Għallem lil Uliedek Ikunu Paċifiċi
Minħabba li kienet eċċitata li l-familja tagħha kienet se tmur toqgħod fin-naħa l-oħra tal-pajjiż, Nicole, taʼ tmien snin, kienet regolarment tinforma lill-ħabiba tal-qalb tagħha Gabrielle dwar kull dettall. Darba waħda, Gabrielle qabdet u qalet lil Nicole li ma kienx jimpurtaha li kienet se titlaq. Nicole tant kemm weġġgħet u kienet irrabjata qalet lil ommha, “Qatt ma rrid nerġaʼ naraha lil Gabrielle!”
IL-KRIŻIJIET tat-tfulija bħal dik taʼ Nicole u Gabrielle taʼ spiss jeħtieġu li jiġu solvuti bl-għajnuna tal-ġenituri tat-tfal—mhux biss biex itaffu s-sentimenti mweġġgħin imma wkoll biex juru kif għandhom jittrattaw il-kwistjoni. It-tfal żgħar minnhom juru “l-karatteristiki taʼ tifel ċkejken,” u taʼ spiss ma jkunux konxji tal-ħsara li jistgħu jikkaġunaw il-kliem u l-azzjonijiet tagħhom. (1 Korintin 13:11) Għandhom bżonn l-għajnuna biex jiżviluppaw il-kwalitajiet li jistgħu jwasslu għal relazzjonijiet paċifiċi m’oħrajn fil-familja u f’postijiet oħrajn.
Il-ġenituri Kristjani juru ħeġġa kbira biex iħarrġu lil uliedhom ħalli ‘jfittxu l-paċi u jiġru warajha.’ (1 Pietru 3:11) L-hena li jiġi meta wieħed iġib il-paċi jisboq dak kollu li huwa meħtieġ biex hu jegħleb sentimenti taʼ suspett, frustrazzjoni, u riżentiment. Jekk int ġenitur, kif tistaʼ tgħallem lil uliedek ikunu paċifiċi?
Għinhom Jiżviluppaw Xewqa biex Jogħġbu lill-“Alla tal-Paċi”
Ġeħova jissejjaħ “l-Alla tal-paċi” u jiġi identifikat bħala l-wieħed li “jagħti l-paċi.” (Filippin 4:9; Rumani 15:33) B’hekk, ġenituri għaqlin jużaw bis-sengħa l-Kelma t’Alla, il-Bibbja, biex inaqqxu f’uliedhom ix-xewqa biex jogħġbu lil Alla u biex jimitaw il-kwalitajiet tiegħu. Per eżempju, għin lil uliedek jimmaġinaw dak li l-appostlu Ġwanni ra f’viżjoni impressjonanti—qawsalla taʼ l-għaġeb lewn l-iżmerald li kienet madwar it-tron taʼ Ġeħova.a (Rivelazzjoni 4:2, 3) Spjega li din il-qawsalla tirrappreżenta l-paċi u t-trankwillità li hemm madwar Ġeħova u li barkiet bħal dawn se jingħataw lil dawk kollha li jobduh.
Ġeħova jipprovdi wkoll gwida permezz taʼ Ibnu, Ġesù, li huwa msejjaħ il-“Prinċep tas-sliem.” (Isaija 9:5, 6 [9:6, 7, NW]) Għalhekk, aqra u ddiskuti maʼ wliedek rakkonti Bibliċi li fihom Ġesù għallem lezzjonijiet taʼ valur dwar li nevitaw argumenti u tilwim. (Mattew 26:51-56; Marku 9:33-35) Spjega għala Pawlu, li qabel kien “raġel insolenti,” biddel il-modi tiegħu u kiteb li “lsir tal-Mulej m’għandux għalfejn jiġġieled, imma għandu jkun ġentili maʼ kulħadd, . . . iżomm ruħu mrażżan quddiem il-ħażen.” (1 Timotju 1:13; 2 Timotju 2:24) Uliedek għandhom mnejn iwieġbu aħjar milli immaġinajt.
