KAPITLU SITTA
“Ħalli l-Ġustizzja Tgelgel”—Fundamentali biex Tkun Taf lil Alla
1. Għala għandek sens taʼ ġustizzja?
MATUL l-istorja, kien hemm individwi li saru famużi minħabba li ħadmu iebes għall-ġustizzja. Imma kkunsidra dan il-fatt: Il-ġustizzja togħġob lill-bnedmin minħabba li huma maħluqin fuq ix-xbieha t’Alla. Int għandek sens persunali taʼ ġustizzja u trid li oħrajn jittrattawk b’ġustizzja minħabba li int maħluq fuq ix-xbieha taʼ Ġeħova, li ‘jitgħaxxaq’ bil-ġustizzja.—Ġeremija 9:24; Ġenesi 1:27; Isaija 40:14.
2, 3. Għala għandna nikkunsidraw il-kotba tat-12-il profeta biex nitgħallmu dwar il-ġustizzja taʼ Ġeħova?
2 Meta taqra diversi kotba tal-Bibbja, int tkun tistaʼ tifhem aħjar il-ġustizzja t’Alla. Imma se tibbenefika b’mod speċjali billi teżamina l-kotba tat-12-il profeta. Il-ġustizzja tant hi prominenti fihom li edizzjoni tal-kotba taʼ Ħosea, Għamos, u Mikea pubblikata minn soċjetà tal-Bibbja hija intitolata Justice Now! (Il-Ġustizzja Issa!) Per eżempju, ikkunsidra t-tħeġġiġ t’Għamos: “Ħalli l-ġustizzja tgelgel bħall-ilmijiet, u s-sewwa bħal kurrent li dejjem għaddej.” U nnota x’poġġa l-ewwel Mikea fost l-obbligi tiegħek: “X’qed jitlob minnek Ġeħova ħlief li tkun ġust u li tħobb il-qalb tajba u li tkun modest fil-mixi tiegħek m’Alla?”—Għamos 5:24; Mikea 6:8.
3 Għalhekk, biex inkunu nafu lil Ġeħova aħjar, u b’hekk inkunu nistgħu nimitawh, aħna żgur li għandna bżonn nifhmu u napprezzaw il-ġustizzja tiegħu. Il-ġustizzja taʼ Ġeħova hija attribut naturali tiegħu, u għalhekk ma nistgħux ngħidu li nafuh jekk ma napprezzawx il-ġustizzja tiegħu. Anki l-qaddejja li kellu fil-qedem kienu jafu li “Ġeħova jħobb il-ġustizzja.”—Salm 33:5; 37:28.
Ħabakkuk
4. Spjega għala l-kitbiet tat-12-il profeta jistgħu jsaħħu l-fiduċja tiegħek fil-ġustizzja t’Alla.
4 Xi żmien qabel ma Ġeħova esegwixxa ġudizzju fuq Ġerusalemm, il-profeta Ħabakkuk staqsa: “O Ġeħova, kemm se jkolli ndum ngħajjat għall-għajnuna? . . . Il-liġi tmewtet, u l-ġustizzja ma toħroġ qatt. Għax il-ħażin qed idawwar lill-ġust minn kullimkien, u b’hekk il-ġustizzja toħroġ mgħawġa.” (Ħabakkuk 1:2, 4) Il-leali Ħabakkuk kien sar jaf lil Ġeħova permezz taʼ l-Iskrittura li kellu disponibbli għalih u permezz taʼ l-esperjenza tiegħu stess. Għalhekk, hu kien fiduċjuż li Alla kemm iżomm il-ġustizzja kif ukoll jinkuraġġiha. Madankollu, il-profeta kien konċernat dwar għala Ġeħova jippermetti l-ħażen. Alla kkonferma maʼ Ħabakkuk li Hu kien se jagħmel ġustizzja mal-leali. (Ħabakkuk 2:4) Jekk Ħabakkuk u oħrajn setaʼ jkollhom fiduċja bħal din, int għandek raġuni ħafna iktar qawwija biex ikollok ukoll. Għala? Ir-raġuni hi li l-Bibbja issa hija kompluta, u għalhekk int tistaʼ tikkunsidra dokumentazzjoni akbar taʼ dak li għamel Ġeħova u turijiet tal-personalità tiegħu, inkluż il-ġustizzja tiegħu. Għalhekk, int tinsab f’pożizzjoni aħjar biex tkun taf lil Ġeħova u tkun konvint mill-ġustizzja perfetta tiegħu.
