdu s-sigurtà taʼ sħubija madwar id-dinja t’aħwa rġiel u nisa spiritwali u mimlijin imħabba, li jgħinu ’l xulxin kull meta jkun hemm il-bżonn. (Ġwann 13:34, 35; Rumani 8:28) Per eżempju, b’rispons għall-għawġ iddisprat taʼ ħuthom fl-Irwanda li hija mfarrka bil-gwerra, ix-Xhieda taʼ Jehovah fl-Ewropa malajr għamlu donazzjoni u bagħtulhom 65 tunnellata ħwejjeġ u b’kemm jiswew $1,600,000 f’mediċini, ikel, u provisti oħrajn.—Qabbel Atti 11:28, 29.
Għalkemm Jehovah jippermetti li jiġi t-tiġrib fuq il-vera Kristjani, huma għandhom l-assiguranza li se jagħtihom il-qawwa, l-assistenza, u l-għerf biex jissaportu. Waqt li kiteb lil kredenti sħabu, l-appostlu Pawlu qal: “Ebda tiġrib ma laħaqkom li bniedem ma jiflaħx għalih; Alla hu fidil u ma jħallikomx tiġġarrbu aktar milli tifilħu; jaħseb li mat-tiġrib jagħtikom il-qawwa u l-għajnuna biex tkunu tifilħu għalih.”—1 Korintin 10:13.
Dak li Alla Jagħmel għall-Poplu Tiegħu
Illum, miljuni taʼ nies jitgħaxxqu jagħmlu r-rieda t’Alla. M’humiex sforzati li jaqdu ’l Alla; jagħmlu hekk għax jafuh u jħobbuh. Min-naħa tiegħu, għax Jehovah iħobb lill-qaddejja leali tiegħu, għandu l-iskop li jittrasforma l-art f’ġenna fejn l-umanità ubbidjenti se tgawdi paċi, saħħa fiżika, u sigurtà għal dejjem.—Luqa 23:43.
Alla se jagħmel dan permezz taʼ gvern fis-sema, li għandu lis-Sultan maħtur minnu, Ġesù Kristu, bħala l-Ħakkiem tiegħu. (Danjel 7:13, 14) Il-Bibbja tirreferi għal dan il-gvern bħala s-“saltna taʼ Alla” u bħala s-“Saltna tas-Smewwiet.” (1 Korintin 15:50; Mattew 13:44) Is-Saltna t’Alla se tieħu post il-gvernijiet umani kollha. Minflok ma jkun hawn ħafna gvernijiet fuq l-art, se jkun hawn gvern wieħed biss. Dan se jaħkem bit-tjieba fuq l-art kollha.—Salm 72:7, 8; Danjel 2:44.
Jehovah jestendi lil kulħadd l-istedina biex jgħix taħt is-Saltna. Mod wieħed kif jagħmel dan huwa permezz tad-distribuzzjoni vasta tal-Bibbja, il-ktieb li jispjega x’se tagħmel is-Saltna għall-umanità. Il-Bibbja hija l-iktar ktieb fid-dinja li ġie ċċirkolat maʼ kullimkien, u issa hi disponibbli, kollha kemm hi jew f’parti, f’iktar minn 2,000 lingwa.
Alla Jehovah b’imħabba jgħin lin-nies jifhmu dak li l-Bibbja tgħallem dwar is-Saltna. Hu jagħmel hekk billi jistruwixxi u jibgħat nies biex jispjegaw l-Iskrittura ’l oħrajn. Iktar minn ħames miljun Xhieda taʼ Jehovah issa qegħdin jipproklamaw l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla f’iktar minn 230 pajjiż.
Sigurtà Vera Għal Kulħadd?
Kulħadd se jaċċettaha l-istedina biex isir sudditu tas-Saltna t’Alla billi jiġi konformi mal-livelli taʼ tjieba tiegħu? Le, għax ħafna nies m’għandhom ebda interess f’li jagħmlu r-rieda t’Alla. Huma jirrifjutaw sforzi biex jgħinuhom ibiddlu ħajjithom għall-aħjar. Tabilħaqq, juru li huma bħal dawk li dwarhom Ġesù qal: “Għax il-qalb taʼ dan il-poplu twebbset; kienu tqal biex jisimgħu b’widnejhom, u għalqu għajnejhom, li ma jmorrux jaraw b’għajnejhom, u jisimgħu b’widnejhom u jifhmu b’moħ[ħ]hom, u hekk ibiddlu ħajjiethom u jiena nfejjaqhom.”—Mattew 13:15.
Kif qatt jistaʼ jkun hemm sigurtà vera fuq l-art fost dawk li jirrifjutaw li jgħixu f’armonija mal-mogħdijiet taʼ tjieba t’Alla? Ma jistax ikun hemm. Nies taʼ mingħajr Alla jheddu s-sigurtà taʼ dawk li jridu jaqdu ’l Jehovah.