Evan jiftakar li meta kellu sebaʼ snin kien hemm tifel li kien jinkih fuq il-private taʼ l-iskola. “Tant kont irrabjat għat-tifel li ridt inpattihielu!” hu jgħid. “Imbagħad, ftakart lezzjoni li tgħallimt id-dar dwar dawk li jipprovaw jibdew il-ġlied. Kont naf li Ġeħova jrid li ma ‘rrodd lil ħadd ħsara bi ħsara’ u ‘nżomm il-paċi mal-bnedmin kollha.’” (Rumani 12:17, 18) Imbagħad, Evan sab is-saħħa u l-kuraġġ biex itaffi din is-sitwazzjoni taħraq billi wieġeb b’mod ħelu. Hu ried jogħġob lill-Alla tal-paċi.
Kun Ġenitur Paċifiku
Hemm atmosfera taʼ paċi fid-dar tiegħek? Jekk iva, uliedek jistgħu jitgħallmu ħafna dwar il-paċi billi sempliċement josservawk. L-effettività tiegħek f’li tgħallem lil uliedek biex ikunu paċifiċi tiddependi ħafna minn kemm int timita l-modi paċifiċi t’Alla u taʼ Kristu.—Rumani 2:21.
Russ u Cindy jaħdmu iebes biex iħarrġu liż-żewġ uliedhom subien, billi jħeġġuhom biex jaġixxu b’mod taʼ mħabba meta oħrajn jirritawhom. Cindy tgħid, “L-attitudni li jien u Russ nuru lejn uliedna u lejn oħrajn meta jqumu xi diffikultajiet tilgħab parti kbira f’kif kieku wliedna jittrattaw sitwazzjonijiet simili.”
Anki meta tagħmel żball—u liema ġenitur ma jagħmilx żball?—int xorta tistaʼ tuża l-opportunità biex tgħallem lezzjonijiet taʼ valur. “Kien hemm żminijiet meta jien u marti, Terry, irreaġixxejna b’herra u ddixxiplinajna lit-tliet uliedna qabel ma konna nkunu nafu l-fatti kollha,” jammetti Stephen. “Meta kien jiġri hekk, konna nitolbu skuża.” Terry żżid: “Aħna nfiehmu lil uliedna li aħna wkoll imperfetti u li nagħmlu żbalji. Aħna nħossu li dan mhux biss żied mal-paċi fil-familja tagħna imma wkoll għen lit-tfal biex jitgħallmu kif jiġru warajha.”
Qed jitgħallmu wliedek kif ikunu paċifiċi billi josservaw il-mod kif tittrattahom? Ġesù wissa: “Għalhekk, kulma tridu li l-bnedmin jagħmlulkom, intom tridu tagħmluh lilhom ukoll.” (Mattew 7:12) Minkejja li għandek in-nuqqasijiet tiegħek, kun ċert li l-imħabba u l-affezzjoni li turi lil uliedek se jipproduċu riżultati tajbin. Uliedek se jkunu iktar lesti li jwieġbu meta d-direzzjoni tingħata bl-imħabba.
Kun Tqil biex Tirrabja
Proverbji 19:11 jgħid: “Bniedem bil-għaqal idum ma jagħdab.” Kif tistaʼ tgħin lil uliedek biex jikkultivaw dehen bħal dan? David jiddeskrivi mod prattiku kif hu u martu, Mariann, ikellmu lit-tifel u t-tifla tagħhom u kif sabuh t’għajnuna. Hu jgħid: “Meta huma jħossuhom imdejqin, għax xi ħadd ikun qal jew għamel xi ħaġa li weġġgħethom, aħna ngħinuhom biex ikollhom empatija. Nistaqsuhom mistoqsijiet sempliċi bħal: ‘L-individwu kellu ġurnata stressata? Jistaʼ jkun li hu għajjur? Weġġgħu xi ħadd?’” Mariann iżżid, “Dan normalment jikkalmahom lit-tfal minflok ma jibqgħu mdejqin dwar is-sitwazzjoni jew jargumentaw dwar min għandu raġun jew tort.”