5. Liema aspett tal-ġustizzja huwa interessanti b’mod partikulari issa?
5 Meta bagħat il-messaġġiera f’Israel, Ġeħova enfasizza l-fatt li wieħed ikun ġust. (Isaija 1:17; 10:1, 2; Ġeremija 7:5-7; Eżekjel 45:9) Hu żgur li enfasizza l-ġustizzja permezz tat-12-il profeta. (Għamos 5:7, 12; Mikea 3:9; Żakkarija 8:16, 17) Kulmin jaqra l-kitbiet tagħhom jistaʼ jara li huma jenfasizzaw li individwu għandu jeżerċita l-ġustizzja fil-ħajja tiegħu taʼ kuljum. Hemm ħafna modi kif nistgħu napplikaw il-lezzjonijiet li joħorġu minn dawn it-12-il ktieb, imma ejja neżaminaw żewġ aspetti li fihom dawn il-profeti enfasizzaw il-ġustizzja, u mbagħad naraw kif nistgħu nipprattikaw dak li nitgħallmu.
ĠUSTIZZJA FIN-NEGOZJU U FI KWISTJONIJIET LI JINVOLVU L-FLUS
6, 7. Il-ġustizzja fin-negozju u fi kwistjonijiet li jinvolvu l-flus għala għandha tikkonċernana lkoll?
6 Ġesù qal: “Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix.” (Luqa 4:4; Dewteronomju 8:3) Hu ma ċaħadx li għandna bżonn il-ħobż—għandna bżonn nieklu. Għal ħafna, dan ifisser li jaħdmu jew li jkollhom lil xi ħadd fil-familja li jaħdem sabiex jipprovdi l-ikel għall-familja. Dan kien minnu wkoll dwar il-qaddejja li Alla kellu fil-qedem. Xi wħud kienu jaħdmu għal rashom—ikabbru l-uċuħ tar-rabaʼ jew jagħmlu affarijiet bħal ħwejjeġ, għamara, jew għodod għat-tisjir. Oħrajn kienu jħaddmu lin-nies—jikru l-irġiel biex jaħsdu l-uċuħ tar-rabaʼ jew biex jagħmlu d-dqiq, iż-żejt taż-żebbuġa, jew l-inbid. Jerġaʼ oħrajn kienu negozjanti—jixtru u jbigħu l-affarijiet. Jew xi wħud setgħu pprovdew servizz—forsi billi kienu jsewwu s-soqfa jew idoqqu strumenti mużikali.—Eżodu 35:35; Dewteronomju 24:14, 15; 2 Slaten 3:15; 22:6; Mattew 20:1-8; Luqa 15:25.
7 Tistaʼ tara xebh mal-ħajja tiegħek stess jew dik tal-ħbieb jew tal-qraba tiegħek? Huwa minnu li l-metodi tax-xogħol illum għandhom mnejn ikunu differenti, imma ma taqbilx int li l-ħarsa t’Alla lejn il-ġustizzja fi kwistjonijiet bħal dawn hija l-istess bħalma kienet lura dak iż-żmien? Fil-messaġġi tiegħu permezz tat-12-il profeta, Ġeħova wera li hu jistenna li l-poplu tiegħu jipprattika l-ġustizzja f’dawn l-aspetti tal-ħajja. Aħna u nikkunsidraw xi eżempji, aħseb dwar kif inhu meħtieġ minnek li turi l-ġustizzja t’Alla.—Salm 25:4, 5.
8, 9. (a) Għala kienet tassew serja l-kundanna mniżżla f’Malakija 3:5? (b) L-Iskrittura tinkuraġġixxi liema ħarsa bilanċjata lejn l-impjieg u x-xogħol?
8 Alla ddikjara permezz taʼ Malakija: “Nersaq lejkom għall-ġudizzju, u nsir xhud ħafif kontra s-sħaħar, kontra l-adulteri, kontra dawk li jaħilfu falz, u kontra dawk li jagħmlu frodi fil-pagi tal-ħaddiem . . . filwaqt li huma ma jibżgħux minni.” (Malakija 3:5) Iva, Ġeħova kkundanna lil dawk li ttrattaw b’mod inġust lill-ħaddiema tagħhom, li kienu ħaddiema mikrijin. Kemm kienet serja din il-kwistjoni? Tant kienet serja li hu qies il-kwistjoni tal-ħaddiema li jiġu abbużati fl-istess kuntest taʼ l-ispiritiżmu, l-adulterju, u l-gideb. Il-Kristjani jafu kif Alla se jiġġudika ‘ż-żienja, dawk li jipprattikaw l-ispiritiżmu, u l-giddibin kollha.’—Rivelazzjoni 21:8.