Alla ma jisforzax lin-nies biex jinbidlu, imma lanqas ma se jittollera l-ħażen indefinittivament. Għalkemm Jehovah bil-paċenzja jkompli jibgħat lix-Xhieda tiegħu biex jgħallmu lin-nies dwar triqatu u l-iskopijiet tiegħu, mhux se jkompli jagħmel hekk ħafna iktar. Ġesù Kristu bassar: “Din il-Bxara t-tajba tas-Saltna tixxandar fid-dinja kollha, biex il-ġnus kollha jkollhom xhieda. Imbagħad jiġi t-tmiem.”—Mattew 24:14.
X’se jkun ifisser it-“tmiem” għal dawk li jiċħdu l-livelli t’Alla? Se jfisser il-ġudizzju avvers u l-qerda tagħhom. Il-Bibbja titkellem dwar il-“[ħ]las lil dawk li ma jagħarfux lil Alla, u ’l dawk li ma jobdux l-Evanġelju taʼ Sidna Ġesù. Dawn għad jitħallsu bil-piena tat-telfien taʼ dejjem.”—2 Tessalonkin 1:6-9.
Sa fl-Aħħar—Sigurtà Vera Għal Dejjem!
Wara l-qerda taʼ dawk li jiċħdu l-mogħdijiet taʼ paċi taʼ Jehovah, is-Saltna t’Alla se tintroduċi era glorjuża taʼ sigurtà għall-benefiċċju taʼ dawk twajbin fuq l-art. (Salm 37:10, 11) X’kuntrast se tkun dik id-dinja ġdida maʼ din li ngħixu fiha llum!—2 Pietru 3:13.
Ħadd m’hu se jbati l-ġuħ iktar. Kulħadd se jkollu bosta x’jiekol. Il-Bibbja tgħid li l-‘popli kollha se jgawdu mejda b’ikel fin.’ (Isaija 25:6) Mhux se jkun hemm nuqqas taʼ ikel, għax se “[j]kun kotran il-qamħ fuq l-art, jogħla sal-qċaċet tal-għoljiet.”—Salm 72:16.
In-nies qatt iktar ma se jgħammru f’gabubi u griebeġ. Taħt is-Saltna t’Alla, ilkoll se jkollhom djar diċenti, u se jieklu ikel prodott fuq l-art tagħhom stess. Il-Bibbja twiegħed: “Huma għad jibnu djarhom u jgħammru fihom, iħawlu d-dwieli u jieklu frotthom.”—Isaija 65:21.
Minflok qagħad maʼ kullimkien, se jkun hemm xogħol produttiv, u n-nies se jieħdu riżultati tajbin minnu. Il-Kelma t’Alla tgħid: “[I]l-magħżulin tiegħi jistgħallu xogħol idejhom. Ma jitħabtux għal xejn.”—Isaija 65:22, 23.
Taħt il-ħakma tas-Saltna, in-nies mhux se jsofru u jmutu bil-mard. Il-Kelma t’Alla tassigurana: “Ħadd minn min igħammar hemm ma jgħid: ‘Jien marid.’”—Isaija 33:24.
Fil-Ġenna taʼ l-art li dalwaqt se ssir realtà, is-sofferenzi u l-uġigħ, in-niket u l-mewt, se jiġu mneħħijin. Iva, saħansitra l-mewt! In-nies se jgħixu għal dejjem fil-Ġenna taʼ l-art! Il-Bibbja tgħidilna li Alla se “jixxottalhom kull demgħa minn għajnejhom: ma jkunx hemm iżjed mewt, anqas biki jew agħjat jew tbatija ma jkun hemm iżjed, għax għabu l-ħwejjeġ taʼ qabel.”—Apokalissi 21:4.
Taħt l-istat taʼ ħakma taʼ Ġesù Kristu, il-“Prinċep tas-sliem,” il-ħajja fuq l-art sa fl-aħħar se tkun verament sigura. Tabilħaqq, se jkun hemm sigurtà mad-dinja kollha taħt il-ħakma taʼ tjieba u taʼ mħabba taʼ l-uniku gvern—Is-Saltna t’Alla.—Isaija 9:5, 6 [Isaija 9:6, 7 NW] Apokalissi 7:9, 17. (w96 5/15)
[Kumment f’paġna 4]
“Is-sigurtà umana tindika fidi fil-ġejjieni, . . . [fidi fl-]istabbilità tas-sitwazzjoni politika u ekonomika.”—Mara li tgħix fl-Asja
[Kumment f’paġna 6]
“Inkun nistaʼ nħossni fis-sigurtà meta nkun naf li nistaʼ nimxi fit-toroq bil-lejl mingħajr ma niġi stuprata.”—Tifla taʼ l-iskola fl-Afrika