Taħriġ bħal dan jistaʼ jġib riżultati taʼ l-għaġeb. Innota kif Nicole, li ssemmiet fil-bidu taʼ dan l-artiklu, ġiet megħjuna minn ommha, Michelle, b’mod li mhux sempliċement rebħet lura l-ħbiberija mal-ħabiba tagħha Gabrielle. “Jien u Nicole qrajna kapitlu 14 tal-ktieb Tgħallem mill-Għalliem il-Kbir,” tgħid Michelle.b “Imbagħad spjegajtilha x’ried ifisser Ġesù meta qal li aħna għandna naħfru lil xi ħadd ‘sa sebgħa u sebgħin darba.’ Wara li smajt bir-reqqa lil Nicole hekk kif esprimiet is-sentimenti tagħha, jien għentha biex tħoss id-dwejjaq u l-frustrazzjoni li kellha Gabrielle għax l-aqwa ħabiba tagħha kienet se tmur toqgħod daqshekk ’il bogħod.”—Mattew 18:21, 22.
Id-dehen ġdid li sabet Nicole dwar x’għandu mnejn ġiegħel lil Gabrielle tirrabja daqshekk għenha tħoss għaliha u qanqalha ċċempel lil Gabrielle biex titlobha skuża. “Minn dakinhar ’l hawn,” tgħid Michelle, “Nicole saret tieħu pjaċir turi konsiderazzjoni għas-sentimenti t’oħrajn u tagħmel affarijiet sbieħ għalihom biex iġġegħelhom iħossuhom aħjar.”—Filippin 2:3, 4.
Għin lil uliedek biex ma joqogħdux jinkwetaw dwar l-iżbalji u n-nuqqas taʼ qbil. Forsi se jkollok is-sodisfazzjon li tara lil uliedek jesprimu qalb tajba u affezzjoni tenera m’oħrajn.—Rumani 12:10; 1 Korintin 12:25.
Inkuraġġixxi l-Ġieħ tal-Maħfra
“Hu ġieħ . . . [li wieħed] jagħlaq għajnejh għall-offiża,” jistqarr Proverbji 19:11. Ġesù, fl-iktar mument agonizzanti tiegħu, imita lil Missieru u wera li kien lest li jaħfer. (Luqa 23:34) Uliedek jistgħu jitgħallmu l-ġieħ tal-maħfra meta jħossu personalment l-hena tal-maħfra tiegħek.
Per eżempju, Willy, taʼ ħames snin, jieħu pjaċir ipinġi man-nanna tiegħu. Darba waħda, in-nanna għal għarrieda waqfet tpinġi, għajtet maʼ Willy, u telqet ’l hemm. Willy kien imdejjaq. Sam, missieru, qal: “In-nanna taʼ Willy tbati bil-marda taʼ l-Alzheimer. Għalhekk, spjegajna dan lil Willy b’mod li jkun jistaʼ jifhem.” Wara li fakkar lil Willy li hu kien ġie maħfur għal diversi drabi u li kellu jagħmel l-istess m’oħrajn, Sam baqaʼ mistagħġeb minn dak li għamel Willy. “Tistaʼ timmaġina kif bqajna skantati jien u marti,” jgħid Sam, “hekk kif rajna lit-tifel żgħir tagħna jmur għand nanntu taʼ 80 sena, ikellimha biex jitlobha skuża, u jaqbdilha idejha biex jerġaʼ jiħodha fuq il-mejda?”
Huwa tabilħaqq ġieħ meta t-tfal jitgħallmu ‘jkomplu jissaportu’ n-nuqqasijiet u l-iżbalji t’oħrajn u jaħfrulhom. (Kolossin 3:13) Anki meta n-nies jaġixxu apposta b’mod li jfixkel, żgura lit-tfal tiegħek li tweġiba paċifika tistaʼ tirnexxi, għax “min jogħġob lill-Mulej bl-imġiba tiegħu, ukoll maʼ l-għedewwa jżomm is-sliem.”—Proverbji 16:7.