9 Dak li kien qed jiġri fil-post tax-xogħol ma kienx sempliċi kwistjoni taʼ moralità umana; kienet involuta l-ġustizzja taʼ Ġeħova. Hu qal li minħabba t-tradiment taʼ dawk li “jagħmlu frodi fil-pagi tal-ħaddiem,” hu kien se ‘jersaq lejhom għall-ġudizzju.’ Huwa minnu li Alla ma qalx li min iħaddem kellu jaċċetta kwalunkwe rikjesta taʼ xi impjegat jew grupp taʼ ħaddiema. Mit-tixbiha taʼ Ġesù dwar l-irġiel mikrijin biex jaħdmu f’għalqa tad-dwieli tistaʼ tara li l-pożizzjoni taʼ min iħaddem kienet tagħtih id-dritt li jiddeċiedi l-pagi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol. (Mattew 20:1-7; 13-15) Huwa taʼ min jinnota li fit-tixbiha l-ħaddiema kollha tħallsu dinar kull wieħed, skond kif ftiehmu bħala l-‘paga taʼ jum,’ kemm jekk ħadmu l-jum kollu u kemm jekk le. Nistgħu ninnotaw ukoll li l-imgħallem ma kienx diżonest għax ma pprovax jagħmel iktar qligħ minn fuq dahar l-irġiel li kera.—Ġeremija 22:13.
10. Għala għandu jinteressana l-mod kif jiġu trattati l-impjegati tagħna?
10 Jekk għandek negozju bl-impjegati—jew anki jekk sempliċement tikri lil xi ħadd biex jagħmillek biċċa xogħol— fil-ħlas jew fil-paga, f’dak li titlob minnhom, u fejn jidħlu kwistjonijiet taʼ flus, timxi int fi qbil mal-livelli ġusti taʼ Ġeħova mniżżlin f’Malakija 3:5? Huwa tajjeb li taħseb dwar dan għaliex l-Iskrittura Griega Kristjana wkoll titkellem dwar min jittratta mingħajr ġustizzja lill-ħaddiema mikrijin. Rigward dawk li ma jimxux sew f’dan il-qasam, id-dixxiplu Ġakbu staqsa: “M’huwiex [Ġeħova] qed jiħodha kontra tagħkom?” (Ġakbu 5:1, 4, 6) Nagħmlu tajjeb li nikkonkludu: Dawk li ma jimxux b’ġustizzja “fil-pagi tal-ħaddiem” għadhom ma sarux jafu sew lil Ġeħova, għax m’humiex qed jimitaw il-ġustizzja tiegħu.
11, 12. (a) Liema għemejjel inġusti jenfasizza Ħosea 5:10? (b) Kif tistaʼ tapplika l-prinċipju li hemm f’Ħosea 5:10?
11 Issa aqra għala Ġeħova oppona lil xi rġiel prominenti fi żmien Ħosea: “Il-prinċpijiet taʼ Ġuda saru sewwasew bħal dawk li jressqu lura t-trufijiet taʼ proprjetà. Fuqhom se nsawwab qillti bħall-ilma.” (Ħosea 5:10) Liema ħażen ikkundanna Ħosea? Bidwi Lhudi kien jiddependi mir-rabaʼ tiegħu biex jaqlaʼ l-għajxien, u t-trufijiet tar-rabaʼ kienu jkunu mmarkati bil-ġebel jew bil-pilastri. Il-fatt li “jressqu lura t-trufijiet taʼ proprjetà” kien ifisser li jnaqqsu l-art tal-bidwi u jċaħħduh minn ftit mill-għajxien tiegħu, jiġifieri, jisirquh. Ħosea xebbah il-prinċpijiet taʼ Ġuda, li suppost kienu qed jinkuraġġixxu l-ġustizzja, maʼ dawk li kienu jressqu lura t-trufijiet tal-proprjetà.—Dewteronomju 19:14; 27:17; Ġob 24:2; Proverbji 22:28.
Tiggwidak il-ġustizzja f’xogħlok u fin-negozju tiegħek?
12 Illum, xi wħud li jinnegozjaw il-proprjetà għandhom mnejn jitħajru “jressqu lura t-trufijiet” sabiex iqarrqu bix-xerrejja. Però, il-prinċipju japplika għan-negozjanti, għal dawk li jħaddmu n-nies, għall-impjegati, jew għall-klijenti—kulmin hu involut f’xi kuntratt jew ftehim. Bħalma taf, xi wħud fid-dinja tan-negozju jaħsbuha darbtejn biex iniżżlu l-affarijiet bil-miktub, minħabba li jħossu li iktar tard se jkun iktar faċli għalihom li jagħmlu inqas minn dak li ġie miftiehem jew biex jagħmlu rikjesti ġodda. Oħrajn joffru kuntratt bil-miktub imma jinkludu dettalji b’kitba li ma tkunx ċara sabiex jgħawġu t-tifsir tiegħu għall-vantaġġ tagħhom, anki jekk b’mod inġust dan ikun taʼ ħsara għall-persuna l-oħra fil-ftehim. Taħseb int li min jaġixxi b’dan il-mod—kemm jekk negozjant jew konsumatur, wieħed li jħaddem jew impjegat—tassew jafu lill-Alla tal-ġustizzja? Ġeħova qal fil-Kelma tiegħu: “Tressaqx lura t-trufijiet tal-proprjetà . . . tas-subien bla missier. Għax il-Feddej tagħhom hu b’saħħtu; hu nnifsu jiddefendi l-kawża li għandhom miegħek.”—Proverbji 23:10, 11; Ħabakkuk 2:9.
13. Skond Mikea 6:10-12, liema inġustizzji kienu jeżistu fost il-poplu li Alla kellu fil-qedem?
13 Mikea 6:10-12 jiftħilna għajnejna saħansitra iktar dwar il-ġustizzja: “Għad hemm it-teżori tal-ħażen fid-dar taʼ bniedem mill-agħar, u l-kejl imnaqqas t’efa li hu kundannat? Nistaʼ jien inkun safi jekk ikolli miżien ħażin u ħorġa mimlija wżin qarrieq? Għax . . . l-abitanti tagħha qalu l-gideb, u lsienhom hu qarrieq.” Illum, ma niżnux l-ikel bl-efa imma bil-grammi jew b’kejl ieħor. Jew forsi niżnu l-affarijiet bil-kilo jew bil-libbra, minflok bl-użin tal-ġebel fuq miżien. Xorta waħda, il-punt taʼ Mikea huwa ċar. Il-merkanti jew in-negozjanti taʼ żmienu kienu qarriqin; minħabba li m’użawx il-kejl jew l-użin preċiż, huma ttrattaw lin-nies b’mod inġust. Alla sejħilhom “mill-agħar” lil dawk li ‘lsienhom kien qarrieq ġo fommhom’ u kienu jqarrqu wkoll fl-affarijiet tan-negozju tagħhom.—Dewteronomju 25:13-16; Proverbji 20:10; Għamos 8:5.
14. It-twissija taʼ Mikea tistaʼ tgħinna nevitaw liema tip taʼ inġustizzja moderna?
14 Jeffettwa l-kliem taʼ Mikea rigward il-kejl u l-użin il-mod kif int tħaddem in-negozju tiegħek jew xogħlok bħala impjegat? Għandna naħsbu dwar dan, ladarba hemm numru bla għadd taʼ metodi kif il-konsumaturi u l-klijenti jiġu mqarrqin. Per eżempju, xi kuntratturi bla skrupli f’taħlita jpoġġu inqas siment min-normal jew minn kemm hu mitlub legalment. Jew ħaddiem tas-sengħa, f’postijiet li jkun jaf li m’humiex se jidhru, għandu mnejn juża materjal taʼ inqas kwalità minn dak li jitħallas għalih. Xi negozjanti jbigħu oġġetti b’ġodda fjamanti meta fir-realtà jkunu użati. U forsi smajt dwar metodi qarriqin oħrajn tan-negozju li jintużaw biex ikun hemm qligħ akbar. Titħajjar int biex tipprovahom? Fi ktieb li ħareġ dan l-aħħar dwar kif wieħed jipproteġi l-privatezza tiegħu ntqal li x-Xhieda taʼ Ġeħova “jemmnu li l-Ħallieq tagħhom qed jarahom, u ħafna minnhom jippreferu jmutu milli jisirqu.” Dan żied: “Ħafna nies ifittxuhom meta jkollhom negozju li jinvolvi l-immaniġġar taʼ somom kbar taʼ flus.” Għala? Għaliex il-Kristjani veri jafu li Ġeħova ‘jitlob minnhom li jkunu ġusti,’ u dan jinkludi n-negozju u l-kwistjonijiet finanzjarji tagħhom.—Mikea 6:8.