Ibqaʼ Għin lil Uliedek Ikunu Paċifiċi
Meta l-ġenituri jużaw il-Kelma t’Alla biex jgħallmu lil uliedhom “f’kundizzjonijiet paċifiċi” u bħala “dawk li qegħdin iġibu l-paċi,” huma jkunu tassew taʼ benefiċċju għal uliedhom. (Ġakbu 3:18) Ġenituri bħal dawn qegħdin jippreparaw lit-tfal tagħhom b’dak li għandhom bżonn biex isolvu l-konflitti u jkunu paċifiċi. Dan jikkontribwixxi ferm għall-hena u s-sodisfazzjon matul ħajjithom.
Dan u Kathy għandhom tliet adoloxxenti li mexjin tajjeb spiritwalment. “Għalkemm kien hemm xi sfidi biex inħarrġuhom matul is-snin bikrin tagħhom,” jgħid Dan, “aħna tassew ferħanin li wliedna sejrin tajjeb fis-servizz taʼ Ġeħova. Issa huma għandhom relazzjoni paċifika m’oħrajn, u jaħfru mill-qalb lil oħrajn meta jkun hemm xi ħaġa li tistaʼ tkisser il-paċi.” Kathy tgħid, “Dan huwa verament inkuraġġanti għalina, ladarba l-paċi hija parti mill-frott taʼ l-ispirtu t’Alla.”—Galatin 5:22, 23.
Mela, b’raġuni tajba, bħala ġenituri Kristjani, ‘tiqfux’ jew ‘tegħjewx’ tgħallmu lil uliedkom biex jgħixu b’mod paċifiku—anki jekk għall-ewwel il-progress ikun jidher li qed isir bil-mod. Waqt li tagħmel dan, kun żgur li ‘l-Alla taʼ l-imħabba u tal-paċi jkun miegħek.’—Galatin 6:9; 2 Korintin 13:11.
[Noti taʼ taħt]
a Ara l-istampa f’paġna 75 tal-ktieb Revelation—Its Grand Climax At Hand! pubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.
b Pubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.
[Kaxxa/Stampa f’paġna 20]
INFLUWENZA POŻITTIVA?
Komponiment pubblikat mill-Media Awareness Network intitolat “Violence in Media Entertainment” (Il-Vjolenza fid-Divertiment tal-Mezzi tax-Xandir) josserva: “Il-konċett tal-vjolenza bħala mezz biex jiġu solvuti l-problemi huwa enfasizzat fid-divertiment fejn kemm il-ħżiena kif ukoll l-eroj taʼ spiss jużaw il-vjolenza.” Meta ġew analizzati l-programmi tat-televixin, il-films, u l-vidjos tal-mużika, madwar 10 fil-mija biss minnhom ikkunsidraw il-konsegwenzi ħżiena tal-vjolenza. Minflok, il-komponiment jgħid, “il-vjolenza kienet sempliċement preżentata bħala ġustifikata, naturali, u inevitabbli—l-iktar mod ovvju kif jiġu solvuti l-problemi.”
Taħseb li għandek bżonn tagħmel aġġustamenti f’dak li taraw fuq it-televixin fid-dar tiegħek? Tħallix id-divertiment tal-mezzi tax-xandir idgħajjef l-isforzi tiegħek biex tgħallem lil uliedek ikunu paċifiċi.
[Stampa f’paġna 17]
Naqqax f’uliedek ix-xewqa biex jogħġbu lill-“Alla tal-paċi”
[Stampa f’paġna 18]
Agħmel kull sforz meħtieġ biex tikkoreġi kliem u azzjonijiet li jweġġgħu
[Stampa f’paġna 19]
Uliedek għandhom jitgħallmu jitolbu skuża u jaħfru