“PRINĊPIJIET . . . GĦALL-ĠUSTIZZJA”
15, 16. Il-mexxejja fi żmien Mikea kif ittrattaw lin-nies?
15 Tistaʼ tara minn dawn il-kotba stess tat-12-il profeta li f’xi perijodi l-ġustizzja kienet nieqsa bil-kbir. Dawk fl-awtorità li suppost kienu eżemplari f’dik li hi ġustizzja, ma kinux. (Eżodu 18:21; 23:6-8; Dewteronomju 1:17; 16:18) Mikea talab bil-ħrara: “Isimgħu, jekk jogħġobkom, intom il-kapijiet taʼ Ġakobb u intom il-kmandanti taʼ dar Israel. Ma jmisskomx tkunu tafu x’inhi l-ġustizzja? Intom li tobogħdu dak li hu tajjeb u tħobbu l-ħażen, li tisolħu l-ġilda minn fuq in-nies u laħamhom minn fuq għadamhom.”—Mikea 3:1-3; Isaija 1:17.
16 Dan il-kliem suppost li ħasad lin-nies li kienu familjari mal-ħajja tal-kampanja. Ragħaj kultant kien iġiżż in-nagħaġ li kien jieħu ħsieb u jipproteġi. (Ġenesi 38:12, 13; 1 Samwel 25:4) Imma “l-kmandanti taʼ dar Israel,” li suppost kienu ‘jafu x’inhi l-ġustizzja,’ sfruttaw lin-nies tal-mergħa t’Alla, bħallikieku kienu qed iċarrtu l-ġilda u l-laħam minn fuq in-nagħaġ u jiksrulhom għadamhom. (Salm 95:7) Waqt li semma tixbiha oħra ffokata fuq il-ħajja tal-kampanja, Mikea qal li l-prinċpijiet li ‘jagħmlu l-ħaqq għall-premju’ kienu bħal għollieqa jew ċint tax-xewk. (Mikea 7:3, 4) Immaġina li tgħaddi minn post mimli għollieq u ċnut tax-xewk. X’aktarx li tingiref, u ħwejġek jiċċarrtu. Dan juri sew l-effett li kellhom il-mexxejja fuq il-poplu t’Alla. Minflok ma ttrattaw lil ħuthom b’ġustizzja, huma kienu tradituri u korrotti.—Mikea 3:9, 11.
17. Skond Sofonija 3:3, liema attitudni kellhom il-mexxejja?
17 Sofonija għamel punt simili: “Il-prinċpijiet tagħha f’nofsha kienu ljuni jgħajtu. L-imħallfin tagħha kienu lpup taʼ fil-għaxija li ma baqgħux igerrmu l-għadam sa fil-għodu.” (Sofonija 3:3) Tistaʼ timmaġina lill-mexxejja tal-poplu t’Alla li, bħal iljuni feroċi u salvaġġi, ma tawx kas is-sewwa? Jew tistaʼ timmaġina mħallfin li, bħal ilpup imġewħin u bla xabaʼ, belgħu kollox tant li għadam biss setaʼ jinstab l-għada fil-għodu? Kif setgħet issir ġustizzja b’dawn il-kundizzjonijiet? Il-ġustizzja kienet imtertqa mill-mexxejja li kienu jaħtfu lin-nies bħala priża minflok ma kienu jieħdu ħsiebhom.
Il-prinċpijiet fi żmien Mikea u Sofonija ma kinux jafuh lil Ġeħova
18. L-imħallfin f’Israel kif suppost li ttrattawh lill-poplu t’Alla?
18 Jidher ċar li dawk il-mexxejja f’ġens dedikat lil Alla ma kinux jafuh. Li kieku kienu jafuh, kienu se jobdu dak li hemm f’Żakkarija 8:16: “Dawn huma l-affarijiet li għandkom tagħmlu: Tkellmu bil-verità maʼ xulxin. Bil-verità u bil-ġudizzju tal-paċi ġġudikaw f’bieb il-belt.” Ix-xjuħ f’Israel kienu jiltaqgħu f’bieb il-belt u kellhom jieħdu ħsieb il-każi ġudizzjarji, mhux bl-għaġla jew skond il-preferenzi, imma skond kif jaħsibha Alla. (Dewteronomju 22:15) U Ġeħova kien wissa kontra li tintwera l-parzjalità, bħal per eżempju lejn l-għonja jew dawk li huma prominenti. (Levitiku 19:15; Dewteronomju 1:16, 17) L-imħallfin kellhom jipprovaw iġeddu l-paċi bejn iż-żewġ naħat f’tilwima, billi ‘jiġġudikaw bil-ġudizzju tal-paċi.’
19, 20. (a) L-anzjani Kristjani għala jistgħu jitgħallmu ħafna mit-12-il profeta? (b) L-anzjani kif jistgħu juru li jafu lil Ġeħova u l-ġustizzja tiegħu?
19 L-appostlu Pawlu kkwota parti minn Żakkarija 8:16 meta kiteb lill-Kristjani. (Efesin 4:15, 25) Għalhekk, nistgħu nkunu ċerti li llum it-twissijiet u l-pariri tat-12-il profeta dwar il-ġustizzja għadhom validi u japplikaw għall-kongregazzjoni. L-anzjani, jew l-indokraturi, għandhom jagħtu eżempju bħala wħud li jafu lil Ġeħova u li jirriflettu l-ġustizzja tiegħu. Isaija 32:1 jiddeskrivihom b’mod li jġib serħan bħala “prinċpijiet [li] se jaħkmu għall-ġustizzja.” Liema punti prattiċi rigward anzjani bħal dawn nistgħu nisiltu mit-twissijiet u l-pariri li nsibu fil-kotba tat-12-il profeta?
20 L-anzjani Kristjani għandhom iżommu f’moħħhom il-verità Skritturali u dak li tindika dwar x’jaħseb Ġeħova. Huma għandhom bżonn jibbażaw id-deċiżjonijiet tagħhom fuq dan minflok fuq sempliċi opinjoni persunali jew fuq dak li jħossu li hu tajjeb. Il-Bibbja turi li jistaʼ jkun hemm każi diffiċli, dawk li jeħtieġu iktar ħin biex tipprepara għalihom u li jeħtieġu riċerka fil-privat fuq il-Bibbja u l-pubblikazzjonijiet li fihom pariri għaqlin mill-klassi taʼ l-ilsir leali u għaqli. (Eżodu 18:26; Mattew 24:45) Meta l-anzjani jagħmlu sforz bħal dan, huwa iktar probabbli li se jobogħdu dak li hu ħażin u jħobbu dak li hu tajjeb mill-ħarsa t’Alla. Dan se jgħinhom ‘jagħmlu l-wisaʼ għall-ġustizzja f’bieb il-belt’ ħalli ‘jiġġudikaw bil-ġustizzja vera.’—Għamos 5:15; Żakkarija 7:9.
21. L-anzjani għala għandhom jevitaw li juru l-parzjalità, imma x’għandu mnejn iħajjarhom biex jagħmlu mod ieħor?
21 Anki jekk wieħed bir-responsabbiltà li jagħmel ġudizzju jkollu l-għarfien tal-Bibbja, hu għandu mnejn juri xi tip taʼ parzjalità. Malakija ddispjaċieh bil-kbir minħabba li l-qassisin, li suppost kienu sors t’għarfien, ‘urew parzjalità fil-liġi.’ (Malakija 2:7-9) Dan kif setaʼ jseħħ? Il-fatt hu li Mikea qal li xi wħud mill-kapijiet kienu qed “jixxaħħmu biex jagħmlu l-ħaqq, u l-qassisin tagħha jitolbu l-ħlas biex jgħallmu.” (Mikea 3:11) Kif għandhom mnejn ikunu effettwati bl-istess mod il-ħsibijiet t’anzjan? Xi ngħidu jekk il-persuna li qed jittratta magħha kienet ġeneruża miegħu fil-passat, jew jekk l-anzjan jistaʼ jara bil-quddiem li jistaʼ jibbenefika b’xi mod fil-futur? Jew ejja ngħidu li qed jieħu ħsieb każ li jinvolvi lil xi ħadd li jiġi minnu kemm jekk mid-demm u kemm jekk minħabba ż-żwieġ. X’se jeffettwa l-ġudizzju tiegħu, ir-rabtiet tal-familja jew il-prinċipji spiritwali? L-imparzjalità t’anzjan tistaʼ tkun effettwata meta jkun qed jittratta każ t’għemil ħażin jew meta jkun qed iqis jekk xi ħadd huwiex kwalifikat Skritturalment għal iktar privileġġi taʼ servizz fil-kongregazzjoni.—1 Samwel 2:22-25, 33; Atti 8:18-20; 1 Pietru 5:2.
F’kulma jagħmlu, l-anzjani ‘jagħmlu l-wisaʼ għall-ġustizzja f’bieb il-belt’
22. (a) L-anzjani liema responsabbiltà għandhom fejn tidħol il-ġustizzja? (b) L-anzjani liema kwalitajiet divini oħrajn għandhom jimitaw meta jittrattaw maʼ wħud li żbaljaw?
22 Meta xi ħadd jidneb serjament, ir-rgħajja spiritwali fil-kongregazzjoni jaġixxu biex jipproteġuha minn kwalunkwe influwenza perikoluża u korrotta. (Atti 20:28-30; Titu 3:10, 11) Però, jekk il-wieħed li żbalja jindem sinċerament, l-anzjani jridu ‘jipprovaw jaġġustawh mill-ġdid bi spirtu taʼ ħlewwa.’ (Galatin 6:1) Minflok ma jkunu ħorox u juru nuqqas taʼ mogħdrija, huma japplikaw id-direzzjoni: “Iġġudikaw bil-ġustizzja vera; u pprattikaw il-ħniniet u l-qalb tajba bl-imħabba maʼ xulxin.” (Żakkarija 7:9) Ir-regoli taʼ Ġeħova dwar kif kellhom jiġu trattati każi legali f’Israel tal-qedem jenfasizzaw il-ġustizzja u l-ħniena tiegħu. L-imħallfin maħturin kellhom ammont taʼ libertà f’ħafna mid-deċiżjonijiet tagħhom; huma setgħu juru l-ħniena, skond iċ-ċirkustanzi u l-attitudni tal-wieħed li jkun dineb. Għalhekk, l-indokraturi Kristjani għandhom jistinkaw biex jiġġudikaw “bil-ġustizzja vera” u biex juru “l-ħniniet u l-qalb tajba bl-imħabba,” u b’hekk juru li saru jafu lil Ġeħova.
23, 24. (a) L-anzjani kif jistgħu jinkuraġġixxu “l-ġudizzju tal-paċi”? (b) It-12-il profeta x’għenuk tifhem dwar il-ġustizzja?
23 Ftakar x’jgħid Żakkarija 8:16: “Bil-verità u bil-ġudizzju tal-paċi ġġudikaw f’bieb il-belt.” X’inhi l-mira? “Il-ġudizzju tal-paċi.” Anki meta l-appostli kienu ħajjin kien hemm differenzi persunali jew tilwim bejn xi wħud mill-Kristjani. Bħalma għamel Pawlu m’Evodja u Sintike, illum l-anzjani għandhom mnejn ikollhom joffru l-għajnuna. (Filippin 4:2, 3) L-anzjani żgur li għandhom jistinkaw bil-ħerqa biex joffru “l-ġudizzju tal-paċi,” waqt li jipprovaw iġeddu l-paċi bejn iż-żewġ naħat f’tilwima. Il-pariri li joffru mill-Iskrittura u l-attitudni tagħhom meta jagħmlu dan għandhom jinkuraġġixxu l-paċi fil-kongregazzjoni u l-paċi m’Alla. B’hekk, se jidher ċar li huma tassew jafu lil Ġeħova u l-ġustizzja tiegħu.
24 Iż-żewġ aspetti li semmejna qabel juruna li huwa vitali li napplikaw fil-ħajja tagħna taʼ kuljum il-pariri dwar il-ġustizzja mniżżlin fil-kotba tat-12-il profeta. X’barka tkun din meta aħna u dawk taʼ madwarna ‘nħallu l-ġustizzja tgelgel’!